Esperti fl-appoġġ tekniku għar-Riformi Strutturali tal-Istati Membri u esperti fl-acquis ta’ Schengen

Paġna ewlenija > Esperti fl-appoġġ tekniku għar-Riformi Strutturali tal-Istati Membri u esperti fl-acquis ta’ Schengen
picture showing people working around a table

Inti espert b’għarfien qawwi tar-riformi strutturali jew tal-acquis ta’ Schengen? Jekk iva, kompli aqra.

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) bħalissa qed tfittex amministraturi b’għarfien espert kemm fir-riformi strutturali kif ukoll amministraturi b’għarfien espert fl-acquis ta’ Schengen. L-esperti reklutati (grad AD 7) se jaħdmu prinċipalment fid-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għar-Riforma Strutturali (DĠ REFORM) u d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-KE.

Aħna noffru opportunitajiet lill-esperti li jaqblu ma’ wieħed minn dawn iż-żewġ profili:

Amministraturi għall-appoġġ għar-riformi strutturali: il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li tfassal, timplimenta u tevalwa proġetti ta’ appoġġ tekniku, bl-għan li tappoġġja r-riformi amministrattivi u strutturali fl-Istati Membri. Inti se tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’pariri diretti fil-livell tekniku u politiku, tfassal u tikkoordina proġetti ta’ appoġġ tekniku, timmaniġġja kuntratti u ftehimiet kumplessi u timmonitorja l-implimentazzjoni operazzjonali tal-appoġġ tekniku lill-Istati Membri.

Amministraturi tal-acquis ta’ Schengen: il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li tfassal, timplimenta u tevalwa l-acquis ta’ Schengen fl-Istati Membri, bl-għan li ssaħħaħ il-qafas legali u ta’ politika fis-seħħ. Inti se tħejji inizjattivi leġiżlattivi dwar l-acquis ta’ Schengen u se tipparteċipa fin-negozjati, tikkontribwixxi għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ġodda ta’ politika, tivvaluta u tevalwa l-leġiżlazzjoni eżistenti u tipprovdi pariri diretti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell tekniku u politiku.

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. 

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Biex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE b’għarfien ta’ mill-anqas 2 lingwi uffiċjali tal-UE: għarfien profond ta’ waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew il-Franċiż.

Għandek bżonn ukoll grad universitarju ta’ mill-anqas 4 snin segwit ta’ mill-anqas 6 snin esperjenza professjonali direttament rilevanti għad-dmirijiet tal-profil magħżul, jew grad universitarju ta’ mill-anqas 3 snin segwit ta’ mill-anqas 7 snin esperjenza professjonali rilevanti. Jekk jogħġbok kun af li tista’ tapplika biss għal profil wieħed.

Jekk dan jaqbel mal-profil tiegħek, mela inti dak li qed infittxu!

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġni tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fit-8 ta’ April 2021.