Amministraturi fil-qasam tal-Awditjar

Home > Amministraturi fil-qasam tal-Awditjar

Qed tfittex karriera fl-awditjar fis-settur pubbliku internazzjonali? Qed infittxu gradwati żgħażagħ b’talent (AD 5) u speċjalisti b’esperjenza (AD 7) fil-qasam tal-awditjar. Il-membri tal-persunal ġodda reklutati se jaħdmu primarjament fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell u fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-Lussemburgu.

L-Awdituri tal-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu varjetà ta’ awditi ta’ kontroll esterni, interni u ex-post. Huma jipprovdu assigurazzjoni għall-ġestjoni billi jwettqu awditi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika tal-UE li jeżaminaw il-konformità mal-liġijiet u r-regolamenti u l-valur għall-flus.

Bħala awditur, trid tivvaluta kemm qed jiġu ġestiti sew ir-riskji, tara kif tiġi rregolata l-organizzazzjoni u jekk il-proċessi interni humiex qed jaħdmu sew. Peress li l-kompiti jinkludu wkoll l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza fl-oqsma operazzjonali kollha tal-UE, l-awdituri jistgħu jkunu meħtieġa joperaw f’diversi Stati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi matul il-karriera tagħhom. L-ispeċjalisti bl-esperjenza (AD 7) se jmexxu wkoll kompiti ta’ awditjar billi jallokaw kompiti u jissorveljaw it-tim tal-awditjar.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel l-almu tiegħu biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs għall-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fuq il-paġna ddedikata tagħna.

Titlifx din l-opportunità ta’ karriera mill-aqwa – ir-reġistrazzjoni tiftaħ fis-7 ta’ Mejju 2019.

 

Għandek dak li hu meħtieġ biex tapplika?

Biex tapplika għall-profil tal-gradwati, għandek bżonn lawrja universitarja jew kwalifika professjonali f’qasam rilevanti.

Biex tapplika għall-profil speċjalizzat, għandek bżonn ukoll mill-inqas 6–7 snin esperjenza professjonali rilevanti li minnhom mill-inqas 3–4 snin fil-qasam tal-awditjar (skont il-livell tal-edukazzjoni tiegħek).

Barra minn hekk għaż-żewġ profili, trid tkun ċittadin tal-UE u jkollok għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-24 lingwa tal-UE kif ukoll għarfien sodisfaċenti jew tal-Ingliż jew tal-Franċiż.

Għal informazzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra  l-Avviż tal-Kompetizzjoni ppubblikat  fis-7 ta’ Mejju 2019.

 

 

Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura tas-selezzjoni: 

Applikazzjoni

Testijiet fuq il-kompjuter (CBT)

Talent screener

Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

Lista ta’ riżerva