Assistenti lingwistiċi

Paġna ewlenija > Assistenti lingwistiċi

Tajjeb bil-kliem? Tħaddem il-grammatika b’mod impekkabbli? Mela lesti ruħek biex tapplika l-ħiliet lingwistiċi tiegħek f’ambjent internazzjonali.

L-istituzzjonijiet tal-UE qed ifittxu assistenti lingwistiċi Kroati, Olandiżi, Estonjani, Taljani, Pollakki u Portugiżi (grad AST 1).

Bħala assistent lingwistiku, se tgħin lil-lingwisti, lit-tradutturi u lill-ġuristi lingwisti fil-ħidma ta’ traduzzjoni, reviżjoni u finalizzazzjoni u se tiżgura l-ġestjoni tad-dokumenti. Tista’ twettaq riċerka dwar it-terminoloġija, tipproċessa testi u żżomm il-memorji tematiċi tat-traduzzjonijiet aġġornati. Fit-twettiq tal-kompiti tiegħek, se tuża għodod tal-IT speċjalizzati u se tappoġġja l-lingwisti u t-tradutturi fl-użu ta’ dawn l-għodod.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex iwasslu benefiċċju lill-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.
 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE u taf tal-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE: għarfien sħiħ ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali li ġejjin: l-Estonjan, il-Kroat, it-Taljan, l-Olandiż, il-Pollakk, jew il-Portugiż u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż, allura int dak li qed infittxu.

Barra minn hekk, irid ikollok: jew livell ta’ edukazzjoni postsekondarja attestat b’diploma rilevanti għan-natura tad-dmirijiet, jew livell ta’ edukazzjoni sekondarja attestat b’diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni postsekondarja, segwit minn mill-anqas 3 snin esperjenza professjonali rilevanti għan-natura tad-dmirijiet.

Kandidat jista’ japplika biss għal profil lingwistiku wieħed.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġni tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fil-21 ta’ April 2022.