Għarfien eċċellenti ta’ lingwa Ewropea tiftaħlek ħafna bibien fl-istituzzjonijiet tal-UE. Skont xi nhuma l-kompetenzi tiegħek, tista’ tapplika għal pożizzjoni bħala traduttur, interpretu, qarrejj tal-provi, jew lingwista. Għalkemm ħafna mill-postijiet jinkisbu permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa, huwa possibbli f’ċerti każijiet li tapplika għal kuntratt b’terminu fiss, freelance jew traineeship.
Deskrizzjoni tal-impjieg
L-avukati lingwisti tal-UE jiżguraw li l-leġiżlazzjoni l-ġdida kollha jkollha l-istess tifsira f'kull lingwa Ewropea. Ix-xogħol jeħtieġ avukati kapaċi b'abilitajiet lingwistiċi straordinarji, li għandhom esperjenza fl-abbozzar jew fit-traduzzjoni, fil-verifika jew fir-reviżjoni ta' testi legali. L-avukati lingwisti jridu jkunu kapaċi jagħrfu bi preċiżjoni x'intenzjoni għandha twassal il-leġiżlazzjoni tal-UE, u jirreflettu dik l-intenzjoni b'lealtà fil-lingwa nattiva tagħhom.
Kwalifiki Importanti
Irid ikollok għarfien perfett ta' waħda mil-lingwi tal-UE u għarfien profond tal-anqas ta' 2 oħra u lawrja fil-liġi. Esperjenza preċedenti fit-traduzzjoni ta' testi legali u lingwi addizzjonali huma meqjusin ta' vantaġġ.
Il-proċedura tal-għażla għall-avukati lingwisti tiffoka fuq l-għarfien legali u lingwistiku tiegħek u l-ħiliet tat-traduzzjoni kif ukoll il-kompetenzi ewlenin meħtieġa tal-uffiċjali kollha tal-UE. Skopri aktar dwar il-proċedura ta’ selezzjoni. Tista' ssib ukoll utli t-testijiet kampjun tagħna.
L-għażliet għall-avukat lingwista jistgħu jitnedew fi kwalunkwe ħin matul is-sena, għalkemm il-pubblikazzjoni għandha t-tendenza li tkun jew fir-rebbiegħa inkella fil-ħarifa. Iċċekkja l-paġna ewlenija tagħna għall-avviż dwar il-lingwi li nkunu qed infittxu fis-sena korrenti.
Ara wkoll is-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja għal opportunitajiet ta' kuntratti temporanji.