Speċjalisti tas-Sigurtà

Home > Speċjalisti tas-Sigurtà
Security Guard Listening To Earpiece Against Airplane

Int speċjalist tas-sigurtà motivat? Għandek approvazzjoni tas-sigurtà jew int lest li tgħaddi minn investigazzjoni ta’ sigurtà? L-istituzzjonijiet tal-UE qed ifittxu uffiċjali u assistenti fl-oqsma tal-operazzjonijiet tas-sigurtà, tas-sigurtà teknika u tas-sigurtà tal-informazzjoni u tad-dokumenti.

Bħala uffiċjal, il-funzjoni prinċipali tiegħek se tkun li tiżgura s-sigurtà ta’ persuni, bini u informazzjoni sensittiva u klassifikata. F’din il-pożizzjoni, se tkun teħtieġ ukoll li tikkoordina it-timijiet u l-proġetti.

Bħala assistent, inti ser tgħin fl-aspetti operazzjonali relatati mal-protezzjoni ta’ persuni, proprjetà u informazzjoni sensittiva u klassifikata.

Jista’ jkun li kemm l-uffiċjali kif ukoll l-assistenti jkollhom bżonn iwettqu dmirijiet f’sistema ta’ rotazzjoni barra s-sigħat tal-uffiċċju skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal- istituzzjonijiet diversi, kif ukoll ikunu fuq stand-by.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel l-almu tiegħu biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs għall-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fuq il-paġna ddedikata tagħna.

Titlifx din l-opportunità ta’ karriera mill-aqwa – ir-reġistrazzjoni tiftaħ fl-24 ta’ Jannar 2019!

 

Għandek dak li hu meħtieġ biex tapplika?

Għandek tkun ċittadin tal-UE u għandu jkollok għarfien tal-anqas ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-UE, li waħda minnhom trid tkun l-Ingliż jew il-Franċiż.

Biex tapplika bħala uffiċjal, għandek bżonn grad universitarju ta’ mill-inqas 4 snin segwit minn tal-inqas 6 snin esperjenza professjonali fil-qasam tas-sigurtà rilevanti għad-dmirijiet ikkoċnernati, jew grad universitarju ta’ mill-inqas 3 snin segwita minn tal-inqas 7 snin esperjenza professjonali rilevanti. Tista’ tapplika wkoll jekk għandek taħriġ professjonali ekwivalenti ċċertifikat b’diploma jew ċertifikat maħruġ minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja jew minn istituzzjoni pubblika bħal akkademja tal-pulizija, militari jew tal-intelliġenza, segwita minn tal-inqas 7 snin esperjenza professjonali rilevanti.

Il-pożizzjoni ta’ assistent tirrikjedi diploma postsekondarja rilevanti għan-natura tad-dmirijiet, jew taħriġ professjonali ekwivalenti għal-Livell 5 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, segwita minn mill-anqas 3 snin esperjenza ta’ xogħol fil-qasam rilevanti. Tista’ wkoll tapplika jekk għandek diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja jew jekk kellek taħriġ professjonali (ekwivalent għal-Livell 4 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) it-tnejn li huma segwiti tal-anqas b’6 snin ta’ esperjenza ta’ xogħol rilevanti.

Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura tas-selezzjoni: 

Applikazzjoni

Testijiet fuq il-kompjuter (CBT)

Talent screener

Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

Lista ta’ riżerva