Amministraturi fil-kooperazzjoni internazzjonali u fl-immaniġġjar tal-għajnuna lil pajjiżi mhux tal-UE

Home > Amministraturi fil-kooperazzjoni internazzjonali u fl-immaniġġjar tal-għajnuna lil pajjiżi mhux tal-UE

L-Unjoni Ewropea qed tfittex speċjalisti b’esperjenza estensiva fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-immaniġġjar tal-għajnuna lil pajjiżi li mhumiex fl-UE.

L-ispeċjalisti reklutati (gradi AD 7 u AD 9) se jaħdmu prinċipalment fid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea li jifformulaw il-politika ta’ żvilupp tal-UE biex inaqqsu l-faqar fid-dinja, jiżguraw żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli u jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma d-donatur dinji ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp.

Il-kompiti ewlenin jinkludu l-analiżi u l-elaborazzjoni tal-politiki ta’ żvilupp u l-għajnuna umanitarja, il-formulazzjoni tal-orjentazzjoni strateġika għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-għajnuna umanitarja tal-UE, u l-kontribuzzjoni għall-immaniġġar tal-kriżijiet. Barra minn hekk, id-dmirijiet jikkonsistu fl-immaniġġjar u t-tfassil ta’ strumenti finanzjarji kif ukoll il-promozzjoni tal-użu ta’ dawn l-istrumenti f’kooperazzjoni ma’ interlokuturi interni u esterni u partijiet ikkonċernati. Speċjalisti fil-grad ogħla (AD 9) jistgħu wkoll jimmaniġġjaw tim ta’ professjonisti.

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

Titlifx din l-opportunità kbira ta’ karriera – il-perjodu ta’ applikazzjoni jiftaħ fil-5 ta’ Diċembru 2019!

 

Għandek dak li hu meħtieġ biex tapplika?

Trid tkun ċittadin tal-UE u jkollok għarfien profond ta’ waħda mill-24 lingwa tal-UE u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew il-Franċiż .

Barra minn hekk, teħtieġ grad universitarju tal-anqas ta’ 3-4 snin segwit b’tal-inqas 6-7 snin esperjenza professjonali fil-kooperazzjoni internazzjonali. Għall-grad ogħla (AD 9), se jkollok bżonn 10–11-il sena ta’ esperjenza professjonali fil-kooperazzjoni internazzjonali.

Għal informazzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni ppubblikat fil-5 ta’ Diċembru 2019.

 

Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura tas-selezzjoni: 

Applikazzjoni

Testijiet fuq il-kompjuter (CBT)

Talent screener

Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

Lista ta’ riżerva