Flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew hu l-korp ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Hu elett direttament mill-votanti tal-UE kull 5 snin. L-aħħar elezzjonijiet saru f’Mejju 2014. B’kollox, il-Parlament Ewropew jimpjega madwar 8,000 uffiċjal u persunal ieħor. Dawn ġejjin mill-Istati Membri kollha tal-UE u huma assenjati fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament (il-Lussemburgu, Strasburgu u Brussell) u fl-Uffiċċji ta’ Informazzjoni fl-Istati Membri.
Il-Parlament Ewropew jirrekluta uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Barra minn hekk, il-Membri tal-Parlament Ewropew jimpjegaw l-assistenti parlamentari akkreditati tagħhom. L-aġenziji tal-impjiegi huma responsabbli għar-reklutaġġ tal-persunal tal-aġenzija. Fl-aħħar nett, l-esperti nazzjonali sekondati jiġu reklutati permezz tar-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru għall-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew joffri wkoll bosta traineeships matul is-sena.
L-għan tat-traineeships Schuman hu li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni Ewropea u t-taħriġ vokazzjonali taċ-ċittadini tal-UE u li jipprovdu ħarsa lejn il-ħidma tal-Parlament Ewropew.
Min jista’ japplika: gradwati universitarji ta’ 18-il sena jew aktar. Il-kandidati għandu jkollhom għarfien profond ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma jridux ikunu ħadmu għal aktar minn xahrejn konsekuttivi ma’ istituzzjoni jew korp tal-UE.
Tul: 5 xhur
Bi ħlas: iva. Madwar €1,300
Dati tal-bidu: l-1 ta’ Marzu u l-1 ta’ Ottubru