Ġuristi lingwisti fil-lingwa Irlandiża

Paġna ewlenija > Ġuristi lingwisti fil-lingwa Irlandiża

Inti ġurista multilingwi, interessat li ssegwi karriera internazzjonali?

L-UE qed tfittex ġuristi lingwisti tal-lingwa Irlandiża (GA) ikkwalifikati ħafna. L-uffiċjali reklutati (grad AD 7) se jaħdmu prinċipalment fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, ibbażata fil-Lussemburgu.

Bħala ġurista lingwista, tittraduċi testi legali fil-lingwa tal-kompetizzjoni minn tal-anqas żewġ lingwi oħrajn u tirrevedi dawn it-traduzzjonijiet. Inti tkun meħtieġ tipprovdi wkoll analiżi legali b’kooperazzjoni mar-Reġistri u mad-dipartimenti l-oħrajn tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, il-ġuristi lingwisti jużaw għodda standard tal-informatika kif ukoll għodda tal-uffiċċju.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex iwasslu benefiċċju lill-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE b’għarfien eċċellenti ta’ mill-anqas 3 lingwi tal-UE: għarfien perfett tal-Lingwa 1 (l-Irlandiż – il-lingwa tal-kompetizzjoni), għarfien profond tal-Lingwa 2 (l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Pollakk jew l-Ispanjol) u għarfien profond tal-Lingwa 3 (waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE - differenti mil-Lingwa 1 u Lingwa 2) allura int il-persuna li qed infittxu.

Barra minn hekk, irid ikollok livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmumin, iċċertifikati b’waħda mid-diplomi fil-liġi li ġejjin:

  • Leibhéal oideachais arb ionann é agus cúrsa ollscoile a bheith críochnaithe agus deimhnithe le dioplóma sa dlí, nó a comhionann, nó cáilíocht mar abhcóide nó aturnae a baineadh amach in Éirinn; féadfar dioplómaí nó cáilíochtaí coibhéiseacha a baineadh amach sa Ríocht Aontaithe a chur san áireamh.
  • Taithí ghairmiúil iomchuí bliana ar a laghad i gcás iarrthóirí a rinne cúrsaí trí bliana.

Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali jekk l-istudji universitarji meħtieġa jkunu damu erba’ snin jew aktar.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fit-18 ta’ Novembru 2021.