L-istituzzjonijiet tal-UE - fejn it-talenti huma importanti!
Il-viżjoni u l-missjoni tagħna
Hawnhekk f’EPSO aħna nemmnu fl-ugwaljanza u d-diversità. Biex niżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE joffru opportunitajiet indaqs lil kulħadd u jirriflettu d-diversità fid-dinja tal-lum, aħna nirrispettaw il-prinċipji u l-għanijiet li ġejjin:
- EPSO jiżgura opportunitajiet, trattament u aċċess ugwali lill-kandidati kollha irrispettivament mis-sess, ir-razza, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija ta’ minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;
- EPSO jirrispetta l-inklużjoni fil-proċeduri ta’ selezzjoni u jagħti opportunità ugwali lill-kandidati kollha biex juru bis-sħiħ il-kompetenzi tagħhom billi jidentifika u jneħħi l-fatturi tagħhom li jimblukkawhom, preġudizzji possibbli u riskji ta’ diskriminazzjoni;
- EPSO jippromwovi opportunitajiet indaqs u jikkomunika ma’ diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati u organizzazzjonijiet esperti biex jilħaq talent aktar varjat.
- EPSO jixtieq iżid id-diversità fil-ġabra ta’ talent u jgħin lis-Servizz taċ-Ċivil tal-UE biex dan ikun rappreżentattiv tad-diversità taċ-ċittadini tal-UE li qegħdin għas-servizz tagħhom.
- Kif napplikaw dawn il-prinċipji fil-prattika?
-
Skopri l-passi konkreti li ħadna biex l-opportunitajiet indaqs u d-diversità jsiru realtà tax-xogħol.
- Aħna niżguraw li l-mistoqsijiet tat-test ikunu newtrali billi nwettqu analiżi statistika sistematika u monitoraġġ;
- Nibbażaw il-metodi ta’ selezzjoni tagħna fuq valutazzjonijiet ibbażati fuq il-kompetenzi li huma standardizzati u objettivi;
- Inwettqu skrinjar tas-CV u għoti ta’ punti b’mod anonimu fuq kriterji objettivi biss;
- Noffrulek akkomodamenti raġonevoli jekk għandek xi diżabilità jew bżonnijiet speċifiċi;
- Nimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;
- B’mod sistematiku nwettqu skrinjar/awditi tal-ugwaljanza u d-diversità tal-proċessi ta’ selezzjoni u tat-testijiet Nidentifikaw fatturi li jimblukkaw u ostakli li jistgħu jaffettwaw il-proċedura ta’ selezzjoni tiegħek u nadottaw miżuri korrettivi;
- Inwettqu skrinjar regolari tal-aċċessibilità biex b’mod kontinwu ntejbu l-aċċessibilità tal-komunikazzjoni, tal-proċeudri ta’ selezzjoni u tat-testijiet tagħna. Fejn hu meħtieġ, nipproduċu formati adatti aċċessibbli għal teknoloġiji ta’ assistenza u għal assistenza individwali. Nintegraw ukoll ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità f’kull żvilupp tal-IT ġdid;
- Aħna nħarrġu lill-membri tal-bordijiet ta’ selezzjoni li għandhom il-kompitu li jivvalutaw il-kompetenzi tiegħek dwar kif jagħżlu u jirreklutaw bl-aktar mod ħieles mill-preġudizzju, oġġettiv u professjonali filwaqt li jirrispettaw l-opportunitajiet u t-trattament ugwali;
- Għandna l-għan li jkollna bordijiet tal-membri ta’ selezzjoni li jkunu bilanċjati biex nillimitaw kull riskju ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni. Meta ninnominaw il-bordijiet ta’ selezzjoni nfittxu membri minn sfondi varjati u naħdmu biex niżguraw bilanċ f’termini ta’ sess, nazzjonalitajiet, lingwi, kumitati tal-persunal u amministrazzjoni;
- Niġbru feedback sistematiku mingħand il-kandidati u dan jippermettilna li kontinwament intejbu dak li nagħmlu;
- Nagħmlu ħilitna kollha biex fil-komunikazzjoni tagħna nattiraw it-talent mill-Istati Membri billi nadottaw modi mmirati biex nilħqu udjenzi ewlenin. Dan jinkludi l-Istudenti Ambaxxaturi ta’ Karrieri mal-UE li jiktbu blogs dwar l-għajxien u x-xogħol fl-UE biex nuru lill-kandidati potenzjali xi tfisser karriera mal-UE. Barra dan, għandna preżenza attiva fuq il-kampus permezz tal-Istudenti Ambaxxaturi ta’ Karrieri mal-UE, kif ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni mmirata f’avvenimenti, fieri u attivitajiet oħra konnessi mal-karrieri.
- Sabiex jindirizza l-ugwaljanza bejn is-sessi, EPSO adotta azzjonijiet differenti bħall-pjan ta’ azzjoni psikometrika li għaddej bħalissa bl-objettiv li b'mod kontinwu jtejjeb il-ġestjoni tat-testijiet, partikolarment it-testijiet psikometriċi u testijiet oħrajn amministrati fil-fażi ta’ preselezzjoni. Barra minn hekk, il-membri tal-bord ta’ selezzjoni bir-responsabbiltà li jivvalutaw il-kompetenzi tal-kandidati fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni huma mħarrġa biex jiżguraw opportunitajiet u trattament ugwali fl-intervisti u eżerċizzji oħrajn.
L-għan prinċipali, f’kull stadu ta’ selezzjoni, hu li jiġi mminimizzat l-impatt tas-sess u li jingħataw l-istess opportunitajiet lin-nisa u lill-irġiel biex juru l-abbiltajiet tagħhom.
Għalhekk EPSO wettaq riċerka dettaljata u implimenta azzjonjiet biex jevita d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u biex jiżgura li jingħataw opportunitajiet ugwali liż-żewġ sessi biex juru l-ħiliet u l-potenzjal tagħhom.
- Diżabilità/ħtiġijiet speċifiċi
-
Id-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħek m’għandhiex tkun ta’ ostaklu għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ selezzjoni.
L-EPSO għandu proċedura stabbilita sew ta’ akkomodamenti raġonevoli bbażata fuq l-aqwa prattiki internazzjonali f'dan il-qasam. Dan jippermettilna nidentifikaw l-ostakli li jirriżultaw minn diżabilità jew kundizzjoni medika, u jippermetti lill-kandidati bi bżonnijiet speċifiċi li juru l-abbilitajiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ kull kandidat ieħor.
Għandek bżonn aġġustamenti speċjali tat-testijiet ta’ selezzjoni?
Skopri l-fuljett pass pass tagħna dwar kif titlob aġġustamenti speċjali tat-testijiet ta’ selezzjoni.
Jekk int tiltaqa’ ma’ diffikultajiet biex taċċessaw dan id-dokument b’teknoloġija assistiva, jekk jogħġbok irreferi għal din il-verżjoni aċċessibbli.
Iċċekkja l-Gwida l-ġdida tal-EPSO dwar akkomodazzjonijiet raġonevoli u sib dettalji u xi pariri u suġġerimenti dwar kif għandek titlob aġġustamenti speċjali fit-testijiet tal-għażla tal-EPSO.
Tista’ tara wkoll il-video dwar l-aġġustamenti speċjali disponibbli hawn taħt f’din il-paġna.
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ibgħat email lil EPSO-equality-diversity@ec.europa.eu
- X’tip ta’ aġġustamenti speċjali għandi nistenna?
-
Se tintalab tinfurmana dwar it-tip ta’ aġġustamenti li jistgħu jkunu utli għalik, skont id-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħek u d-diffikultajiet li jirriżultaw minnha f’sitwazzjoni tal-ittestjar. Tabilħaqq, EPSO jqis il-kandidati bħala l-aqwa espert dwar id-diżabilità jew il-kundizzjoni medika tiegħu.
Se tiġi offrut akkomodamenti skont it-tip ta’ test li se tagħmel, fuq il-bażi ta’ każ b’każ u b’qies tad-dokumentazzjoni ta’ appoġġ tiegħek u l-għarfien espert ta’ EPSO fil-qasam ta’ akkomodamenti raġonevoli għat-testijiet ta’ selezzjoni lil kandidati bi bżonnijiet speċifiċi. Għalhekk, l-akkomodamenti finali li se tirċievi jistgħu jkunu differenti minn dak li tkun tlabt inti.
Xi eżempji ta’ aġġustamenti possibbli:
- żgurar tal-aċċessibilità
- ħin addizzjonali biex tagħmel it-testijiet
- test imkabbar jew software ta’ tkabbir
- stampar bil-Braille jew keyboard tal-Braille
- Qarrejja tal-iskrin
- interpretazzjoni bil-Lingwa tas-sinjali
- dawl adattat imwejjed b’għoli li jista’ jiġi aġġustat
- assistenza individwali u ħafna iktar...
Skopri aktar fil-ħarsa ġenerali tal-akkomodazzjonijiet possibbli tal-EPSO fit-testijiet tas-selezzjoni.
Jekk jogħġbok innota li bħalissa t-teknoloġija ta’ assistenza hija possibbli biss fil-fażi taċ-Ċentru ta’ evalwazzjoni fi Brussell. Attwalment l-EPSO qed jaħdem biex ikabbar l-iskop biex jippermetti l-użu ta’ teknoloġija assistiva fi stadji oħra tal-proċess ta' selezzjoni u għal tipi differenti ta’ testijiet. Sadanittant, aħna se nkomplu nanalizzaw il-ħtiġijiet tiegħek u noffru assistenza u akkomodamenti ad hoc biex tkun tista’ tagħmel it-testijiet fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli. L-akkomodamenti l-oħra kollha huma possibbli fi stadji differenti tal-proċess ta' selezzjoni.
Hemm diffikultajiet għall-aċċessibilità?
L-aċċessibilità hi importanti ħafna għal EPSO u qed naħdmu b’mod intensiv biex kontinwament intejbu l-aċċessibilità tal-proċeduri tagħna ta’ komunikazzjoni u selezzjoni. Jitwettaq skrinjar regoli tal-aċċessibilità biex niċċekkjaw kemm aħna aċċessibbli u kif nistgħu ntejbu l-aċċessibilità għal kulħadd. Ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità huma integrati f’kull żvilupp tal-IT; nipproduċu formati aċċessibbli għal teknoloġiji ta’ assistenza tad-dokumenti li mhumiex 100% aċċessibbli u attwalment qed inwettqu awditu tas-sit web tagħna biex dan jilħaq il-livell AA tal-WCAG 2.0 (Linji Gwida tal-Aċċessibilità tal-Kontenut tal-Web)
Għadek qed tiltaqa’ ma' diffikultajiet biex taċċessa xi partijiet tas-sit web u/jew tad-dokumenti tagħna? Jew tixtieq tagħtina feedback u tgħinna ntejbu l-aċċessibilità tas-sit web u tal-proċeduri ta’ selezzjoni tagħna? Jekk jogħġbok ħossok liberu li ikkuntattjana u aħna nirrisponduk malajr kemm jista’ jkun!