Amministraturi fil-qasam tal-Protezzjoni tad-<i>Data</i>

Paġna ewlenija > Amministraturi fil-qasam tal-Protezzjoni tad-<i>Data</i>

Għandek għarfien espert u esperjenza professjonali bħala speċjalista tal-protezzjoni tad-data? Ħerqan li tissalvagwardja l-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-privatezza fl-UE? Jekk iva, dan hu ċ-ċans tiegħek.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna qed ifittxu speċjalisti tal-protezzjoni tad-data (grad amministrattiv AD 6).

L-esperti tal-protezzjoni tad-data jwettqu varjetà kbira ta’ kompiti, inklużi:

  • l-għoti ta’ informazzjoni u pariri dwar prattika tajba fil-qasam tal-protezzjoni tad-data;
  • l-abbozzar ta’ dokumenti ta’ gwida rispettivi u l-kontribut għall-promozzjoni tal-għarfien pubbliku;
  • l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;
  • it-trattament u l-investigazzjoni tal-ilmenti dwar il-protezzjoni tad-data.

Barra minn hekk, huma,

  • jivvalutaw l-impatt tal-għażliet teknoloġiċi fuq il-protezzjoni tad-data u joffru soluzzjonijiet rilevanti;
  • joffru pariri dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE;
  • iwettaqu attivitajiet ta’ awditjar u kompiti b’rabta ma’ litigazzjoni;
  • jirrappreżentaw l-istituzzjonijiet f’kawżi fil-qorti.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. 

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Sabiex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE u tkun taf tal-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE, mill-anqas livell C1 (għarfien profond): Il-Lingwa 1 (waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE) u l-Lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż).

Barra minn hekk, għandek bżonn grad universitarju ta’ mill-anqas 3 snin, segwit minn mill-anqas 3 snin esperjenza professjonali relatata mal-qasam (jiġifieri l-iżvilupp ta’ politiki dwar il-protezzjoni tad-data u/jew l-applikazzjoni tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-data).

Jekk dan jaqbel mal-profil tiegħek, mela inti dak li qed infittxu!

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti u dwar il-proċedura tal-applikazzjoni u t-testijiet, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu ta’ applikazzjoni jiftaħ fid-9 ta’ Settembru.