Segretarji

Paġna ewlenija > Segretarji
Picture showing a woman and a man talking in front of a computer

Qed tfittex karriera segretarjali b’differenza? L-istituzzjonijiet tal-UE qed ifittxu segretarji multilingwi u polivalenti (SC1/SC2) biex iwettqu diversi kompiti segretarjali fid-dipartimenti tagħhom.

Din hi opportunità kbira biex tissieħeb f’ambjent ta’ xogħol b’ritmu mgħaġġel u multilingwi, f’dipartimenti fl-Istituzzjonijiet Ewropej kollha li tippreżentalek okkażjonijiet numerużi biex tavvanza u tiżviluppa matul il-karriera tiegħek.

Bħala segretarju/a, inti tipprepara, timmaniġġja u tiffinalizza d-dokumenti u l-fajls, tappoġġja l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-unità u/jew tad-dipartiment (laqgħat, vjaġġi uffiċjali) u ssib, tikkompila u xxerred informazzjoni (taġġorna bażijiet tad-data, fajls).

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE b’għarfien ta’ mill-anqas 2 lingwi tal-UE: għarfien profond tal-Lingwa 1 (waħda minn 24 lingwa uffiċjali tal-UE) u għarfien sodisfaċenti tal-Lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż) mela int dak li qed infittxu!

Ftakar li għandek tkun lestejt edukazzjoni sekondarja attestata b’diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni postsekondarja, jew taħriġ professjonali, segwit minn tal-anqas 3 snin esperjenza professjonali fil-qasam segretarjali (pożizzjonijiet SC1). Biex tapplika għall-pożizzjoni l-aktar għolja (grad SC2) għandek bżonn tal-anqas 7 snin ta’ esperjenza professjonali f’dan il-qasam

Għal informazzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fil-25 ta’ Ġunju 2020.