Xogħol u ħajja fil-Lussemburgu

Paġna ewlenija > Xogħol u ħajja fil-Lussemburgu

Il-Lussemburgu, bħal Brussell u Strasburgu, hu wieħed mill-kwartieri ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Ftit huma dawk li jafu li l-Gran Dukat ospita wkoll l-ewwel sede storika tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Minn dak iż-żmien ’l hawn, ħafna mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, f’termini ta’ konċentrazzjoni ġeografika, jinsabu fil-Lussemburgu, fejn jaħdmu kwart tal-ħaddiema taċ-ċivil Ewropej kollha. Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà huma kollha bbażati fil-Lussemburgu. Ċerti aġenziji bħall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumaturi, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel, u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea, jinsabu wkoll fil-Lussemburgu.

Il-pajjiż irreġistra żieda sinifikanti fil-popolazzjoni f’dawn l-aħħar snin, l-aktar minħabba l-kwalità tal-ħajja li joffri u l-iżvilupp ekonomiku sostnut tiegħu, filwaqt li joffri bosta opportunitajiet professjonali. Fil-kuntest tal-ftehim li sar fl-2015 bejn il-Kummissarju Georgieva u l-Gvern Asselbord, ġew identifikati tliet oqsma ewlenin (diġitali, finanzjarju u legali) biex tissaħħaħ il-preżenza tal-Kummissjoni fil-Lussemburgu.

Tixtieq tissieħeb mal-istituzzjonijiet tal-UE fil-Lussemburgu?