Amministraturi fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali

Paġna ewlenija > Amministraturi fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali

Int speċjalista fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali? Tixtieq tibda karriera internazzjonali fi ħdan tim multikulturali u varjat? Jekk iva, erġa’ aqra.

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) bħalissa qed tfittex speċjalisti b’esperjenza professjonali fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali. L-uffiċjali tal-politika reklutati (grad AD 6) se jaħdmu prinċipalment fid-Direttorat Ġenerali tal-KE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) fi Brussell.

Il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li tiżviluppa politiki u leġiżlazzjoni ġdida, timplimenta u timmaniġġja l-leġiżlazzjoni u l-programmi eżistenti, twettaq analiżijiet ekonomiċi u tipprovdi perspettivi ta’ politika. Se tinnegozja u/jew timmonitorja wkoll il-ftehimiet kummerċjali, se tikkontribwixxi għall-attivitajiet ta’ evalwazzjoni dwar il-prestazzjoni u l-valur miżjud tal-UE tal-miżuri taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ AGRI, u se tirrappreżenta lid-DĠ AGRI fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kummissjoni, fil-kumitati tal-UE, fl-istituzzjonijiet tal-UE, fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fil-fora.

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. 

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Biex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE b’għarfien ta’ mill-inqas 2 lingwi tal-UE: għarfien profond tal-Lingwa 1 (waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE) u għarfien sodisfaċenti tal-Lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż)

Għandek bżonn ukoll lawrja universitarja ta’ mill-inqas 3 snin fix-xjenzi agrikoli, segwita minn mill-inqas 3 snin esperjenza professjonali fil-qasam (agrikoltura sostenibbli, żvilupp rurali, forestrija, riżorsi naturali sostenibbli, ekonomija agrikola, swieq agrikoli u kummerċ). Tista tapplika wkoll jekk ikollok lawrja universitarja ta’ mill-inqas 3 snin f’kwalunkwe qasam segwita minn tal-inqas 6 snin esperjenza professjonali fil-qasam.

Jekk dan jaqbel mal-profil tiegħek, mela inti dak li qed infittxu!

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fl-4 ta’ Frar 2021.