Persunal ta' Appoġġ

Home > Profili ta' Karriera mal-UE > Persunal ta' Appoġġ

Kemm jekk tkun impjegat b’mod permanenti jew bħala aġent kuntrattwali, hemm għadd ta’ opportunitajiet għal applikanti bi kwalifiki segretarjali jew esperjenza fir-Riżorsi Umani u l-amministrazzjoni. Il-persunal ta’ appoġġ huma meħtieġa fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, fis-setturi kollha, għaldaqstant tista’ tgawdi minn xogħol varjat u ambjent stimulanti tkun fejn tkun impjegat.

Deskrizzjoni tal-impjieg

Billi jaħdmu fir-riżorsi umani, l-assistenti jwettqu kompiti relatati mal-ġestjoni tal-politika tal-persunal f'oqsma bħar-reklutaġġ, il-karrieri, it-taħriġ u l-opportunitajiet indaqs.

Dawn jistgħu jinkludu fost oħrajn il-ġestjoni u s-segwitu ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-politka tal-persunal, b’mod partikolari r-reklutaġġ, il-karrieri, it-taħriġ professjonali, l-opportunitajiet indaqs, id-drittijiet individwali u finanzjarji, l-abbozzar ta’ noti u/jew korrispondenza, it-tħejjija ta’ rapporti amministrattivi, it-tħejjija, iż-żamma u s-segwitu ta’ laqgħat, il-ġestjoni ta’ proġetti, l-analiżi u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ ħidma, l-assistenza fl-implimentazzjoni ta’ sistemi kontabilistiċi, finanzjarji, statistiċi u tal-informatika, u t-tmexxija ta’ tim.

Jistgħu jiġu impjegati aġenti kuntrattwali wkoll sabiex iwettqu xi kompiti relatati mar-riżorsi umani.

Kwalifiki importanti

Irid ikollok għarfien tajjeb ta’ mill-inqas 2 lingwi tal-UE u jew edukazzjoni postsekondarja jew tal-inqas 3 snin esperjenza professjonali fir-riżorsi umani, jew edukazzjoni sekondarja u tal-inqas 6 snin esperjenza professjonali.

Il-ħtiġijiet jistgħu jkunu differenti għal aġenti kuntrattwali.

Skopri aktar dwar il-proċedura ta’ selezzjoni. Tista' ssib ukoll utli t-testijiet kampjun tagħna.

Deskrizzjoni tal-impjieg

Il-kompiti amministrattivi tas-segretarji fl-istituzzjonijiet tal-UE jvarjaw skont il-kariga. B'mod ġenerali, is-segretarji jipprovdu appoġġ awtonomu lil persuna jew lil unità waħda jew iktar fi ħdan l-istituzzjoni - u b'hekk jiffurmaw, jittrasformaw u jqassmu l-informazzjoni. Xogħlok jista’ jinkludi l-preparazzjoni ta’ fajls, l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-dipartiment (laqgħat, żjarat uffiċjali), il-ġestjoni ta’ dokumenti (ilqugħ, ipproċessar, segwitu, tqegħid f’fajls), it-tħejjija, l-ipproċessar, l-iffinalizzar u l-verifika ta’ dokumenti, is-sejbien, il-kompilazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni.

Fid-dipartimenti tat-traduzzjoni, ix-xogħol jista’ jinvolvi wkoll ir-riċezzjoni, il-ġestjoni u l-ipproċessar tat-talbiet għat-traduzzjoni u b’mod partikolari l-preparazzjoni, l-ipproċessar u l-finalizzazzjoni tad-dokumenti, mili u aġġornar ta’ memorji ta’ traduzzjoni, ittajpjar, tfassil u format tal-paġni ta’ xogħol.

Jistgħu jiġu impjegati wkoll aġenti kuntrattwali sabiex iwettqu dmirijiet segretarjali.

Kwalifiki Importanti

Irid ikollok għarfien tajjeb ta’ mill-inqas 2 lingwi tal-UE u jew kwalifika segretarjali postsekondarja, jew edukazzjoni sekondarja u tal-inqas 3 snin esperjenza professjonali bħala segretarju. Il-ħtiġijiet jistgħu jkunu differenti għal aġenti kuntrattwali.

Skopri aktar dwar il-proċedura ta’ selezzjoni. Tista' ssib ukoll utli t-testijiet kampjun tagħna.