Speċjalisti fil-liġi u fil-finanzi

Home > Speċjalisti fil-liġi u fil-finanzi

Inti speċjalist b’talent fil-liġi jew fil-finanzi? Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tfittex speċjalisti (AD 7) fl-oqsma li ġejjin:

  1. Il-liġi tal-kompetizzjoni
  2. Il-liġi finanzjarja
  3. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)
  4. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit tal-UE u
  5. Il-protezzjoni tal-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar.

Fit-tliet oqsma tal-liġi, il-kompiti jinkludu t-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq, it-twettiq ta’ analiżi legali u ekonomiċi u l-assistenza jew ir-rappreżentazzjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni Ewropea f’litigazzjoni quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropea (qasam 1). Il-kompiti jinkludu l-abbozzar u n-negozjar ta’ leġiżlazzjoni, il-kontroll tal-konformità tal-liġijiet nazzjonali mal-liġi tal-UE (qasam 2), kif ukoll il-parteċipazzjoni fit-tħejjija tar-rapport ta’ konverġenza għall-proċessi tad-dħul fiż-żona tal-euro u n-negozjati tal-adeżjoni tal-UE fir-rigward tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (qasam 3).

Fiż-żewġ oqsma ta’ finanzjament, il-kompiti jinkludu l-għoti ta’ pariri lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (qasam 4). Int tista’ twettaq analiżi teknika ta’ muniti suspettużi, tipprepara informazzjoni dwar muniti foloz tal-euro għall-inforzar tal-liġi, u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-protezzjoni tal-euro kontra l-frodi u l-iffalsifikar (qasam 5).

Bħala impjegatur, l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

Titlifx din l-opportunità kbira ta’ karriera – il-perjodu ta’ applikazzjoni jiftaħ fis-6 ta’ Ġunju!

 

Għandek dak li hu meħtieġ biex tapplika?

Trid tkun ċittadin tal-UE u jkollok għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-24 lingwa tal-UE, kif ukoll għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, jew it-Taljan.

Barra minn hekk, teħtieġ grad universitarju mill-anqas ta’ 3 snin segwit b’6–9 snin esperjenza professjonali fil-qasam (skont l-edukazzjoni tiegħek). Teħtieġ diploma fil-liġi biex tapplika għall-oqsma tal-liġi finanzjarja u tal-liġi ekonomika u monetarja tal-unjoni.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra  l-Avviż tal-Kompetizzjoni ppubblikat fis-6 ta’ Ġunju 2019.

 

Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura tas-selezzjoni: 

Applikazzjoni

Testijiet fuq il-kompjuter (CBT)

Talent screener

Iċ-Ċentru ta' Valutazzjoni

Lista ta’ riżerva