Amministraturi fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza alimentari

Paġna ewlenija > Amministraturi fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza alimentari
Female doctor discussing during a conference with colleagues.

Inti espert b’għarfien sod fl-oqsma tas-saħħa jew tas-sikurezza alimentari? Jekk iva, kompli aqra.

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) qed tfittex amministraturi b’għarfien espert fl-oqsma tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ikel. L-esperti reklutati (grad AD 7) se jaħdmu prinċipalment fid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE). Il-kandidati li jgħaddu mill-profili 1 u 2 se jiġu reklutati l-aktar fi Brussell u l-Lussemburgu, filwaqt dawk li jgħaddu mill-profil 3 se jiġu reklutati fi Grange (l-Irlanda).

Aħna noffru opportunitajiet lill-esperti li huma adattati għal kwalunkwe wieħed mit-3 profili ta’ hawn taħt. Jekk jogħġbok kun af li tista’ tapplika biss għal profil wieħed.

  1. It-tfassil tal-politika u t-tfassil tal-liġijiet fil-qasam tas-saħħa: il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li tiżviluppa l-politika u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-saħħa u li timplimenta l-leġiżlazzjoni eżistenti. Se twettaq studji soċjoekonomiċi preparatorji u tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati u lill-Istati Membri. Se twettaq ukoll kompiti regolatorji fid-diversi oqsma tas-saħħa (inklużi l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tal-kriżijiet) u ssegwi l-iżviluppi xjentifiċi f’dawn l-oqsma. Inti se tħejji u tipparteċipa fin-negozjati u se timmonitorja u tuża l-pariri xjentifiċi li jinħarġu mill-aġenziji rilevanti tal-UE.
     
  2. It-tfassil tal-politika u t-tfassil tal-liġijiet fil-qasam tas-sikurezza alimentari: il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li tiżviluppa l-politika u l-leġiżlazzjoni fl-oqsma tas-sikurezza alimentari u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti u li timplimenta l-leġiżlazzjoni eżistenti. Se twettaq studji soċjoekonomiċi preparatorji u kompiti regolatorji, inklużi l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tal-kriżijiet. Se tħejji u tipparteċipa wkoll fin-negozjati u fl-arranġamenti kummerċjali ta’ segwitu fil-qasam tas-sikurezza alimentari u tal-għalf. Se tikkontribwixxi għall-attivitajiet regolatorji internazzjonali u għall-politiki kummerċjali tal-UE u se timmonitorja u tuża l-pariri xjentifiċi li jinħarġu mill-aġenziji rilevanti tal-UE.
     
  3. Awditjar, spezzjoni u evalwazzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza alimentari: il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li twettaq awditi, spezzjonijiet u evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u ta’ entitajiet uffiċjali oħra responsabbli għas-sorveljanza u l-kontroll regolatorji f’oqsma bħas-sikurezza alimentari u l-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-protezzjoni tas-saħħa. Id-dmirijiet amministrattivi tiegħek se jinkludu t-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ awditjar u evalwazzjoni, l-abbozzar ta’ rapporti tal-awditjar u l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ politiki fid-dawl tar-riżultati ta’ dawn l-awditi.

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. 

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Trid tkun ċittadin tal-UE u jkollok għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż.

Barra minn hekk, għandek bżonn lawrja universitarja ta’ mill-inqas 4 snin f’suġġett relatat mal-profil speċifiku (tista’ ssib il-lista ta’ suġġetti għal kull profil fl-Avviż tal-Kompetizzjoni, disponibbli fil-paġni tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt), segwita minn tal-inqas 6 snin esperjenza professjonali direttament rilevanti għad-dmirijiet tal-profil magħżul. Alternattivament, irid ikollok grad universitarju ta’ mill-inqas 3 snin f’suġġett relatat mal-profil speċifiku, segwit minn tal-inqas 7 snin esperjenza professjonali rilevanti.

Jekk dan jaqbel mal-profil tiegħek, mela inti dak li qed infittxu!

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġni tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fl-20 ta’ Mejju 2021.