Kif tapplika

.

Il-proċess ta’ applikazzjoni għal pożizzjoni f’istituzzjoni jew korp tal-UE jvarja skont it-tip ta’ kuntratt. Hemm diversi kategoriji (minbarra x-xogħol freelance) ta’ kuntratti ta’ xogħol: kuntratt permanenti, kuntratt għal żmien determinat (CAST) u kuntratt temporanju. Hemm ukoll traineeships. Tista’ ssib dettalji dwar kif tapplika għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-erba’ tipi ta’ kuntratti f’din it-taqsima.

Għal kull tip ta’ kuntratt, se jkun hemm proċedura ta’ selezzjoni li trid issegwi. Kun ċert li tiċċekkja l-iskadenzi mogħtija għal kull stadju fil-proċess, li int tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ kwalifiki ewlenin għall-kariga, jekk tridx tagħmel test ibbażat fuq il-kompjuter, jew tipparteċipa f’ċentru ta’ valutazzjoni. Wara li tkun qrajt dwar il-proċeduri varji tal-għażla tista’ tipprova xi wħud mit-Testijiet kampjun tagħna u ssir taf dwar sorsi oħra ta’ taħriġ u appoġġ. Nixtiqulek kull suċċess!

 

Min hu involut?

Ladarba tkun għażilt ir-rwol li tixtieq tapplika għalih, ara l-Avviż tal-Kompetizzjoni biex tara min se jimmaniġġja l-applikazzjoni tiegħek. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jiġifieri għar-rwoli permanenti u l-kuntratti għal żmien determinat, l-organizzazzjoni responsabbli għall-immaniġġjar tal-applikazzjoni tiegħek se tkun l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). Jekk dan ikun il-każ, EPSO se jissorvelja l-proċedura ta’ selezzjoni mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni onlajn sat-teħid tat-test fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni u se jkun disponibbli biex iwieġeb xi mistoqsijiet li jista’ jkollok matul il-proċess.

Kull proċess ta' selezzjoni jkollu l-bord ta’ selezzjoni tiegħu stess li jkun responsabbli għall-għażla tal-kandidati f’kull stadju u għal-lista finali tal-kandidati li jkunu għaddew.  Kull bord ta’ selezzjoni huwa magħmul minn uffiċjali mill-istituzzjonijiet tal-UE u EPSO jiżgura li l-bordijiet ta’ selezzjoni kollha jimxu b’mod strett mal-proċeduri. Il-proċess ta’ reklutaġġ jinvolvi wkoll is-servizzi tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet tal-UE li huma responsabbli għar-reklutaġġ tal-kandidati li jgħaddu mill-proċess kollu, jiġifieri l-mili ta’ postijiet tax-xogħol battala speċifiċi billi jirreklutaw impjegati ġodda mil-listi tal-kandidati miżmuma minn EPSO. L-Istituzzjonijiet jintervistaw lill-impjegati potenzjali qabel joffrulhom impjieg.

Jekk qed tikkunsidra tapplika għal xogħol fl-istituzzjonijiet tal-UE, agħti daqqa t’għajn lejn l-għadd kbir ta’ tipi differenti ta’ kuntratti li toffri l-UE qabel ma tibda. Għalkemm huwa possibbli li jinkisbu pożizzjonijiet permanenti, jista’ jkun li kuntratt temporanju huwa aktar adattat għall-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tiegħek. Ikun xi jkun it-tip ta’ kuntratt assoċjat mal-pożizzjoni li qed tapplika għaliha, ftakar li probabbilment se jkollok issegwi proċedura ta’ kompetizzjoni u jistgħu jgħaddu xi ftit xhur qabel ma tkun taf jekk irnexxielekx.

Għal aktar informazzjoni dwar il-karrieri, inkluż ir-reklutaġġ, il-promozzjonijiet, il-paga u l-benefiċċji ara r-Regolamenti tal-Persunal.

Tip ta' kuntratt

Uffiċjal permanenti

Il-kuntratti permanenti li jippermettulek issir membru tas-servizz ċivili tal-UE huma mfittxija ħafna u jingħataw wara proċedura rigoruża ta’ kompetizzjoni miftuħa. Fi ħdan is-servizz ċivili tal-UE jistgħu jingħataw tliet tipi ta’ kuntratt permanenti. L-ewwel wieħed huwa għall-amministraturi (AD), it-tieni huwa għall-assistenti (AST), u t-tielet huwa għall-assistenti-segretarji (AST/SC).

Amministraturi

Jekk int impjegat bħala amministratur ġeneralment se tkun involut fl-abbozzar ta’ politiki, l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, l-analiżi jew xogħol ta’ konsulenza. Is-setturi ta’ politika koperti jinkludu l-amministrazzjoni, il-liġi, il-finanzi, l-ekonomija, il-komunikazzjoni u x-xjenza. It-tradutturi u l-interpreti huma wkoll reklutati bħala amministraturi.

Karriera ta’ amministratur tvarja bejn il-gradi AD 5 sa AD 16. Il-grad AD 5 huwa l-grad tal-livell ta’ dħul għal gradwati universitarji. Is-selezzjoni u r-reklutaġġ jistgħu jiġu offruti wkoll fil-gradi ogħla ta’ AD 6 jew AD 7 għal rwoli iktar speċjalizzati, fejn l-applikant irid juri esperjenza rilevanti ta’ diversi snin. Il-gradi AD 9-AD 12 huma fil-livell ta’ maniġment intermedju. Is-selezzjoni/ir-reklutaġġ f'dawn il-gradi jirrikjedi esperjenza preċedenti ta' maniġment.


Assistenti

Jekk int impjegat bħala assistent fl-istituzzjonijiet tal-UE, ġeneralment se tkun involut fi rwol eżekuttiv u tekniku fl-amministrazzjoni, il-finanzi, il-komunikazzjoni, ir-riċerka, jew l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika.


Karriera ta’ assistent tvarja bejn il-gradi AST 1 sa AST 11 u l-persunal normalment jidħol fil-gradi AST 1-AST 3. Kandidat AST 1, bħala minimu, irid ikun lesta l-edukazzjoni sekondarja u jkollu esperjenza preċedenti rilevanti, jew ikollu kwalifika vokazzjonali rilevanti.

Segretarji/skrivani (jista’ jvarja skont il-kompetizzjoni)

Jekk int impjegat bħala segretarju/skrivan, ġeneralment se tkun involut fl-immaniġġjar ta’ uffiċċju jew fl-għoti ta’ appoġġ amministrattiv fl-istituzzjonijiet tal-UE.

Karriera ta' segretarju/skrivan tkopri l-gradi minn AST/SC1 sa AST/SC6. Persunal ġdid normalment jidħol fil-grad AST/SC1. Bħala minimu, kandidat AST/SC1 irid ikollu edukazzjoni postsekondarja ta’ mill-inqas sena, iċċertifikata b’diploma direttament relatata man-natura tad-dmirijiet, jew livell ta’ edukazzjoni sekondarja, iċċertifikata minn diploma li jagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja segwita minn tal-anqas 3 snin ta’ esperjenza professjonali marbuta b’mod dirett mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, jew taħriġ professjonali ta’ mill-anqas sena, segwit minn minimu ta’ 3 snin ta’ esperjenza professjonali. Kemm it-taħriġ kif ukoll l-esperjenza jridu jkunu direttament relatati man-natura tad-dmirijiet.

Benefiċċji u salarji

Is-salarji bażiċi ta’ uffiċjal permanenti jvarjaw minn madwar €2,300 fix-xahar għal Assistent-Segretarju (AST/SC 1) irreklutat ġdid għal madwar €16,000 fix-xahar għal Amministratur tal-ogħla livell (uffiċjal AD 16) b’aktar minn 4 snin ta’ anzjanità. Kull grad huwa maqsum f’ħames passi ta’ anzjanità b’żidiet korrispondenti fis-salarju. Is-salarji bażiċi huma aġġustati kull sena skont l-inflazzjoni u s-setgħa tax-xiri fil-pajjiżi tal-UE.

Barra minn hekk, jekk int tħalli pajjiżek biex tiġi taħdem ma’ istituzzjoni tal-UE, int intitolat għal gratifika tal-espatrijazzjoni ekwivalenti għal 16% tas-salarju bażiku tiegħek.

Huma disponibbli xi gratifiki relatati mal-familja għall-uffiċjali permanenti skont is-sitwazzjoni familjari tagħhom. Dawn jinkludu gratifika tad-dar, gratifika għall-ulied dipendenti, gratifika għall-iskola u gratifika għal qabel l-iskola.

Bħala uffiċjal fis-servizz ċivili Ewropew, is-salarju tiegħek mhuwiex soġġett għat-taxxa nazzjonali fuq l-introjtu. Minflok, is-salarji huma direttament soġġetti għal taxxa Komunitarja li titħallas lura direttament fil-baġit tal-UE. Din it-taxxa tiġi imposta b’mod progressiv b’rata ta’ bejn 8% u 45% tal-porzjon taxxabbli tas-salarju tiegħek. Mill-2014 sal-2023 hemm ukoll “imposta ta’ solidarjetà” addizzjonali.

Kif nista' napplika?

L-istituzzjonijiet tal-UE jagħżlu l-kandidati għall-kuntratti permanenti permezz ta' kompetizzjonijiet miftuħa (ippubblikati fuq dan is-sit web). L-ewwel serje ta’ testijiet li se tintalab tagħmel se jkunu bbażati fuq il-kompjuter u se jinkludu eżerċizzju tal-aptitudni u tal-abilità psikometrika. Jekk tirnexxi f’dawn it-testijiet, imbagħad tissejjaħ għal ċentru ta’ valutazzjoni fejn tkun mistenni tlesti għadd ta’ eżerċizzji marbuta max-xogħol f’ambjent ta’ grupp quddiem mill-inqas żewġ evalwaturi. Il-ħiliet li se jiġu vvalutati ġeneralment ikopru dawn il-kompetenzi ewlenin meħtieġa mill-istituzzjonijiet tal-UE: l-analiżi u s-soluzzjoni tal-problemi, il-komunikazzjoni, it-twassil ta’ prodott ta’ kwalità u riżultati, it-tagħlim u l-iżvilupp, il-prijoratizzazzjoni u l-organizzazzjoni, il-pereseveranza u l-ħidma ma’ persuni oħra u fil-każ ta’ gradwati, il-kapaċità ta’ tmexxija.


L-applikanti li jgħaddu minn kompetizzjoni jitqiegħdu f'lista ta' riżerva li minnha l-istituzzjonijiet jieħdu l-impjegati meta jkollhom bżonnhom. Għalhekk, l-għan ta' kompetizzjoni, mhuwiex biex jimtela' post speċifiku, iżda biex ikun hemm ġabra ta' riżerva għall-bżonnijiet tar-reklutaġġ.


Il-format ta' dawn il-kompetizzjonijiet ivarja skont il-profil li jkun fil-mira.
Kull kompetizzjoni titħabbar permezz ta' avviż ta' kompetizzjoni, fejn jingħataw id-dettalji tal-profil, il-kriterji ta' eliġibbiltà u l-proċedura ta' selezzjoni.
 

Ġeneralment, ikun hemm bżonn ta' 5-9 xhur biex jitlesta l-proċess ta' selezzjoni, mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni.


Jekk int wieħed mill-applikanti li ġibt l-ogħla marki fil-fażi tal-valutazzjoni, titqiegħed fil-lista ta' riżerva. Dan ifisser li tista' tintgħażel għal intervista għal impjieg f'waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE.


Il-listi ta' riżerva għall-kompetizzjonijiet ġenerali normalment huma validi għal sena. Għal profili oħra, it-tul jista’ jvarja. Il-validità tal-listi ta’ riżerva tista’ tittawwal.

Persunal bil-kuntratt

Huwa possibbli li taħdem għall-istituzzjonijiet tal-UE fuq bażi ta’ kuntratt għal żmien fiss. L-aġenti kuntrattwali (magħrufa bħala CAST) jiġu rreklutati biex iwettqu xogħol manwali jew ħidma ta’ servizz ta’ appoġġ amministrattiv jew biex tingħata kapaċità addizzjonali f'oqsma speċjalizzati fejn m'hemmx biżżejjed uffiċjali bil-ħiliet meħtieġa. Jekk jirnexxilek tikseb kuntratt, se tkun impjegat għal perjodu minimu fiss, bosta drabi b'kuntratt inizjali iqsar ta' 6-12-il xahar, skont it-tip ta' xogħol. F’xi korpi tal-UE, jista’ jkun possibbli li l-kuntratt jiġi mtawwal għal perjodu ta’ żmien indefinit.

Jeżistu pożizzjonijiet għal persunal b'kuntratt f'firxa kbira ta' impjiegi, li jirrikjedu livelli differenti ta' kwalifiki. Għandek tikkunsidra li tapplika jekk il-ħiliet tiegħek jissodisfaw xi waħda minn dawn li ġejjin: xogħol manwali u amministrattiv; kompiti klerikali, segretarjali jew ta’ ġestjoni tal-uffiċċju; kompiti eżekuttivi, abbozzar, kontabilità u kompiti tekniċi ekwivalenti; kompiti amministrattivi, konsultattivi, lingwistiċi u kompiti tekniċi ekwivalenti.

Kif nista' napplika? 

Il-persunal b'kuntratt jiġi rreklutat minn ġabra ta’ applikanti (miżmuma f'bażi tad-dejta) wara proċedura ta' selezzjoni normalment organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Il-proċedura ta' selezzjoni tista' tinkludi għażla tas-CVs, testijiet tar-raġunament, u/jew testijiet tal-kompetenza, li jistgħu jkunu bil-miktub, orali jew testijiet prattiċi oħra fil-qasam.

Żur dan is-sit web biex tidħol fil-proċeduri ta’ selezzjoni ta’ persunal b’kuntratt, li huma organizzati mill-EPSO.

Persunal temporanju

Tista’ tiġi impjegat mal-istituzzjonijiet tal-UE fuq bażi temporanja. Il-postijiet temporanji huma normalment disponibbli f’oqsma speċjalizzati ħafna bħar-riċerka xjentifika.

Kif nista' napplika?

Is-selezzjoni u r-reklutaġġ tal-persunal temporanju ġeneralment isiru mill-istituzzjonijiet individwali u l-aġenziji tal-UE. Iċċekkja regolarment għall-aħbarijiet tas-selezzjonijiet u l-postijiet battala kurrenti fuq dan is-sit web. Tista' tintroduċi wkoll id-dettalji tiegħek fil-bażi tad-dejta EU CV online.

Persunal interim / Konsulenti interim

Persunal interim

Jekk int interessat f’xogħol ta’ perjodu qasir, ikkuntattja l-aġenziji ta’ xogħol temporanju rrakkomandati biex tkun taf aktar dwar opportunitajiet fuq perjodu qasir mal-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell u fil-Lussemburgu. Il-persunal interim ta’ spiss hu meħtieġ fi rwoli segretarjali. Il-karigi rarament huma itwal minn 6 xhur.

Konsulenti interim

Xi servizzi tal-UE jimpjegaw il-konsulenti direttament permezz ta' proċeduri ta' offerti. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-offerti u l-kuntratti tal-UE.

Trainees  

Kull sena madwar 1,200 żagħżugħ u żagħżugħa jingħataw l-opportunità jtejbu l-ħiliet professjonali tagħhom, jiżviluppaw il-kwalitajiet personali tagħhom u jżidu l-għarfien tagħhom dwar l-UE permezz tal-programmi tat-trainees. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz tal-Azzjoni Esterna, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ombudsman Ewropew jorganizzaw traineeships għall-gradwati żgħażagħ. Kull wieħed idum bejn 3 u 5 xhur. It-trainees kollha jkunu lestew l-ewwel kors universitarju biex b'hekk ikunu jistgħu jagħmlu xogħol bħal dak li jagħmlu fil-gradi l-aktar baxxi ta’ amministratur.

It-traineeships (jew l-internships) huma disponibbli f’firxa wiesgħa ta’ oqsma u joffru ħafna tagħrif dwar il-ħidma tal-UE. Il-kontenut tal-impjieg fil-biċċa l-kbira jiddependi fuq is-servizz fejn tiġi assenjat. Ikunu disponibbli opportunitajiet fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni, ir-riżorsi umani, il-politika ambjentali, il-komunikazzjoni u ħafna aktar.

Il-maġġoranza tat-traineeships huma mħallsa, normalment madwar €1000 fix-xahar u huma bbażati fi Brussell jew il-Lussemburgu.

Kif nista' napplika?

Il-proċeduri ta' selezzjoni għat-traineeships jsiru mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji individwali tal-UE. Ara l-Gwida Faċli għat-traineeships fl-UE għal aktar informazzjoni. L-applikazzjonijiet huma normalment onlajn, iżda xi kultant ikunu meħtieġa kopji stampati tal-formola tal-applikazzjoni. B’mod ġenerali, l-applikazzjonijiet huma aċċettati madwar erba’ sa disa’ xhur qabel il-bidu tat-traineeship u l-applikazzjonijiet għandhom jiġu mibgħuta f’waqthom.

Esperti nazzjonali sekondati (SNEs)

L-esperti nazzjonali sekondati huma impjegati taċ-ċivil nazzjonali jew internazzjonali jew persuni impjegati fis-settur pubbliku li jaħdmu għal xi żmien ma’ Istituzzjoni tal-UE.

Il-biċċa l-kbira tal-SNEs huma ċittadini minn pajjiż Ewropew jew pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda f’każijiet eċċezzjonali ċittadini mhux membri tal-UE/taż-ŻEE jistgħu wkoll jiġu ssekondati lill-Kummissjoni. Irid ikollok tal-inqas tliet snin ta’ esperjenza ta’ xogħol f’livell xieraq u min iħaddmek se jkollu jipprovdi dikjarazzjoni lill-Kummissjoni dwar in-natura tal-impjieg tiegħek matul is-sena ta’ qabel.

Fil-prinċipju, is-sekondar tiegħek jista’ jkun għal minimu ta’ sitt xhur u sa massimu ta’ erba’ snin. Inti tista’ tirritorna għal tieni perjodu ta’ sekondar wara intervall ta’ mill-inqas 6 snin.

Kif nista' napplika?

Jekk jogħġbok ikkuntattja r-rappreżentanza permanenti għall-UE f'pajjiżek biex din tinfurmak dwar opportunitajiet attwali. Għal aktar informazzjoni dwar in-natura tax-xogħol ta’ espert nazzjonali ssekondat, ara Esperti Nazzjonali Sekondati.

Assistenti Parlamentari

Jekk int interessat li ssir assistent parlamentari ta’ Membru tal-Parlament Ewropew (ibbażat fil-Lussemburgu, Brussell jew Strasburgu), ara s-sit web tal-Parlament Ewropew għal aktar informazzjoni.

Ara wkoll is-siti web individwali tal-Gruppi Politiċi għal informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħhom.

Lingwisti freelance

Mal-istituzzjonijiet tal-UE hi disponibbli karriera freelance għat-tradutturi u l-interpreti.

Kif nista' napplika?

Biex issir traduttur freelance

- għall-Kummissjoni Ewropea, jekk jogħġbok ikkonsulta l-avviżi tas-sejħa għall-offerti.

- għall-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonsulta l-avviżi tal-kuntratti.

Biex issir interpretu freelance fil-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jew il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk jogħġbok ara Interpreting for Europe

Professjonisti Żgħażagħ f’Delegazzjoni

L-UE għandha uffiċċji tad-Delegazzjonijiet madwar id-dinja. Iż-żgħażagħ b’talent promettenti b'lawrja postuniversitarja għandhom l-opportunità li jagħmlu traineeship sa 18-il xahar fid-Delegazzjonijiet tal-UE biex ikunu jistgħu jiksbu esperjenza diretta tal-ħidma fid-Delegazzjonijiet, u biex jifhmu aħjar ir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. Għal iktar informazzjoni, ara l-Programm għall-Professjonisti Żgħażagħ f'Delegazzjoni.

Esperti tal-UE (bażi tad-dejta ta' esperti)

Jekk inti espert f’qasam ta’ politika tal-UE, tista’ tirreġistra l-kredenzjali tiegħek f’bażi tad-dejta tal-esperti miżmuma minn istituzzjoni jew aġenzija tal-UE. Inti se tiġi mistieden toħloq profil protett b’password li jkun fih id-dettalji tiegħek (dettalji ta’ kuntatt, speċjalizzazzjoni, kredenzjali, eċċ.). Imbagħad se tkun tista’ tiġi kkuntattjat għal kompiti speċifiċi kif ikun hemm bżonn.


Ara, pereżempju:

- Is-Servizz Komunitarju ta’ Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp (CORDIS)

Persunal tal-manutenzjoni u tal-canteen

Ċerti kategoriji ta' persunal bħall-ħaddiema tal-manutenzjoni u l-persunal tal-canteen huma impjegati permezz ta' kumpaniji esterni b’kuntratt. Dawn il-kuntratti jingħataw permezz ta' proċeduri ta' sejħiet għal offerti. Ara s-siti web tas-servizzi b’kuntratti għal aktar informazzjoni.