Tekniċi u Ħaddiema ta’ Appoġġ

Paġna ewlenija > Tekniċi u Ħaddiema ta’ Appoġġ

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Qorti tal-Awdituri u l-Kumitat tar-Reġjuni qed ifittxu tekniċi (grad AST 3) u ħaddiema ta’ appoġġ (grad AST-SC 1).

Aħna noffru opportunitajiet lill-esperti li jaqblu ma’ wieħed minn dawn il-profili hawn taħt: Jekk jogħġbok innota li dawn huma żewġ kompetizzjonijiet, li waħda minnhom fiha tliet oqsma. Tista’ tapplika biss għal qasam wieħed f’kull kompetizzjoni.

Kompetizzjoni għat-tekniċi (EPSO/AST/150/21)

Qasam 1 - Tekniċi awdjoviżivi u tal-konferenzi: Il-kompiti ewlenin tiegħek se jinkludu t-tfassil, l-ikkummissjonar u l-konfigurazzjoni ta’ infrastrutturi awdjoviżivi bħal faċilitajiet ta’ laqgħat u dawk orjentati lejn ix-xandir u, jekk meħtieġ, l-operat u l-individwazzjoni ta' soluzzjoni f’infrastrutturi bħal dawn. Il-kandidati magħżula għal dan il-profil se jiġu impjegati prinċipalment fi Brussell u fil-Lussemburgu.

Qasam 2 - Tekniċi tal-bini: Il-kompiti ewlenin tiegħek se jkunu li tassisti bl-immaniġġjar tal-proġetti fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini, l-immaniġġjar tal-faċilitajiet, it-teknoloġija speċjalizzata, l-enerġija u l-immaniġġjar ambjentali tal-bini, fost l-oħrajn. Il-kandidati magħżula għal dan il-profil se jiġu impjegati prinċipalment fi Brussell u fil-Lussemburgu.

Qasam 3 - Tekniċi tal-laboratorju: Se tkun responsabbli għad-disinn, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ installazzjonijiet tekniċi u laboratorji użati prinċipalment miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidati magħżula għal dan il-profil se jiġu impjegati prinċipalment fil-JRC f’Ispra (IT), f’Karlsruhe (DE), f’Petten (NL) u f’Geel (BE).

Kompetizzjoni għall-ħaddiema ta’ appoġġ fil-laboratorju (EPSO/AST-SC/11/21)

Ħaddiema ta’ appoġġ fil-laboratorju: Se twettaq kompiti operazzjonali relatati mad-disinn, l-immaniġġjar u l-manutenzjoni ta’ installazzjonijiet tekniċi u laboratorji użati prinċipalment miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidati magħżula għal dan il-profil se jiġu impjegati prinċipalment fil-JRC f’Ispra (IT), f’Karlsruhe (DE), f’Petten (NL) u f’Geel (BE).

 

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. 

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għall-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Biex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE u jkollok għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż. Jeħtieġ li tissodisfa wkoll il-kriterji li ġejjin:

  • Tekniċi: Qasam 1/Qasam 2/Qasam 3: irid ikollok edukazzjoni postsekondarja relatata direttament mad-dmirijiet tal-qasam magħżul segwita minn tal-inqas 3 snin esperjenza professjonali rilevanti jew edukazzjoni sekondarja, segwita minn tal-inqas 6 snin esperjenza professjonali rilevanti.
  • Ħaddiema ta’ appoġġ fil-laboratorju: irid ikollok edukazzjoni postsekondarja ta’ mill-inqas sena (1) relatata direttament mad-dmirijiet jew edukazzjoni sekondarja, segwita minn tal-inqas 3 snin esperjenza professjonali rilevanti jew taħriġ ta’ mill-inqas sena (1), segwit minn tal-inqas 3 snin esperjenza professjonali, it-tnejn relatati mad-dmirijiet.

 

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, il-proċedura ta’ applikazzjoni u t-testijiet, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġni tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fit-23 ta’ Settembru.