Speċjalisti tal-IT

Home > Speċjalisti tal-IT

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex speċjalisti u assistenti b’esperjenza biex jaħdmu bħala aġenti temporanji prinċipalment fil-Lussemburgu fl-oqsma li ġejjin:

  1. Teknoloġija Avvanzata: Computing ta’ Prestazzjoni Għolja
  2. Teknoloġija Avvanzata: Teknoloġiji tal-Quantum
  3. Analiżi tad-Data u Xjenza tad-Data
  4. Post tax-Xogħol Diġitali, Awtomatizzazzjoni tal-Uffiċċju u Computing Mobbli
  5. Sigurtà fl-ICT
  6. Infrastruttura tal-IT u tal-Cloud.

Bħala speċjalista (grad AD 8), inti tiddefinixxi u timplimenta strateġiji ġodda tal-ICT jew prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-qasam, tittraduċi l-ħtiġijiet tan-negozju f’soluzzjonijiet tal-ICT, u taħdem b’data statistika u b’sorsi ta’ data kbira. Id-dmirijiet tiegħek jinkludu ż-żamma tal-operat tas-servizzi tal-ICT, il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-parteċipazzjoni fil-laqgħat bħala speċjalista tekniku.

Bħala assistent (grad AST 4), inti tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-IT billi tikkontribwixxi għad-disinn tas-soluzzjoni, tabbozza speċifikazzjonijiet tan-negozju, u tassisti fl-ippjanar baġitarju u tar-riżorsi. Id-dmirijiet tiegħek jinkludu l-analiżi u l-ipproċessar ta’ data statistika u sorsi ta’ big data, il-parteċipazzjoni fil-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-ICT u l-kontribuzzjoni għal laqgħat ta’ informazzjoni u preżentazzjonijiet.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra s-Sejħa għal Espressjonijiet ta' Interess ippubblikata fid-9 ta’ Jannar 2020.

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

Il-kandidati magħżula jistgħu jiġu offruti kuntratt temporanju għal 4 snin. Il-paga tikkonsisti minn salarju bażiku miżjud b’allowances speċifiċi, li jinkludu l-allowance tal-espatrijazzjoni u tal-benefiċċji tal-familja (jekk applikabbli). 

Titlifx din l-opportunità kbira ta’ karriera – il-perjodu ta’ applikazzjoni jiftaħ fid-9 ta’ Jannar 2020!