Header

Gradwati fil-livell tad-dħul

Jekk iggradwajt dan l-aħħar mill-università u qed tfittex xogħol mal-istituzzjonijiet tal-UE, tipikament se tapplika għal dak li nsejħulhom Profili ta’ Amministratur fil-grad AD5 biex issir uffiċjal permanenti. Bħala Amministratur, tista’ ssib ruħek fi rwol importanti fil-proċessi tal-UE b’livell għoli ta’ responsabbiltà fi stadju bikri fil-karriera tiegħek.

Flimkien mad-diploma universitarja (tal-inqas fil-livell ta’ lawrja tal-baċċellerat) għandek bżonn biss żewġ affarijiet oħra biex tilħaq l-elementi bażiċi għall-proċeduri ta’ selezzjoni tagħna għall-gradwati. Trid tkun ċittadin tal-UE u jkollok għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien tajjeb ta’ lingwa oħra (għall-profili tal-lingwisti ikollok bżonn it-tielet lingwi tal-UE).

Il-proċeduri ta’ selezzjoni għal karigi permanenti mal-UE huma organizzati bħala “kompetizzjonijiet miftuħa”. Il-kompetizzjoni l-aktar rilevanti għall-gradwati titnieda kull rebbiegħa, ġeneralment bħala kompetizzjoni ġenerali, li għaliha ma hemm bżonn ta’ ebda qasam ta’ studju partikolari.

Kompetizzjoni miftuħa tinkludi testijiet u eżerċizzji ta' valutazzjoni maħsuba biex ikejlu l-ħiliet professjonali u għadd ta' kompetenzi ewlenin. Peress li n-numru tal-applikanti huwa għoli ħafna, din hi l-proċedura ta’ selezzjoni l-iktar ġusta u trasparenti.

Il-kompetizzjonijiet tagħna huma ppubblikati fuq Opportunitajiet ta' Xogħol u mħabbra permezz ta’ Avviż ta’ Kompetizzjoni, li jipprovdi d-dettalji tal-profil, il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura ta’ selezzjoni. Il-format ta' dawn il-kompetizzjonijiet ivarja skont il-profil li jkun fil-mira. Tista’ ssib aktar dettalji dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni fuq Kif Tapplika.

Ir-reġistrazzjoni għall-kompetizzjonijiet tibda fl-istess perjodi kull sena (dawn huma dawk li nsejħulhom iċ-ċikli), fir-rebbiegħa għall-Gradwati u fis-sajf għat-Tradutturi. Il-profili tal-gradwati li nfittxu (pereżempju Liġi, Awditjar) u l-ħtiġijiet lingwistiċi għat-Tradutturi jistgħu jvarjaw minn sena għal oħra. Bejn dawn iċ-ċikli jitniedu proċeduri ta’ selezzjoni oħrajn għal Speċjalisti jew Assistenti.

Fil-proċedura ta’ selezzjoni tagħna niffukaw fuq il-ħiliet professjonali tiegħek u fuq il-kompetenzi ġenerali, bħal:

  • Analiżi u soluzzjoni tal-problemi
  • Komunikazzjoni
  • Twassil ta’ kwalità u riżultati
  • Tagħlim u żvilupp
  • Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni
  • Reżiljenza
  • Ħidma ma' oħrajn
  • Tmexxija

Sib jekk għandekx dak li hemm bżonn biex tagħmel differenza għall-Ewropa u ttestja lilek innifsek bit-Testijiet Kampjun.