Coronavirus – Informazzjoni importanti

Paġna ewlenija > Coronavirus – Informazzjoni importanti

Jekk jogħġbok innota li, sakemm jingħata avviż ieħor, l-aħħar informazzjoni mogħtija dwar il-COVID-19 se tiġi aġġornata primarjament bl-Ingliż. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn se jiżdiedu b’mod gradwali.

ĠDIDA – aġġornata 19/05/2020:

L-EPSO qed jimmonitorja kontinwament l-evoluzzjoni tal-coronavirus COVID-19. Qed nieħdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni u dawk xierqa skont l-istruzzjonijiet u l-linji gwida pprovduti lilna mill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali. Sadanittant, nagħtu parir lill-kandidati li qed jieħdu sehem fil-proċeduri ta’ selezzjoni li għaddejjin bħalissa biex jiċċekkjaw il-profil tal-EPSO tagħhom u s-sit web tal-EPSO fuq bażi regolari. Tista’ wkoll tibgħatilna l-mistoqsijiet tiegħek bħas-soltu permezz tal-formola ta’ kuntatt online.

Testijiet ibbażati fuq il-kompjuter:

L-EPSO qed jaħdem biex jerġa’ jibda l-ittestjar ibbażat fuq il-kompjuter għal proċeduri ta’ selezzjoni differenti, flimkien mal-kuntrattur tiegħu Prometric. Dan iqis ir-regoli differenti fis-seħħ fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi iżda wkoll iż-żminijiet differenti ta’ ftuħ mill-ġdid, it-tbegħid soċjali u l-miżuri ta’ iġjene. Hekk kif aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-ippjanar tat-testijiet tkun disponibbli, se naġġornaw il-paġni tal-proċeduri ta’ selezzjoni rilevanti.

Testijiet taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni fi Brussell u fil-Lussemburgu:

L-EPSO waqqaf l-attivitajiet kollha taċ-Ċentri ta’ Evalwazzjoni tiegħu, fi Brussell u fil-Lussemburgu. Iċ-Ċentri ta' Evalwazzjoni tal-kompetizzjonijiet EPSO/AD/372/19, EPSO/AD/373/19 u EPSO/AD/374/19 huma sospiżi b’effett mid-9 ta’ Marzu sa Settembru 2020. L-iskedi ta’ żmien tal-paġni tal-kompetizzjonijiet attwali differenti qed jiġu riveduti u se jiġu emendati fiż-żmien dovut skont dati ġodda ta’ ppjanar.

Proċedura ta’ selezzjoni CAST/P (CAST Permanenti):

Il-proċeduri ta’ ttestjar permanenti tal-CAST f’Marzu ġew interrotti b’mod sinifikanti mill-kriżi tal-coronavirus. Jekk ġejt mistieden għat-testijiet f’Marzu (10-16 ta’ Marzu) iżda ma stajtx tibbukkja jew tagħmel it-test, int se tkun mistieden tagħmel test f’Ġunju-Lulju. Se tirċievi stedina permezz tal-profil tal-EPSO tiegħek.

Il-perjodu ta’ ttestjar li jmiss għall-proċedura ta’ selezzjoni CAST/P issa huwa skedat għal tmiem Ġunju — bidu ta’ Lulju. Id-dati indikattivi l-ġodda diġà ġew ippubblikati fuq il-paġni web tal-profili differenti tal-CAST/P.

L-EPSO huwa konxju li wħud mill-kandidati mistiedna għat-testijiet f’Ġunju - Lulju 2020 jistgħu ma jkunux jistgħu jipprenotaw u/jew jagħmlu t-test minħabba l-effetti kontinwi tal-pandemija COVID-19.

Jekk inti tkun wieħed minn dawk il-kandidati, jekk jogħġbok innota li se tiġi mistieden għal test fil-futur. M’għandekx għax tikkuntattja lill-EPSO b’mod individwali jew tieħu xi azzjoni. Sa tmiem Awwissu, tirċievi email ta’ konferma fl-indirizz indikat fil-profil tal-EPSO tiegħek.

L-istedina mill-ġdid għal test fil-futur hija miżura li l-EPSO jieħu biex itaffi l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kandidati u biex jiżgura opportunitajiet indaqs kemm jista’ jkun fiċ-ċirkostanzi attwali.

Kompetizzjonijiet u proċeduri ta’ selezzjoni ġodda:

L-EPSO qed jaħdem qatigħ biex jippruva jżomm mal-ippjanar indikattiv tal-kompetizzjonijiet ġodda, u jinsab ħerqan li jagħżel kollegi impenjati u ddedikati biex insawru l-Ewropa flimkien f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Dalwaqt se tingħata aktar informazzjoni dwar il-kompetizzjonijiet li ġejjin.

Jekk jogħġbok kompli ħu ħsieb tiegħek innifsek, u tal-familja u tal-ħbieb tiegħek.