Header

Dwar l-EPSO

Dwar l-EPSOEPSO – Il-bieb tiegħek għal impjiegi fl-UE

Ir-rwol tal-EPSO huwa li jgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE billi jipprovdi proċeduri ta’ selezzjoni ta’ kwalità għolja, effiċjenti u effettivi li jippermettulhom li jirreklutaw il-persuna t-tajba, għall-impjieg xieraq, fil-ħin opportun. Għal stampa kompluta ta’ kif jaħdem l-EPSO, ara l-filmat tagħna https://vimeo.com/104704292!

L-EPSO huwa uffiċċju interistituzzjonali responsabbli mis-selezzjoni tal-persunal li jaħdem għall-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea inklużi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-Ombudsman Ewropew. Kull istituzzjoni tirrekluta l-persunal minn lista li tingħata mill-EPSO ta’ kandidati li jirnexxilhom jgħaddu mill-proċess kollu.

Minn meta beda jaħdem f’Jannar 2003, l-EPSO żviluppa f’ċentru ta’ selezzjoni tal-ogħla livell fi żvilupp kontinwu għall-istituzzjonijiet tal-UE. Biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-UE jirreklutaw l-aħjar kandidati possibbli biex jaħdmu fuq l-isfidi impenjattivi li qed tiffaċċja l-Ewropa, l-EPSO jżomm ħarstu fuq ix-xejriet fis-suq tax-xogħol, iwessa’ n-netwerks soċjali tiegħu u jżomm kuntatti regolari ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma n-NU u l-Unjoni Afrikana biex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattika.

L-EPSO huwa fuq quddiem nett fil-metodi tal-ittestjar tal-kandidati. F’dawn l-aħħar snin, l-ittestjar m’għadux ibbażat fuq eżamijiet tal-għarfien iżda mexa għal simulazzjonjiet tax-xogħol ta’ kuljum li jivvalutaw il-kompetenzi ġenerali tal-kandidati. Dawn il-valutazzjonijiet huma dejjem iktar interattivi u qed jiġu kontinwament irfinati. L-innovazzjonijiet reċenti notevoli kienu l-introduzzjoni ta’ test ibbażat fuq il-kompjuter bl-isem ta’ e-tray u l-intervisti bil-vidjow mill-bogħod.

Dan l-eżerċizzju ta’ eċċellenza fil-qasam tas-selezzjoni u l-innovazzjonijiet fl-ittestjar tal-EPSO ġew rikonoxxuti minn korpi tal-ittestjar fid-dinja u l-EPSO regolarment jitkellem waqt konferenzi dwar l-ittestjar. Tabilħaqq, l-EPSO dalwaqt se jingħata l-istandard internazzjonali ISO 10667 għall-valutazzjonijiet fuq ix-xogħol u fis-snin li ġejjin, se jkompli jaħdem biex inaqqas iż-żmien meħud għall-proċeduri ta’ selezzjoni.

Illum, l-EPSO jipproċessa medja ta’ 70,000 applikazzjoni fis-sena għal madwar 1,500 post tax-xogħol. L-ittestjar isir b’24 lingwa – dan huwa xenarju uniku fid-dinja tas-selezzjoni. Jekk tixtieq tieħu idea dwar it-tip ta’ testijiet ta’ selezzjoni li jorganizza l-EPSO għall-kandidati, agħmel it-Testijiet Kampjun.

Il-volum kbir ta’ applikazzjonijiet li l-EPSO jirċievi kull sena huma xhieda tal-Propożizzjoni tal-Valur tal-Impjegatur tal-EPSO li tgawdi minn reputazzjoni tajba ħafna għax toffri impjiegi differenti għal matul il-ħajja, l-opportunità li taħdem f’pajjiż barrani u xogħol interessanti u li joffri sfida li għandu impatt fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini tal-UE. Fil-fatt, skont it-Trendence Graduate Barometer li hu l-istituzzjoni fuq quddiem nett fir-riċerka dwar ir-reklutaġġ, l-istituzzjonijiet tal-UE jinsabu fost l-aqwa 100 impjegatur fl-Ewropa, u fl-2015, il-fergħa Belġjana ta’ Randstad Holding NV, il-kumpanija ta’ konsulenza tar-riżorsi umani multinazzjonali Olandiża, poġġiet lill-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel post fil-klassifika tal-impjegaturi għal dik is-sena, u dan minħabba l-inizjattivi ta’ branding ta’ EPSO.

L-EPSO jaħdem ukoll mill-qrib mal-Istituzzjonijiet biex itejjeb il-proċess tar-reklutaġġ għal dawk li jgħaddu mill-kompetizzjonijiet miftuħa - biex is-sistema kollha ssir aktar trasparenti u faċli għal min jużaha.