Ġuristi lingwisti

Paġna ewlenija > Ġuristi lingwisti

Inti ġurista multilingwi, interessat li tfittex karriera internazzjonali?

L-UE qiegħda tfittex ġuristi lingwisti bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Franċiża, Irlandiża, Ungeriża u Pollakka. L-uffiċjali reklutati (grad AD 7) se jaħdmu prinċipalment fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u fil-Kummissjoni Ewropea.

Bħala ġurista lingwista, se tirrevedi t-testi legali tal-UE fil-lingwa tal-kompetizzjoni minn tal-inqas żewġ lingwi oħra u tipprovdi pariri dwar l-abbozzar leġiżlattiv. Il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li jiġu segwiti l-proċeduri leġiżlattivi matul il-proċess kollu u li taġixxi bħala konsulent, waqt li tivverifika l-kwalità tal-abbozzar u l-konformità mar-regoli formali dwar il-preżentazzjoni ta’ testi leġiżlattivi. Ix-xogħol tal-ġuristi-lingwisti jinvolvi l-użu ta’ għodod standard tal-IT u ta’ teknoloġija ta’ kull uffiċċju u kuntatti frekwenti mad-diversi parteċipanti fil-proċedura leġiżlattiva.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex jibbenefikaw il-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE b’għarfien eċċellenti ta’ mill-anqas 3 lingwi tal-UE: għarfien perfett tal-Lingwa 1 (lingwa tal-kompetizzjoni), għarfien profond tal-Ingliż, (Lingwa 2) u għarfien profond tal-Lingwa 3 (waħda mill-24 lingwi uffiċjali tal-UE, differenti mil-Lingwa 1 u mil-Lingwa 2), mela inti dak li qed infittxu.

Barra minn hekk, trid tkun lestejt l-istudji universitarji fil-liġi Bulgara, Ċeka, Franċiża/Belġjana/Lussemburgiża, Ungeriża jew Pollakka. Jekk tapplika għall-profil lingwistiku Irlandiż, għandu jkollok lawrja fil-liġi mogħtija fl-Irlanda jew fir-Renju Unit.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fl-24 ta’ Settembru 2020.