Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Staff permanenti

Il-membri tal-istaff permanenti huma membri tas-servizz ċivili tal-UE maħturin għal żmien indefinit. Dawn jikkostitwixxu l-forza tax-xogħol ewlenija.

Hemm tliet kategoriji għall-uffiċjali permanenti tal-UE: Amministraturi (AD), Assistenti (AST) u Segretarji/Skrivani (AST/SC).

Amministratur

L-amministraturi jaħdmu f’diversi setturi bħall-ġustizzja, il-liġi, il-finanzi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-affarijiet barranin, l-agrikoltura, l-ekonomija, l-IT, il-komunikazzjoni, ir-riżorsi umani, ix-xjenza, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. 

Id-dmirijiet jinkludu l-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni; it-twettiq ta’ ħidma ta’ analiżi u ta’ konsulenza; it-twettiq ta’ kompiti regolatorji il-parteċipazzjoni fin-negozjati internazzjonali; il-koordinament mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab; l-involviment maċ-ċittadini ir-reviżjoni u t-traduzzjoni ta’ testi legali tal-UE, fost ħafna oħrajn. 

Karriera ta’ amministratur tvarja bejn il-gradi AD 5 sa AD 16. Il-grad AD 5 hu l-grad tal-livell ta’ dħul għal gradwati universitarji; il-gradi AD 15 u AD 16 huma riżervati għad-Diretturi Ġenerali. 

Is-selezzjoni u r-reklutaġġ jistgħu jkunu possibbli wkoll fi gradi AD 6 jew AD 7 fi profili aktar speċjalizzati. F’dan il-każ, il-kandidati se jkunu mistennija li jkollhom diversi snin ta’ sfond edukattiv rilevanti u l-esperjenza tax-xogħol se tkun meħtieġa għall-biċċa l-kbira tal-profili. 

Il-gradi AD 9 sa AD 12 huma meħtieġa għal karigi tal-maniġment intermedju. L-esperjenza fl-immaniġġjar preċedenti hi obbligatorja għas-selezzjoni u r-reklutaġġ f’dawn il-gradi ogħla.

Assistenti

L-assistenti huma tipikament involuti fi rwol eżekuttiv jew tekniku, billi jipprovdu appoġġ f’diversi oqsma bħall-finanzi, il-komunikazzjoni, l-amministrazzjoni, ir-riċerka, l-IT jew l-implimentazzjoni tal-politika, biex insemmu biss ftit minnhom. 

Karriera ta’ assistent tvarja bejn il-gradi AST 1 sa AST 11 u l-istaff normalment jidħol fil-gradi AST 1 jew AST 3. 

Segretarji/Skrivani - Staff ta' appoġġ
 
Is-segretarji u l-iskrivani huma ġeneralment involuti fl-immaniġġjar ta’ uffiċċju jew fl-għoti ta’ appoġġ amministrattiv fl-istituzzjonijiet tal-UE. Id-dmirijiet tagħhom jinkludu l-iffinalizzar ta’ dokumenti u files; l-appoġġ tal-attivitajiet tal-unità jew tad-dipartiment (il-laqgħat, l-ivvjaġġar uffiċjali, id-djarju); il-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni (l-aġġornament tal-bażijiet tad-data, il-files); it-twettiq ta’ kompiti manwali.  

Karriera ta' segretarju/skrivan tkopri l-gradi minn AST/SC 1 sa AST/SC 6. Staff ġdid normalment jidħol fil-gradi AST/SC 1 jew AST/SC 2. 

 

Ikseb aktar dettalji minn din it-tabella tas-salarji.

Skopri aktar dwar il-proċeduri tas-selezzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli għall-istaff permanenti.