Amministraturi fil-qasam tas-Saħħa Pubblika

Inti speċjalist tas-saħħa pubblika u qed tfittex karriera eċċitanti ġdida fl-istituzzjonijiet tal-UE? Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex speċjalisti tas-saħħa u s-sikurezza alimentari b’talent u motivati fil-qasam tal-awditjar, l-ispezzjoni u l-evalwazzjoni u speċjalisti tas-sikurezza alimentari fil-qasam tal-politika u l-leġiżlazzjoni.

L-amministraturi tas-saħħa u s-sikurezza alimentari jwettqu u jmexxu l-awditi, jippreparaw rapporti u kwistjonijiet tekniċi kif ukoll iżommu l-għarfien professjonali u xjentifiku fil-qasam.

L-amministraturi tal-politika u l-leġiżlazzjoni jiżviluppaw il-politika u l-leġiżlazzjoni, jimplimentaw u jimmaniġġjaw il-leġiżlazzjoni eżistenti u jwettqu kompiti regolatorji, inkluża valutazzjoni tar-riskju, u jissorveljaw il-ftehimiet kummerċjali.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom bżonn livelli sinifikanti ta’ inġenjożità, reżiljenza u aġilità mentali, iżda joffru wkoll firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim-, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. Se tkun qed taħdem f’timijiet multikulturali, internazzjonali u varjati għall-benefiċċju ttal-ħajja ta' aktar minn 500 miljun ċittadin fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Nies bilqiegħda u jitkellmu ħdejn kompjuter.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u nagħmlu ħilitna biex napplikaw opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali fl-eżamijiet ta’ selezzjoni għal kandidati b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali fuq il-paġna tagħna ta’ opportunitajiet indaqs.

Titlifx din l-opportunità ta’ karriera mill-aqwa – ir-reġistrazzjoni tiftaħ fil-15 ta’ Marzu 2018.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Qabel ma tapplika, importanti li taħsibha sew jekk karriera fl-UE hijiex l-għażla t-tajba għalik. “Karriera fl-UE, Karriera Għalija?” huwa kwestjonarju li jagħtik idea realistika jekk intix se tilħaq l-istandards għoljin meħtieġa biex tgħaddi minn din il-kompetizzjoni.

Irid ikollok lawrja universitarja ta’ mill-inqas tliet snin f’suġġett rilevanti segwita minn tal-inqas erba’ snin esperjenza professjonali fil-qasam. Barra minn hekk, għandu jkollok iċ-ċittadinanza tal-UE u għarfien tajjeb ta’ żewġ lingwi Ewropej. Waħda minn dawn li ġejjin: Ingliż, Franċiż, Ġermaniż jew Taljan, u lingwa oħra mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

 

Ħarsa ġenerali lejn l-Amministraturi fil-qasam tas-Saħħa Pubblika



Applikazzjoni

Testijiet fuq il-kompjuter (CBT)

Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

Lista ta’ riżerva

Ibda bil-profil “Saħħa u sikurezza alimentari - awditjar, spezzjoni u evalwazzjoni”

 

 

Ibda bil-profil “Is-sikurezza alimentari - politika u leġiżlazzjoni”