Tradutturi Daniżi, Ġermaniżi, Finlandiżi u Żvediżi

Paġna ewlenija > Tradutturi Daniżi, Ġermaniżi, Finlandiżi u Żvediżi
Man talking with alphabet letters coming out of his mouth.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex tradutturi Daniżi, Ġermaniżi, Finlandiżi u Żvediżi. L-istaff reklutat (Aġenti temporanji fil-grad AD 5) se jkun qed jaħdem fid-dipartimenti tal-lingwi rispettivi tad-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni (DĠT) tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell jew fil-Lussemburgu.

Bħala traduttur, se tkun meħtieġ tittraduċi dokumenti mill-Ingliż għal-lingwa tal-proċedura ta’ selezzjoni magħżula tiegħek. Dawn it-testi spiss ikunu kumplessi u jittrattaw suġġetti politiċi, legali, ekonomiċi, finanzjarji, xjentifiċi jew tekniċi li jinkludu l-oqsma kollha ta’ attività tal-UE. Tista’ tkun meħtieġ ukoll tirrevedi t-traduzzjonijiet (kemm it-traduzzjonijiet minn kollegi interni kif ukoll minn kuntratturi esterni) u tagħmel riċerka dwar it-terminoloġija. Ix-xogħol ta’ traduttur jinvolvi l-użu ta’ ħiliet diġitali u għodod tal-IT speċifiċi u għodod relatati.

Jekk jirnexxielek tgħaddi, tista’ tiġi offrut kuntratt temporanju għal erba’ snin, li jista’ jiġġedded għal perjodu massimu ta’ sentejn.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex jibbenefikaw il-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE b’għarfien ta’ mill-anqas żewġ lingwi tal-UE: għarfien perfett tal-Lingwa 1 (lingwa tal-proċedura ta’ selezzjoni) u għarfien profond tal-Ingliż (Lingwa 2), mela inti dak li qed infittxu. Żomm f’moħħok li l-għarfien ta’ kwalunkwe lingwa oħra tal-UE jista’ jiġi kkunsidrat fl-istadju tar-reklutaġġ.

Ftakar li jrid ikollok livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal mill-inqas 3 snin ta’ studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma. M'għandekx bżonn esperjenza professjonali.

Għal informazzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra s-Sejħa għal Espressjoni ta' Interess fil-paġni Applika hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fis-7 ta’ Jannar 2021.