Ġuristi lingwisti

Paġna ewlenija > Ġuristi lingwisti

Inti kwalifikat fil-liġi Daniża, Griega/Ċiprijotta, Franċiża/Belġjana/Lussemburgiża, Kroata jew Pollakka? Allura int tista’ tkun wieħed mill-ġuristi lingwisti fi grad AD7 li jmiss biex jissieħbu mal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Lussemburgu!

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkostitwixxi l-awtorità ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea u, b’kooperazzjoni mal-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri, hi responsabbli biex tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod f’kull Stat Membru, u li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jimxu magħha.

Bħala ġurista lingwista, inti se tittraduċi testi legali kumplessi, bħal sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, opinjonijiet tal-Avukati Ġenerali u sottomissjonijiet bil-miktub minn tal-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE fil-lingwa ewlenija tiegħek. Int u taħdem fil-qalba tal-ġustizzja tal-UE, se taqdi rwol ewlieni biex tipprovdi analiżi legali b’kooperazzjoni mar-Reġistri u ma’ dipartimenti oħrajn tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE b’għarfien eċċellenti ta’ mill-anqas 3 lingwi tal-UE: għarfien perfett tal-Lingwa 1 (lingwa tal-kompetizzjoni), Lingwa 2 (għarfien profond tal-Franċiż) u Lingwa 3 (għarfien tajjeb ta’ waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE), mela inti dak li qed infittxu! Jekk jogħġbok innota li jekk il-lingwa 1 tiegħek hi l-Franċiż, jeħtieġ li jkollok għarfien profond tal-lingwa Olandiża, Ġermaniża, Finlandiża, Ungeriża, Taljana, Pollakka, Portugiża, Spanjola jew Żvediża bħala l-Lingwa 2.

Ftakar li għandek tkun għamilt studji universitarji fil-liġi Daniża, Griega/Ċiprijotta, Franċiża/Belġjana/Lussemburgiża, Kroata jew Pollakka.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġni tal-applikazzjoni hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fil-5 ta’ Marzu 2020.

 

Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura tas-selezzjoni: 

Applikazzjoni

Testijiet tat-traduzzjoni

Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

Lista ta’ riżerva