Opportunitajiet indaqs

Home > Kif tapplika > Opportunitajiet indaqs

L-AĦBARIJIET: Skopri “Is-sejħa għal kooperazzjoni lill-organizzazzjonijiet kollha tal-UE involuti fil-promozzjoni u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE b’diżabilità” tagħna

 

L-istituzzjonijiet tal-UE - fejn it-talenti huma importanti!

Il-viżjoni u l-missjoni tagħna
 

Hawnhekk f’EPSO aħna nemmnu fl-ugwaljanza u d-diversità. Biex niżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE joffru opportunitajiet indaqs lil kulħadd u jirriflettu d-diversità fid-dinja tal-lum, aħna nirrispettaw il-prinċipji u l-għanijiet li ġejjin:

  • EPSO jiżgura opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha irrispettivament mis-sess, ir-razza, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija ta’ minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;
  • EPSO jirrispetta l-inklużjoni fil-proċeduri ta’ selezzjoni u jagħti opportunità ugwali lill-kandidati kollha biex juru bis-sħiħ il-kompetenzi tagħhom billi jidentifika u jneħħi l-fatturi tagħhom li jimblukkawhom, preġudizzji possibbli u riskji ta’ diskriminazzjoni;
  • EPSO jippromwovi opportunitajiet indaqs u jikkomunika ma’ diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati u organizzazzjonijiet esperti biex jilħaq talent aktar varjat.
  • EPSO jixtieq iżid id-diversità fil-ġabra ta’ talent u jgħin lis-Servizz taċ-Ċivil tal-UE biex dan ikun rappreżentattiv tad-diversità taċ-ċittadini tal-UE li qegħdin għas-servizz tagħhom.
Kif napplikaw dawn il-prinċipji fil-prattika?

Skopri l-passi konkreti li ħadna biex l-opportunitajiet indaqs u d-diversità jsiru realtà tax-xogħol.

  • Aħna niżguraw li l-mistoqsijiet tat-test ikunu newtrali billi nwettqu analiżi statistika sistematika u monitoraġġ;
  • Nibbażaw il-metodi ta’ selezzjoni tagħna fuq valutazzjonijiet ibbażati fuq il-kompetenzi li huma standardizzati u objettivi;
  • Inwettqu skrinjar tas-CV u għoti ta’ punti b’mod anonimu fuq kriterji objettivi biss;
  • Noffrulek akkomodamenti raġonevoli jekk għandek xi diżabilità jew bżonnijiet speċifiċi;
  • Nimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;
  • B’mod sistematiku nwettqu skrinjar/awditi tal-ugwaljanza u d-diversità tal-proċessi ta’ selezzjoni u tat-testijiet Nidentifikaw fatturi li jimblukkaw u ostakli li jistgħu jaffettwaw il-proċedura ta’ selezzjoni tiegħek u nadottaw miżuri korrettivi;
  • Inwettqu skrinjar regolari tal-aċċessibilità biex b’mod kontinwu ntejbu l-aċċessibilità tal-komunikazzjoni, tal-proċeudri ta’ selezzjoni u tat-testijiet tagħna. Fejn hu meħtieġ, nipproduċu formati adatti aċċessibbli għal teknoloġiji ta’ assistenza u għal assistenza individwali. Nintegraw ukoll ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità f’kull żvilupp tal-IT ġdid;
  • Aħna nħarrġu lill-membri tal-bordijiet ta’ selezzjoni li għandhom il-kompitu li jivvalutaw il-kompetenzi tiegħek dwar kif jagħżlu u jirreklutaw bl-aktar mod ħieles mill-preġudizzju, oġġettiv u professjonali filwaqt li jirrispettaw l-opportunitajiet u t-trattament ugwali;
  • Għandna l-għan li jkollna bordijiet tal-membri ta’ selezzjoni li jkunu bilanċjati biex nillimitaw kull riskju ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni. Meta ninnominaw il-bordijiet ta’ selezzjoni nfittxu membri minn sfondi varjati u naħdmu biex niżguraw bilanċ f’termini ta’ sess, nazzjonalitajiet, lingwi, kumitati tal-persunal u amministrazzjoni;
  • Niġbru feedback sistematiku mingħand il-kandidati u dan jippermettilna li kontinwament intejbu dak li nagħmlu;
  • Nagħmlu ħilitna kollha biex fil-komunikazzjoni tagħna nattiraw it-talent mill-Istati Membri billi nadottaw modi mmirati biex nilħqu udjenzi ewlenin. Dan jinkludi l-Istudenti Ambaxxaturi ta’ Karrieri mal-UE li jiktbu blogs dwar l-għajxien u x-xogħol fl-UE biex nuru lill-kandidati potenzjali xi tfisser karriera mal-UE. Barra dan, għandna preżenza attiva fuq il-kampus permezz tal-Istudenti Ambaxxaturi ta’ Karrieri mal-UE, kif ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni mmirata f’avvenimenti, fieri u attivitajiet oħra konnessi mal-karrieri.
  • Sabiex jindirizza l-ugwaljanza bejn is-sessi, EPSO adotta azzjonijiet differenti bħall-pjan ta’ azzjoni psikometrika li għaddej bħalissa bl-objettiv li b'mod kontinwu jtejjeb il-ġestjoni tat-testijiet, partikolarment it-testijiet psikometriċi u testijiet oħrajn amministrati fil-fażi ta’ preselezzjoni. Barra minn hekk, il-membri tal-bord ta’ selezzjoni bir-responsabbiltà li jivvalutaw il-kompetenzi tal-kandidati fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni huma mħarrġa biex jiżguraw opportunitajiet u trattament ugwali fl-intervisti u eżerċizzji oħrajn.
    L-għan prinċipali, f’kull stadu ta’ selezzjoni, hu li jiġi mminimizzat l-impatt tas-sess u li jingħataw l-istess opportunitajiet lin-nisa u lill-irġiel biex juru l-abbiltajiet tagħhom.
    Għalhekk EPSO wettaq riċerka dettaljata u implimenta azzjonjiet biex jevita d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u biex jiżgura li jingħataw opportunitajiet ugwali liż-żewġ sessi biex juru l-ħiliet u l-potenzjal tagħhom.
Diżabilità/ħtiġijiet speċifiċi

Id-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħek m’għandhiex tkun ta’ ostaklu għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ selezzjoni.

L-EPSO għandu proċedura stabbilita sew ta’ akkomodamenti raġonevoli bbażata fuq l-aqwa prattiki internazzjonali f'dan il-qasam. Dan jippermettilna nidentifikaw l-ostakli li jirriżultaw minn diżabilità jew kundizzjoni medika, u jippermetti lill-kandidati bi bżonnijiet speċifiċi li juru l-abbilitajiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ kull kandidat ieħor.

Għandek bżonn aġġustamenti speċjali tat-testijiet ta’ selezzjoni?

Biex tingħata aġġustamenti speċjali fil-proċedura ta’ selezzjoni minħabba diżabilità jew kundizzjoni medika permanenti, bħalissa trid issegwi dawn il-passi:

PASS 1: IL-FAŻI TA’ REĠISTRAZZJONI

Qed tapplika għal selezzjoni tal-EPSO u teħtieġ aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni minħabba diżabilità jew kundizzjoni medika. Immarka l-kaxxa “rekwiżiti tal-ħtiġijiet speċjali” fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek fil-Profil tal-EPSO tiegħek u vvalida l-applikazzjoni tiegħek fi żmien l-iskadenza ppubblikata.

PASS 2: FAŻI TA’ INFORMAZZJONI

Inti tkun ivvalidajt l-applikazzjoni tiegħek fil-fażi tar-reġistrazzjoni. Fil-Profil tal-EPSO tiegħek imla l-formola ta’ informazzjoni dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tiegħek, filwaqt li kun ċert li tehmeż id-dokumenti ta’ appoġġ rilevanti kollha, jiġifieri ċertifikati ta’ diżabilità jew mediċi, rapporti eċċ. Jekk jogħġbok ħu nota tal-politika tal-EPSO “L-ebda ċertifikati l-ebda aġġustamenti” u qis li tlesti din il-fażi fi żmien l-iskadenza ppubblikata.

Niggarantixxu li d-data marbuta mad-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħek se tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali skont ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000

PASS 3: FAŻI TA’ ANALIŻI TAL-EPSO

It-tim EPSO ACCESSIBILITY janalizza r-rikjesta tiegħek u jevalwa liema akkomodamenti raġonevoli jistgħu jingħataw, jekk ikun hemm. L-akkomodamenti raġonevoli huma definiti u approvati abbażi tal-ħtiġijiet dokumentati tiegħek, it-tip ta’ test u l-aħjar prattiki internazzjonali u l-għarfien espert f’dan il-qasam.

F’każ li tingħata akkomodament raġonevoli, inti tiġi infurmat bid-dettalji fi żmien xieraq qabel id-data tat-test tiegħek.

Jekk m’intix sodisfatt bid-deċiżjoni tal-EPSO dwar it-talba tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lil epso-accessibility@ec.europa.eu.

PASS 4: FAŻI TAT-TEST

Int se tkun mistieden/mistiedna tagħmel it-testijiet tas-selezzjoni tal-EPSO skont il-ħtiġijiet speċifiċi tiegħek u l-akkomodamenti mogħtija, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli li jippermettulek tagħti prova sħiħa tal-kompetenzi tiegħek u li tikkompeti fuq bażi ugwali ma’ kandidati oħra.

PASS 5: IL-FAŻI TA’ RISPONS

Il-feedback rispons. Bil-ħsieb ta’ titjib kontinwu tas-servizzi tagħna, epso-accessibility@ec.europa.eu se jistiednek, fi tmiem kull test ta’ selezzjoni, biex taqsam ir-rispons tiegħek dwar l-akkomodamenti mogħtija.

X’tip ta’ aġġustamenti speċjali għandi nistenna?

Se tintalab tinfurmana dwar it-tip ta’ aġġustamenti li jistgħu jkunu utli għalik, skont id-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħek u d-diffikultajiet li jirriżultaw minnha f’sitwazzjoni tal-ittestjar. Tabilħaqq, EPSO jqis il-kandidati bħala l-aqwa espert dwar id-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħu.

Se tiġi offrut akkomodamenti skont it-tip ta’ test li se tagħmel, fuq il-bażi ta’ każ b’każ u b’qies tad-dokumentazzjoni ta’ appoġġ tiegħek u l-għarfien espert ta’ EPSO fil-qasam ta’ akkomodamenti raġonevoli għat-testijiet ta’ selezzjoni lil kandidati bi bżonnijiet speċifiċi. Għalhekk, l-akkomodamenti finali li se tirċievi jistgħu jkunu differenti minn dak li tkun tlabt inti.

Xi eżempji ta’ aġġustamenti possibbli:

  • żgurar tal-aċċessibilità
  • ħin addizzjonali biex tagħmel it-testijiet
  • test imkabbar jew software ta’ tkabbir
  • stampar bil-Braille jew keyboard tal-Braille
  • Qarrejja tal-iskrin
  • interpretazzjoni bil-Lingwa tas-sinjali
  • dawl adattat imwejjed b’għoli li jista’ jiġi aġġustat
  • assistenza individwali u ħafna iktar...

Jekk jogħġbok innota li bħalissa t-teknoloġija ta’ assistenza hija possibbli biss fil-fażi taċ-Ċentru ta’ evalwazzjoni fi Brussell. Attwalment l-EPSO qed jaħdem biex ikabbar l-iskop biex jippermetti l-użu ta’ teknoloġija assistiva fi stadji oħra tal-proċess ta' selezzjoni u għal tipi differenti ta’ testijiet. Sadanittant, aħna se nkomplu nanalizzaw il-ħtiġijiet tiegħek u noffru assistenza u akkomodamenti ad hoc biex tkun tista’ tagħmel it-testijiet fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli. L-akkomodamenti l-oħra kollha huma possibbli fi stadji differenti tal-proċess ta' selezzjoni.

Hemm diffikultajiet għall-aċċessibilità?

L-aċċessibilità hi importanti ħafna għal EPSO u qed naħdmu b’mod intensiv biex kontinwament intejbu l-aċċessibilità tal-proċeduri tagħna ta’ komunikazzjoni u selezzjoni. Jitwettaq skrinjar regoli tal-aċċessibilità biex niċċekkjaw kemm aħna aċċessibbli u kif nistgħu ntejbu l-aċċessibilità għal kulħadd. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità huma integrati f’kull żvilupp tal-IT; nipproduċu formati aċċessibbli għal teknoloġiji ta’ assistenza tad-dokumenti li mhumiex 100% aċċessibbli u attwalment qed inwettqu awditu tas-sit web tagħna biex dan jilħaq il-livell AA tal-WCAG 2.0 (Linji Gwida tal-Aċċessibilità tal-Kontenut tal-Web)

Għadek qed tiltaqa’ ma' diffikultajiet biex taċċessa xi partijiet tas-sit web u/jew tad-dokumenti tagħna? Jew tixtieq tagħtina feedback u tgħinna ntejbu l-aċċessibilità tas-sit web u tal-proċeduri ta’ selezzjoni tagħna? Jekk jogħġbok ħossok liberu li ikkuntattjana u aħna nirrisponduk malajr kemm jista’ jkun!

Skopri t-testimonjanzi tal-kollegi tagħna

Johan ilu amministratur tas-sistema fil-Parlament Ewropew fi Brussell mill-2014. Iddjanjostikat bl-awtiżmu fl-2004, id-diżabbiltà tiegħu mhix viżibbli mal-ewwel daqqa t’għajn. Staqsejnieh jekk ħassux integrat fit-tim tiegħu u jekk id-diżabbiltà tiegħu qattx kienet ta’ ostakolu għal xogħlu.

“Inħossni integrat fit-tim. Jien tassew estrovert għalhekk inħobb l-interazzjoni mal-kollegi tiegħi. Ta’ spiss ngħidu ċ-ċajt bejnietna u nidħku ħafna. Il-biċċa l-kbira tal-kollegi ma jafux li nbati bl-awtiżmu. Tul is-snin, tgħallimt naħbi d-diżabbiltà tiegħi u fil-fatt, fis-settur li naħdem fih, imġiba awtistika mhux daqstant rari li ssibha. Forsi jien persuna atipika bl-awtiżmu. Il-biċċa l-kbira tan-nies jaħsbu li l-persuni bl-awtiżmu ma jħobbux jissoċjalizzaw, li verament hi idea żbaljata. Vera, il-persuni bl-awtiżmu jaħsbu b’mod differenti, huma aktar iffokati fuq id-dettalji, pereżempju, u spiss għandhom problemi sabiex jittrattaw mal-input sensorju, iżda meta jħossuhom irrilaksjati verament jieħdu gost bil-kumpanija tal-oħrajn.”

Johan jinkoraġġixxi wkoll kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE u jagħti l-parir tiegħu.

“L-istitzzjonijiet Ewropej huma ambjent sabiħ fejn tista’ taħdem fih. In-nies għandhom moħħhom miftuħ għal persuni b'diżabbiltajiet. Barra minn hekk, il-bini ġie adattat biex jakkomoda n-nies li jinsabu fis-siġġijiet tar-roti. Għandek turi lill-kumitat ta’ selezzjoni li għandek valur ugwali jew aħjar bħal kandidati oħra mingħajr diżabbiltà. Għalhekk kun af l-affarijiet tiegħek u pprova.”

Konstantinos ilu jaħdem sena fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika fil-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. Fl-2006 kien iddjanjostikat li jbati minn sklerożi multipla u jimxi bl-għajnuna ta’ krozza. Staqsejnieh kif sab l-ambjent tax-xogħol.

"Ix-xogħol f'ambjent mimli appoġġ (kollegi simpatiċi, infrastruttura aċċessibbli) għen fil-kondizzjoni tiegħi biex inħossni stabbli u forsi saħansitra biex immur għall-aħjar. Barra minn hekk, il-proġetti li ngħatawli, ispirawni biex naħdem anki b’mod aktar iebes. Inħossni partikolarment kuntent dwar it-titjib fil-faċilitajiet tal-Parlament Ewropew f'dak li huwa aċċessibbiltà għal nies bi bżonnijiet speċjali. F’dan il-kuntest, inħossni mbierek li ġejt mogħti ċ-ċans li nuri l-aħjar prattiki tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ diżabbiltà.”

Ville, agħma mit-twelid, ilu uffiċjal legali fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell mill-2013. Staqsejnieh kif sab il-proċess ta’ selezzjoni u xi jħoss dwar ix-xogħol tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea.

Sibt is-servizz tat-tim tal-aċċessibbiltà tassew kompetenti u ferm organizzat. Wara li rċevejt ir-reġistrazzjoni, issuġġerewli arranġamenti biex bħala kandidat agħma jagħmlu l-parteċipazzjoni tiegħi possibbli fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni bl-istess mod bħal ħaddieħor u dawn sibthom tassew xierqa u tajbin għall-iskop tiegħi. Din il-kooperazzjoni tajba min-naħa tagħhom kompliet matul il-kompetizzjoni, inkluża l-fażi taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni. Għalija, sorpriża tassew pożittiva kienet li d-dokumenti kollha huma b’format diġitali billi l-korrispondenza kollha mibgħuta u riċevuta hi reġistrata f’bażijiet tad-data elettroniċi. Għalhekk, bħala utent ta’ skrin reader, prattikament ma naħli ebda ħin niskenja dokumenti fuq karta lill-kompjuter kif kont nagħmel fl-impjiegi preċedenti.” Inħossni integrat bis-sħiħ grazzi għall-attitudni meraviljuża tal-kollegi u s-superjuri tiegħi.”

Ville jagħti wkoll il-parir lil kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE.

“Uri l-motivazzjoni tiegħek. Jekk għandek xi diżabbiltà, ipprova ħares lejha mill-perspettiva tal-impjegatur. Kun ippreparat għal mistoqsijiet dwar dan is-suġġett u aħseb minn qabel dwar soluzzjonijiet raġonevoli għal kwalunkwe ħtieġa speċjali li dan jista’ jikkawża fil-kuntest speċifiku tal-impjieg. Ibqa’ paċenzjuż. Ħu kull applikazzjoni u intervista bħala opportunità ta’ tagħlim anki jekk ma ttintgħażilx. Ikkonċentra aktar fuq il-kompetenzi milli fuq il-bżonnijiet speċjali proprji.”

Frederic hu inkarigat mill-aċċessibbiltà għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-OIB (l-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea għall-infrastruttura u l-loġistika). Frederic hu agħma u ilu jaħdem mal-Istituzzjonijiet tal-UE mill-1998.
Aħna staqsejna x’tip ta’ arranġamenti ngħatawlu fl-impjieg tiegħu:

“Kompjuter mgħammar bi speech synthesis software (JAWS), b’tastiera tal-Braille. Meta wasalt, id-DĠ Riċerka u Żvilupp offfrieli aktar minn dak li kelli bżonn, kienet xi ħaġa impressjonanti ħafna u merħba meraviljuża. L-ewwel esperjenza tiegħi kienet tajba ħafna. Wara, matul il-mobibiltà tiegħi kienet anqas ovvja, imma dejjem kont naf kif nakkwista dak li kelli bżonn billi nkun paċenzjuż.”

Frederic jgħidilna wkoll li d-diżabbiltà tiegħu mhix ostaklu fit-tim tiegħu.

“Hawn id-diżabbiltà hija vantaġġ! Nippreżentaha bħala xi ħaġa ta’ ferħ. Ma nagħtix l-impressjoni li qed nġorr il-miżerja kollha tad-dinja fuq spallti. U peress li għandi kelb, dan jgħin, dan hu l-mascot tiegħi.

Maurizio huwa uffiċjal tal-istampa fil-Parlament Ewropew fl-Italja. Huwa nieqes mid-dawl u ilu jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-UE mill-2015.
Staqsejnieh kif sab l-proċedura ta’ selezzjoni u jekk ħassux integrat fit-tim tiegħu.

"It-Tim tal-Aċċessibbiltà tal-EPSO kien tassew mill-aqwa! Kollox mexa ħarir matul il-kompetizzjoni. Kelli t-test bil-Braille u assistent personali; kelli wkoll test b’verżjoni elettronika. Għal dik li hi tas-selezzjoni proprja ta’ impjieg, kienet biss l-intervista u allura ma kelli l-ebda bżonn ta’ akkomodazzjoni. Ma nħoss ebda ostaklu. Qatt ma kelli problemi għax kont diżabbli. Jekk ikollok attitudni pożittiva, anki jekk in-nies ma jafux jew huma xettiċi, jekk inti ħerqan li taqsam l-esperjenza tiegħek, tista’ tkisser il-ħitan.”

Maurizio jagħti parir lil kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE.

Ngħidilhom, li dan hu assolutament possibbli, li jjsir, u m’għandkomx għalfejn tkunu poligloti jew supereroj! Dan huwa xi ħaġa fattibbli ħafna. Jieħu tant ftit minn ħinek, li m’għandek xejn x’titlef, u tista’ tirbaħ karriera tassew interessanti. Għall-prezz li tħallas imqabbel mal-benefiċċji żgur li jaqbillek. L-unika ħaġa iebsa hi l-applikazzjoni… Iżda ladarba tagħmilha, tieħu tassew ftit tal-ħin u potenzjalment opportunità enormi!” Taqtgħux qalbkom mill-applikazzjoni!”

 

Krystle taħdem bħala assistenta tal-komunikazzjonijiet fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, hi għandha mobbiltà mnaqqsa u ilha taħdem għall-istituzzjoni Ewropea mill-2002.
Staqsejnieha x’tip ta’ arranġamenti speċjali ġew ipprovduti lilha u jekk tħossx li d-diżabbiltà tagħha kinitx ta’ ostaklu għal xogħolha.

“Il-Kummissjoni pprovdietli wheelchair, footrest, siġġu mediku u spazju riżervat għall-parking. Tpoġġew support bars fil-kamra tal-ħasil. Inħossni totalment integrata fit-tim tiegħi. Meta jkollna laqgħa, il-kollegi jiġu b’mod spontanju joffru l-għajnuna tagħhom biex iwassluni jew jitolbuni x’jistgħu jagħmlu. Hu pjaċir għalija li nħossni apprezzata u rikonoxxuta għal xogħli. M’għandi ebda trattament speċjali, naħdem bħal ħaddieħor, b’dehra benevolenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-mobbiltà.”

Krystle tagħti wkoll il-parir tagħha lil kandidati oħrajn bi bżonnijiet speċjali li japplikaw għal Karriera mal-UE.

“Nirrakkomanda ħafna li wieħed japplika! Ebda żvantaġġ fiżiku ma hu ostakolu, il-kompetizzjonijiet huma bbażati fuq l-għarfien, mhux fuq maratona. Kulħadd hu aċċettat, ċittadinanza, kulur, sess, diżabbiltà fiżika, ... xejn mhu ostaklu. Huma rappreżentati n-nazzjonalitajiet kollha tal-UE mill-orizzonti kollha, id-differenza hi pożittiva. Mhux importanti jekk intix persuna b’mobbiltà mnaqqsa Maltija jew Estonjana b’vista batuta. Multikulturali jfisser ħidma ma’ oħrajn, mingħajr ma jsiru distinzjonijiet. L-istituzzjonijiet stabbilixxew servizzi li jilqgħu t-tipi kollha ta’ nies, l-opportunitajiet indaqs huma dritt reali.”

Fabio hu kap ta’ unità fid-Direttorat tar-Riżorsi Umani tal-Parlament Ewropew. Hu għandu sieq maqtugħa u ilu jaħdem għall-istituzzjonijiet Ewropej mill-2001.
Staqsejnieh jekk kellux bżonn ta’ kwalunkwe arranġament speċjali f’xogħlu.

“Meta ma nkunx nista’ nimxi bil-prosteżijiet tiegħi nimxi fuq il-krozzi, iżda ma nistax nuża idejja. Ma nuża xejn speċjali, għandi għodda tal-IT (Ipad, anqas notebooks). Għall-problemi ta’ dahri minħabba l-prosteżi, għandi mejda b’għoli aġġustat. Intitolat għall-parking. Ma kienx diffiċli li wieħed jikseb dawn il-faċilitajiet. Peress li għandi diżabbiltà fil-mixi, dan hu anqas problematiku. Nista’ ninteraġixxi 100 %.”

Fabio jagħti wkoll il-parir tiegħu lil kandidati oħrajn bi bżonnijiet speċjali li japplikaw għal Karriera mal-UE.

“M’għandniex nibżgħu, irridu nagħtu lilna nfusna l-mezzi biex inħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni ġdida. Tqarraqx lilek innifsek, billi tiġi hawn u taħseb li kollox se jkun sew u li l-Parlament se jieħu ħsieb ta’ kollox. Ebda istituzzjoni fid-dinja ma tista’ tieħu ħsieb kollox. It-tħejjija għal ambjent ġdid hi b’mod speċjali applikabbli għall-persuni b’diżabbiltà. Xi ħadd b’diżabbiltà diġà jaf li għandu javviċina l-affarijiet b’mod differenti... iħejji lilu nnifsu b’mod differenti wkoll.”

Skopri aktar stejjer mill-ambaxxaturi tal-persunal tagħna hawnhekk: https://www.facebook.com/EUCareersStaffAmbassadors/.