CAST tfisser Għodda ta’ Għażla tal-Aġenti Kuntrattwali. L-Aġenti Kuntrattwali jiġu ingaġġati biex jagħmlu kompiti ta’ xogħol manwali jew ħidma ta’ servizz ta’ għajnuna amministrattiva jew jipprovdu aktar kapaċità addizzjonali f’oqsma speċjalizzati fejn ma jkunx hemm għadd ta’ uffiċjali biżżejjed bil-kapaċitajiet speċjalizzati disponibbli.
Permanenti tfisser li m’hemm l-ebda skadenza biex wieħed japplika għal profil tal-CAST, huwa metodu ta’ għażla miftuħ fejn il-kandidati jżommu r-riżultati tagħhom ta’ suċċess għal perjodu ta’ żmien determinat minn qabel.
L-Aġenti Kuntrattwali jiġu impjegati għal perjodu massimu fiss ta’ 6 snin, bosta drabi b’kuntratti inizjali iqsar minn 6 xhur sa 12-il xahar iżda li jiġġedded, skont it-tip ta’ xogħol. F’xi Aġenziji, Rappreżentazzjonijiet u Delegazzjonijiet, il-kuntratt jista’ jwassal għal kuntratt indefinit.
Gruppi ta’ funzjoni
Il-pożizzjonijiet għal persunal b'kuntratt huma disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ impjiegi, li jeħtieġu livelli differenti ta’ kwalifiki. Huma jinqasmu f’erba’ gruppi funzjonali:
- Xogħol manwali jew ħidma ta' servizz ta' għajnuna amministrattiva
- Ħidma klerikali jew segretarjali, tmexxija tal-uffiċċju u xogħol ieħor ekwivalenti
- Xogħol eżekuttiv, abbozzar, kontabilità u xogħol ieħor tekniku ekwivalenti
- Xogħol amministrattiv, konsultattiv, lingwistiku u xogħol tekniku ekwivalenti.
Biex tapplika għall-grupp ta’ funzjoni I trid tkun lestejt b’suċċess l-edukazzjoni obbligatorja.
Biex tapplika għall-gruppi ta’ funzjoni II u III trid tkun lestejt l-edukazzjoni postsekondarja jew ikollok diploma ta’ edukazzjoni sekondarja li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja. Irid ikollok ukoll esperjenza professjonali xierqa ta’ tliet snin jew aktar jew, fejn ikun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.
Biex tapplika għall-grupp ta’ funzjonijiet IV trid tkun lestejt l-istudji universitarji ta’ tliet snin jew aktar jew, fejn dan ikun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti.
Tista’ tapplika għal grupp ta’ funzjoni wieħed jew diversi, sakemm tissodisfa r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà.
Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel l-almu tiegħu biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs għall-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fuq il-paġna ddedikata tagħna.
Profili
Il-CAST Permanenti jinkludi għadd mhux eżawrjenti ta’ profili fil-gruppi ta’ funzjoni I, II, III u IV. F’kull grupp ta’ funzjoni, tista’ tagħżel ukoll profil wieħed jew diversi. Jekk jogħġbok ftakar li dejjem qed tapplika għal profil u mhux għal pożizzjoni speċifika ta’ impjieg.
- Amministrazzjoni / Riżorsi umani
- Persunal għall-kura tat-tfal
- Komunikazzjoni
- Psikologi Edukattivi
- Il-Finanzi
- Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)
- Liġi
- Ħaddiema ta’ appoġġ manwali u amministrattiv
- Affarijiet Politiċi / Politiki tal-UE
- Ġestjoni tal-Progetti/Programmi:
- Qarrejja tal-provi
- Segretarji / Skrivani
- Tradutturi
Bħala FGII tista’ tassisti bil-fajls tas-selezzjoni u tar-reklutaġġ: it-tnedija ta’ sejħiet u pubblikazzjonijiet, il-wasla u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ bordijiet tas-selezzjoni, is-segwitu tal-ħidma tal-bordijiet tas-selezzjoni. Tista’ tassisti wkoll fit-tħejjija tar-rapportar perjodiku u l-analiżi tad-data dwar ir-reklutaġġ u s-selezzjoni tal-persunal, u tgħin fil-monitoraġġ tal-pjan ta’ stabbiliment: il-monitoraġġ ta’ postijiet vakanti, il-koordinazzjoni mas-servizzi responsabbli għar-reklutaġġ ta’ kategoriji differenti ta’ persunal; it-twettiq ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni biex jiġu ppubblikati postijiet tax-xogħol. Tista’ tappoġġja l-ħidmiet ta’ tħejjija u ta’ segwitu dwar l-attivitajiet ta’ tagħlim u żvilupp abbażi ta’ prijoritajiet strateġiċi identifikati mill-maniġment, kif ukoll tappoġġja u tapplika r-regoli relatati ma’ kwistjonijiet speċifiċi oħra tar-Riżorsi Umani.
Bħala FGIII tista’ tħejji u tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-fajls tas-selezzjoni u tar-reklutaġġ: l-abbozzar ta’ avviżi ta’ postijiet vakanti, it-tnedija ta’ sejħiet u pubblikazzjonijiet, l-analiżi tal-applikazzjonijiet u d-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tagħhom, l-organizzazzjoni u s-segwitu tal-bordijiet tas-selezzjoni, it-tħejjija tad-dokumenti tar-reklutaġġ (il-kontroll tal-eliġibbiltà, l-istabbiliment ta’ gradi, eċċ.). Tista’ wkoll tikkollabora u tikkontribwixxi għall-funzjonijiet amministrattivi u tal-ġestjoni tar-riżorsi umani. Tista’ tgħin fit-tħejjija u s-segwitu tar-rappurtar perjodiku u l-analiżi tad-data dwar ir-reklutaġġ u s-selezzjoni tal-persunal, kif ukoll l-eżerċizzji ta’ promozzjoni u ta’ riklassifikazzjoni. Tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-komunikazzjoni dwar il-politika ta’ taħriġ maħsuba għall-persunal kollu, u għat-tfassil ta’ attivitajiet ġodda ta’ tagħlim u żvilupp abbażi ta’ prijoritajiet strateġiċi identifikati mill-maniġment.
Bħala FGIV tista’ tikkontribwixxi għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni, kif ukoll tiġġestixxi u tissorvelja l-fajls tas-selezzjoni u tar-reklutaġġ. Tista’ tħejji wkoll aġġornamenti u dokumenti oħra fil-qasam tal-ġestjoni tar-Riżorsi Umani, u tikkoordina rappurtar perjodiku u analiżi tad-data. Tista’ tittratta mas-superviżjoni u l-verifika tal-impenji legali u finanzjarji b’rabta ma’ proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħek, b’konformità sħiħa mar-regoli finanzjarji attwali. Tista’ taħdem fuq l-għoti ta’ pariri u l-koordinazzjoni ma’ servizzi abbażi tal-istrateġiji annwali tar-Riżorsi Umani tagħhom, kif ukoll tirrappreżenta l-istituzzjoni permezz ta’ preżentazzjonijiet dwar attivitajiet ta’ komunikazzjoni għal udjenzi interni u esterni.
Bħala FGII tista’ twettaq kompiti ta’: edukatur/childminder għall-faċilitajiet ta’ wara l-iskola u għall-faċilitajiet ta’ childcare fil-beraħ għal tfal ta’ età bejn 3.5-14, għalliem tal-kindergarten, infermiera tan-nursery/ħaddiem taċ-childcare għal tfal ta’ età bejn 0-3 fi crèches, eċċ.
Applika għall-profil ta’ membru tal-istaff tal-kura tat-tfal
Bħala FGIII tista’ torganizza u tkompli taħdem fuq laqgħat tal-ippjanar fi ħdan is-servizz, ma’ servizzi oħra u ma’ kuntratturi esterni. Tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-produzzjoni/koerenza viżwali ta’ banners, pubblikazzjonijiet u materjal promozzjonali, kif ukoll, għall-implimentazzjoni u t-twaqqif ta’ pjanijiet ta’ komunikazzjoni dwar prijoritajiet u proġetti fil-qasam tal-komunikazzjoni. Tista’ taħdem fuq il-produzzjoni editorjali, jiġifieri l-produzzjoni ta’ skedi informattivi u l-aġġornar ta’ siti tal-intranet. Tista’ tikkoopera fil-ġestjoni ta’ proġetti, inklużi r-regolamenti finanzjarji, u tikkollabora fuq is-segwitu ta’ proġetti permezz tal-midja soċjali. Tista’ wkoll tikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ briefings u dokumenti oħrajn relatati mal-komunikazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi.
Bħala FGIV tista’ taħdem fl-istabbiliment, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta’ komunikazzjoni, kif ukoll tipprepara briefings u dokumenti oħra relatati mal-komunikazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi. Tista’ tissorvelja u tivverifika impenji legali u finanzjarji b’konnessjoni ma’ proġetti taħt ir-responsabbiltà tiegħek, b’konformità sħiħa mar-regoli finanzjarji attwali. Tista’ wkoll tiżgura l-koordinazzjoni u s-sinerġija fid-Direttorat Ġenerali (DĠ)/istituzzjoni u mal-unitajiet ta’ komunikazzjoni tas-servizzi/tad-DĠ relatati dwar il-prijoritajiet politiċi, kif ukoll tagħti pariri u tikkoordina mas-servizzi abbażi tal-istrateġiji annwali ta’ komunikazzjoni tagħhom. Bħala FGIV tista’ tkun involut fl-għoti ta’ preżentazzjonijiet dwar aspetti ewlenin tal-attivitajiet u r-riżultati ta’ proġett u tikkontribwixxi għall-azzjonijiet ta’ tixrid ma’ udjenzi interni u esterni. Tista’ torganizza, tipprepara, twaqqaf u timmaniġġja laqgħat u konferenzi dwar prijoritajiet ta’ komunikazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati fl-istituzzjoni jew barra l-istituzzjoni. Tista’ wkoll twettaq segwitu ta’ proġetti permezz tal-midja soċjali.
Bħala FGIV tista’ tipprovdi għarfien espert fil-qasam tal-psikoloġija edukattiva lid-day nursery u/jew liċ-ċentru ta’ wara l-iskola u tgħin fit-tħejjija ta’ ċerti fajls relatati ma’ dan ir-rwol. Tista’ wkoll issegwi mill-qrib ix-xogħol tal-infermiera tan-nursery, il-persunal tal-kindergarten u/jew l-għalliema/edukaturi biex tipprovdi appoġġ għax-xogħol edukattiv tagħhom. Tista’ tikkontribwixxi għat-taħriġ kontinwu dwar kwistjonijiet edukattivi sabiex issaħħaħ il-professjonaliżmu tal-persunal edukattiv, kif ukoll, timmaniġġja l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-implimentazzjoni/it-titjib tal-pjan ta’ taħriġ u l-organizzazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ fi kwistjonijiet edukattivi. Tista’ tosserva u ssegwi l-iżvilupp ġenerali tat-tfal, biex tiżgura l-aħjar kundizzjonijiet għall-benessri tagħhom fid-day nursery jew fiċ-ċentru ta’ wara l-iskola. Imbagħad tista’ wkoll tinforma lill-ġenituri, f’laqgħat organizzati għal dan il-għan, dwar l-attivitajiet ta’ wliedhom biex tinżamm relazzjoni magħhom ibbażata fuq il-fiduċja u s-sħubija. Inti se taġixxi f’sitwazzjonijiet speċifiċi, fuq it-talba tal-infirmiera tan-nursery, tal-persunal tal-kindergarten u/jew tal-għalliema/edukaturi, ta’ ġenitur jew b’inizjattiva proprja biex ittejjeb il-kundizzjonijiet u tiżgura l-benessri tat-tfal.
F’dan ir-rwol, tista’ tipproponi bidliet fl-organizzazzjoni ġenerali sabiex ittejjeb il-kwalità pedagoġika tax-xogħol, il-ħajja tat-tfal fid-day nuresery u/jew iċ-ċentru ta’ wara l-iskola, u s-servizz lill-ġenituri. Inti se tibqa’ f’kuntatt permanenti, jew b’mod kollettiv jew inkella fuq bażi individwali mal-infermiera tan-nursery, mal-persunal tal-kindergarten, u/jew l-għalliema/edukaturi biex tiżgura l-konsistenza edukattiva tal-persunal ta’ għalliema. Tista’ wkoll tiżviluppa proposti għall-ippjanar tal-aspetti differenti tal-organizzazzjoni ġenerali, inklużi s-selezzjoni u l-akkwist ta’ materjal, biex tinfluwenza b’mod pożittiv il-kwalità tal-ħajja tat-tfal u s-servizz ipprovdut lill-ġenituri. Tista’ tiżgura li d-dikjarazzjoni tal-missjoni edukattiva tiġi implimentata b’mod xieraq u tipparteċipa, jekk meħtieġ, fl-isforzi ta’ koordinazzjoni bejn id-day nurseries u ċ-ċentri ta’ wara l-iskola.
Bħala FGII int tista’ tħejji fajls finanzjarji u taġixxi bħala aġent inizjatur fiċ-ċirkwiti finanzjarji, filwaqt li tagħti wkoll assistenza klerikali u amministrattiva marbuta ma’ sejħiet għal proposti/offerti u appoġġ fl-ipproċessar ta’ informazzjoni finanzjarja u rappurtar finanzjarju. Tista’ wkoll tassisti fi proċessi ta’ kontabilità u kompiti relatati mal-awditjar, bħal appoġġ klerikali għall-awdituri, l-iffajljar, eċċ.
Bħala FGIII tista’ tkun qed taħdem fuq it-tnedija finanzjarja u/jew il-verifika, l-appoġġ finanzjarju u l-appoġġ fil-qafas ta’ sejħiet għal proposti/offerti. Tista’ wkoll tamministra informazzjoni finanzjarja u tipprovdi appoġġ għal ġestjoni ta’ kontabilità u verifika.
Bħala FGIV tista’ taħdem fuq l-ippjanar u s-segwitu tal-baġit/tal-finanzi, fuq l-informazzjoni u r-rappurtar dwar il-baġit/il-finanzi, kif ukoll fuq il-koordinazzjoni u l-pariri baġitarji/finanzjarji. Tista’ taħdem ukoll fuq fuq analiżi u rappurtar finanzjarju, tal-baġit u tal-awditjar.
Bħala FGIII tista’ tkun involut fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u l-analiżi ta’ proċessi tan-negozju, kif ukoll tassisti bid-diżinn u l-implimentazzjoni ta’ bażijiet tad-data. Tista’ taħdem b’lingwi tal-ipprogrammar bħal JAVA, Visual Basic, Visual C#, Powerbuilder, ASP.NET, C++, ColdFusion, eċċ., u b’interfaces ta’ applikazzjonijiet ibbażati fuq il-web. Tista’ taħdem ukoll fuq l-amministrazzjoni tal-ambjent tal-utent (il-konfigurazzjoni, l-amministrazzjoni u l-appoġġ ta’ sistemi operattivi, għodod tal-uffiċċju, stampaturi u riżorsi xxerjati oħrajn f’ambjent ta’ network).
Bħala FGIII tista’ tittratta ukoll mal-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ siti web u paġni HTML, XML u UML (lingwi tal-ipprogrammar bħal JAVA, ASP.NET, PHP u ColdFusion). Tista’ taħdem fuq l-amministrazzjoni ta’ servers tal-Web (bħal Planet Web Server, Microsoft Internet Information Server, ColdFusion Server, applikazzjonijiet Oracle BEA WebLogic, Apache Server, eċċ.). Tista’ wkoll timmaniġġja networks u telekomunikazzjonijiet (bl-użu ta’ protokolli LAN/WAN u servizzi (DHCP, DNS, HTTP, HTTPS, SNMP, Active Directory), bl-użu ta’ teknoloġiji tal-internet biex timplimenta networks interni jew biex tikkonnettja networks flimkien, sigurtà tan-network, żviluppi fil-qasam ta’ teknoloġiji VPN, sistemi tat-telefonija/fax, l-integrazzjoni ta’ vuċi u , komunikazzjonijiet mobbli, bis-satellita jew wireless). Bħala FG III tista’ wkoll tgħin fl-organizzazzjoni u s-segwitu ta’ proġetti u/jew servizzi operazzjonali fi kwalunkwe qasam minn dawn.
Bħala FGIV tista’ tkun involut fil-koordinazzjoni, l-immaniġġjar u t-tfassil, l-implimentazzjoni u s-superviżjoni ta’ proġetti tal-ICT, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ sistemi, servizzi u sigurtà tal-IT. Tista’ wkoll tissorvelja u timmaniġġja kuntratti u relazzjonijiet ma’ dipartimenti klijenti u fornituri. Bħala FGIV tista’ wkoll twettaq studji strateġiċi u analiżi ta’ prodotti fuq is-suq.
Applika għall-profil tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)
Bħala FGIII tista’ tikkontribwixxi għall-istudji u r-riċerka fil-liġi nazzjonali, tal-Komunità u internazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, u għall-analiżi u t-tħejjija ta’ abbozzi ta’ opinjonijiet u noti legali. Tista’ wkoll teżamina fajls ta’ qabel il-litigazzjoni (ilmenti, eċċ.), diversi kompiti relatati mal-proċedimenti tal-qorti, u tħejji dikjarazzjonijiet tal-pożizzjoni. Tista’ tkun involut ukoll fit-tħejjija ta’ dokumenti relatati mal-attivitajiet tal-istituzzjoni u l-korpi preparatorji u l-kumitati speċjali.
Bħala FGIV tista’ taħdem biex tiżgura ċ-ċertezza legali, il-kwalità tal-abbozzar u l-konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli. Tista’ tassisti u tirrappreżenta lill-istituzzjoni f’tilwim u, fejn xieraq, tirrappreżentaha f’każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll, tipprovdi pariri u opinjonijiet orali jew bil-miktub dwar kwistjonijiet legali, istituzzjonali u proċedurali lill-istituzzjonijiet u lill-istanzi jew lis-servizzi preparatorji. Tista’ wkoll tanalizza u tabbozza ħidma kunċettwali, studji u analiżi legali, kif ukoll, tipprovdi abbozzi ta’ tweġibiet għal talbiet u lmenti indirizzati lill-Awtorità tal-Ħatra minn uffiċjali u aġenti.
Bħala FGI tista’ twettaq impjiegi bħal: assistent fil-kċina/ kok, wejter, persunal tal-imħażen, persunal fl-istamperija, messaġġier / qaddej fil-kamra tal-laqgħat / persunal ta’ appoġġ fl-uffiċċju / ġestjoni tad-dokumenti, ġestjoni tal-bini, xufier, servizz tal-ġarr, uxxieri parlamentari jew uxxier għal istituzzjonijiet oħra, uffiċjal tas-sigurtà u tal-prevenzjoni, receptionist, dispatcher, tekniku tas-sistemi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni / aġent għall-mogħdija tal-kejbils, eċċ.
Applika għall-profil tal-ħaddiema ta’ appoġġ manwali u amministrattiv
Bħala FGIII tista’ tikkontribwixxi għas-segwitu ta’ żviluppi ta’ politika u tiżgura interface b’servizzi xierqa, kif ukoll tikkoopera ma’ dipartimenti oħra li jaħdmu fuq dawn il-fajls. Tista’ tikkontribwixxi għal rapporti, briefings u noti għal diskorsi dwar fajls ta’ politika u tipprovdi kwalunkwe kontribuzzjoni meħtieġa, flimkien ma’ kontributi għal mistoqsijiet parlamentari fil-qasam tal-politika. Tista’ tkun involut fit-tħejjija ta’ laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati, toħroġ b’konklużjonijiet ta’ politika u tkompli taħdem fuq dawk il-laqgħat. Tista’ wkoll tippreżenta l-Kummissjoni/l-istituzzjoni jew id-Direttorat Ġenerali (DĠ) f’avvenimenti/laqgħat interni, interistituzzjonali u esterni, rilevanti għas-servizz, taħt is-superviżjoni tal-Kap ta' Unità jew l-uffiċjal ta’ politika.
Bħala FGIV tista’ taħdem fuq il-monitoraġġ, l-analiżi u r-rappurtar dwar is-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali ta’ pajjiż partikolari, kif ukoll tkompli taħdem fuq il-politiki reġjonali, barranin u multilaterali tal-pajjiż. Tista’ tifformula u tikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-objettivi ta’ politika, il-prijoritajiet u l-politiki tal-UE dwar ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, umanitarji u relazzjonijiet oħra f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u donaturi oħrajn. Hemm mnejn tikkoordina u tikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ żjarat u missjonijiet ta’ livell għoli, laqgħat ad hoc, kuntatti ma’ pajjiżi li mhumiex tal-UE, is-soċjetà ċivili, eċċ.
Bħala FGIV tista’ taħdem fuq l-abbozzi u s-segwitu ta’ dokumenti ta’ politika, dokumenti strateġiċi, atti legali, diskorsi, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħrajn dwar il-qasam assenjat, kif ukoll l-abbozz ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet u petizzjonijiet orali u bil-miktub tal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) Tista’ taħdem fl-iżgurar tal-koerenza tal-azzjonijiet u l-politiki tal-UE fil-pajjiż billi tikkontribwixxi u tipparteċipa f’konsultazzjonijiet bejn is-servizzi dwar il-komunikazzjonijiet uffiċjali, id-dokumenti ta’ politika u dokumenti ta’ ħidma interni tal-istituzzjonijiet tal-UE. Tista’ wkoll tippreżenta l-istituzzjoni, taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal, f’laqgħat fuq livell interistituzzjonali u internazzjonali (eż. gruppi konsultattivi) dwar il-qasam assenjat. Tista’ wkoll tikkontribwixxi għan-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali.
Bħala FGIII tista’ tittratta mal-ippjanar tal-proġett/programm, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-għeluq tal-proġetti u l-attivitajiet wara l-proġetti. Tista’ taħdem ukoll fuq l-infiq finanzjarju, il-ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-kwalità, u l-komunikazzjoni esterna u l-informazzjoni pubblika.
Bħala FGIV tista’ taħdem fuq sejħiet għall-proposti u sejħiet għall-offerti (promozzjoni, evalwazzjoni u negozjati), kif ukoll l-ippjanar ta’ proġetti/programmi, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-għeluq tal-proġetti u l-attivitajiet wara l-proġetti. Tista’ tittratta wkoll mal-komunikazzjoni interna u esterna u t-tixrid tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-konsultazzjoni interni, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni u l-koordinazzjoni esterna.
Bħala FG III, int se tkun tikkoreġi u teditja. Dan jista' jinvolvi testi ta’ qari tal-provi f’termini ta’ ortografija, grammatika, punteġġatura, ifformattjar, tipografija, filwaqt li tissottolinea u tikkummenta fuq it-test biex jittejjeb f’termini ta’ ċarezza, u ddaħħal il-korrezzjonijiet tal-awturi. Jista’ jinvolvi wkoll it-tħejjija u l-iċċekkjar tal-provi għall-pubblikazzjoni f’diversi formati u midja, kif ukoll it-tħejjija ta’ manuskritti f’format elettroniku jew f’format stampat f’termini ta’ ortografija, grammatika u sintassi, u l-iċċekkjar ta’ testi għall-koerenza u l-uniformità tagħhom. Dan ir-rwol jista’ jinvolvi l-iċċekkjar tal-konformità mal-konvenzjonijiet u r-regoli stilistiċi, u l-konformità tat-testi mal-Gwida Interistituzzjonali tal-Istil adottata mill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea. Jista’ jinvolvi wkoll il-verifika tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-kuntratturi esterni f’dan il-qasam. Dan ir-rwol jista’ jinkludi wkoll it-tħejjija tad-dokumenti tal-Istituzzjonijiet għall-pubblikazzjoni u l-finalizzazzjoni tat-testi f’termini tipografiċi. Tista’ wkoll twettaq diversi kompiti oħra relatati mal-lingwi, bħall-moderazzjoni tal-kontenut tal-paġni tas-sit web u t-traskrizzjoni.
Bħala FGII tista’ twettaq kompiti segretarjali li huma marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, il-ġestjoni tal-fajls, it-tħejjija ta’ vjaġġi, il-monitoraġġ tal-korrispondenza, iż-żamma ta’ djarju ta’ appuntamenti, eċċ. Tista’ wkoll tabbozza memos, noti, minuti ta’ laqgħat u xogħol ta’ koordinazzjoni u ppjanar fid-dipartiment tiegħek.
Bħala FG IV, se tkun qed tittraduċi fil-lingwa 1 tiegħek minn tal-inqas żewġ lingwi sors (primarjament mill-Ingliż u/jew il-Franċiż). Se taqra u tikkoreġi t-traduzzjonijiet tiegħek, kif ukoll tirrevedi t-traduzzjonijiet minn tradutturi oħra interni u freelance. Inti se tagħmel riċerka dwar it-terminoloġija u toħloq/iżżomm bażijiet ta’ termini, kif ukoll tgħin b’miżuri ta’ taħriġ u l-iżvilupp ta’ għodod tal-IT. Inti se tipprovdi wkoll pariri lingwistiċi u taqsam għarfien speċjalizzat fl-oqsma ta’ interess għall-Istituzzjoni. F’dan ir-rwol, tista’ tikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-kwalità u ż-żamma tad-data lingwistika, inkluża għat-traduzzjoni awtomatika, kif ukoll tmexxi proġetti lingwistiċi u flussi tax-xogħol.