Qarrejja tal-provi/edituri tal-Lingwa

Paġna ewlenija > Qarrejja tal-provi/edituri tal-Lingwa

Qed tfittex karriera lingwistika? Tajjeb bil-kliem? Tħaddem il-grammatika b’mod impekkabbli? Mela lesti ruħek biex tapplika l-ħiliet lingwistiċi tajbin tiegħek f’ambjent internazzjonali.

Il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja qed ifittxu biex jimpjegaw qarrejja tal-provi/edituri tal-lingwa Griegi, Spanjoli, Estonjani, Irlandiżi, Taljani u Portugiżi (grad AST 3) fis-servizzi lingwistiċi tagħhom fil-Lussemburgu.

Jekk tiġi reklutat, il-kompiti tiegħek se jinkludu l-qari tal-provi ta’ manuskritti, il-verifika tat-testi tradotti għall-konsistenza mal-lingwa oriġinali, it-tħejjija u l-verifika tal-provi għall-pubblikazzjoni f’diversi formati u media, u t-tħejjija tal-manuskritti f’format elettroniku jew fuq karta f’termini ta’ ortografija, grammatika u sintassi. Tiċċekkja wkoll it-testi għall-koerenza, l-uniformità u l-konformità tagħhom mal-konvenzjonijiet u r-regoli stilistiċi, u tieħu sehem fix-xogħol tat-terminoloġija u fil-proċess tal-kontroll tal-kwalità għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex iwasslu benefiċċju lill-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE b’għarfien ta’ mill-anqas żewġ lingwi tal-UE: għarfien profond tal-Lingwa 1 (il-lingwa tal-kompetizzjoni) u għarfien sodisfaċenti tal-Lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) mela int dak li qed infittxu!

Ftakar li għandu jkollok edukazzjoni postsekondarja ċċertifikata b’diploma, segwita b’minn tal-inqas tliet (3) snin esperjenza professjonali f’qasam relatat b’mod dirett man-natura tad-dmirijiet. Inkella, irid ikollok edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħtik aċċess għal edukazzjoni postsekondarja, segwita b’minn tal-inqas sitt (6) snin esperjenza professjonali - tlieta minnhom f’qasam relatat b’mod dirett man-natura tad-dmirijiet.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fit-18 ta’ Frar.