Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Kif nista’ nagħti l-permess tiegħi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tiegħi biex joffruli l-assistenza fit-tħejjija tal-proċess tal-għażla u tar-reklutaġġ?

Il-kandidati fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO jistgħu jagħżlu li d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jiġu żvelati lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom, biex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkuntattjawhom b’offerti ta’ appoġġ u assistenza għall-proċess tal-għażla u tar-reklutaġġ (bħal taħriġ, sessjonijiet ta’ informazzjoni, pubblikazzjonijiet, eċċ.).

Il-kandidati jagħmlu din l-għażla meta japplikaw għal kompetizzjoni, billi jindikaw il-qbil jew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom fit-taqsima rilevanti tal-formola tal-applikazzjoni elettronika tagħhom. Dan il-qbil jew in-nuqqas ta’ qbil huwa validu biss għall-kompetizzjoni li jkun ġie mmarkat għaliha, u għalhekk jeħtieġ li jiġi indikat kull darba li tiġi introdotta applikazzjoni ġdida.

Meta twieġeb “Iva” għall-mistoqsija rilevanti fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, inti tagħti l-kunsens bla ekwivoku tiegħek lill-EPSO biex jittrażmetti ismek u kunjomok, l-indirizz tal-email, u r-referenza tal-kompetizzjoni li qed tapplika għaliha, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE li int ċittadin tiegħu. L-għan ta’ din it-trażmissjoni tad-data huwa li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek jikkuntattjawk bil-għan li joffru assistenza fil-proċess tal-għażla u r-reklutaġġ fil-kuntest tal-kompetizzjoni li qed tapplika għaliha.

It-trażmissjoni tad-data personali tiegħek hi regolata bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 9.

Meta twieġeb “Iva” għall-mistoqsija rilevanti fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, inti tagħti kunsens ċar ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE li int ċittadin tiegħu jipproċessaw id-data personali msemmija hawn fuq, bil-għan li joffrulek l-assistenza fil-proċess tal-għażla u r-reklutaġġ fil-kuntest tal-kompetizzjoni li qed tapplika għaliha. L-awtoritajiet nazzjonali tiegħek huma awtorizzati jipproċessaw id-data tiegħek sakemm int parteċipant fil-kompetizzjoni kkonċernata, jew sakemm tagħlaq il-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni jekk ismek ikun inkluż fiha, jew sakemm tirtira l-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data tiegħek.

L-ipproċessar ta-data personali tiegħek hu regolat bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin, billi tagħmel talba bil-miktub għal dan lill-Istat Membru tiegħek. Madankollu, jekk jogħġbok innota li jekk tiddeċiedi li tirtira l-kunsens tiegħek wara li d-data tiegħek tkun diġà ntbagħtet mill-EPSO lill-Istat Membru tiegħek, dan jipprevjeni biss lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek milli jipproċessaw aktar id-data tiegħek, iżda ma jaffettwax il-legalità tal-ipproċessar tad-data tal-passat abbażi tal-kunsens tiegħek li seħħ qabel l-irtirar tiegħu.

Il-kunsens tiegħek għall-EPSO biex jittrażmetti d-data personali tiegħek lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek ma jimplika l-ebda obbligu għalik biex taċċetta kwalunkwe offerta ta’ assistenza li dawk l-awtoritajiet jistgħu joffrulek.

Il-kunsens tiegħek għall-EPSO biex jittrasmetti d-data personali tiegħek lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek ma jimplika l-ebda obbligu għal dawk l-awtoritajiet li jikkuntattjawk, jew li joffru assistenza; dan huwa kompletament fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru tal-UE li int ċittadin tiegħu.