Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), li hu bbażat fi Brussell, hu korp konsultattiv tal-UE magħmul minn rappreżentanti eletti lokali u reġjonali mill-Istati Membri tal-UE. Permezz tal-KtR huma jistgħu jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE li jista’ jkollha impatt dirett fuq ir-reġjuni u l-ibliet.
Sabiex tiġi rreklutat bħala uffiċjal fil-KtR, trid tgħaddi minn kompetizzjoni miftuħa organizzata fil-livell interistituzzjonali mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jimpjega wkoll persunal temporanju jew kuntrattwali. L-impjegati ta’ korpi lokali, reġjonali u nazzjonali jew ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu japplikaw ukoll għall-post ta’ esperti nazzjonali sekondati.
Jekk tagħmel traineeship mal-KtR tkun qiegħed fil-qalba tad-dinamika ta’ assemblea politika. Inti tiffamiljarizza ruħek mal-għanijiet u l-ħidma tal-KtR dwar l-integrazzjoni Ewropea. Kull trainee hu assenjat lil dipartiment speċifiku tal-KtR. In-natura tax-xogħol tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-unità. Xi unitajiet għandhom orjentazzjoni aktar politika filwaqt li oħrajn huma aktar amministrattivi. B'mod ġenerali, it-tip ta’ xogħol assenjat hu ekwivalenti għal dak imwettaq minn uffiċjali tal-grad eżekuttiv baxx (AD5).
Min jista’ japplika: gradwati universitarji minn pajjiż membru tal-UE jew minn pajjiż li hu kandidat uffiċjali għall-adeżjoni, b’għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa ta’ ħidma oħra tal-UE (il-Franċiż jew l-Ingliż)
Tul: 5 xhur
Bi ħlas: iva. Madwar €1,000 fix-xahar
Dati tal-Bidu: is-16 ta’ Frar u s-16 ta’ Settembru
Dawn l-internships huma maħsuba biex ikun hemm input tal-għarfien u l-esperjenza ta’ parti kkonċernata fil-proċessi ta’ politika tal-KtR, filwaqt li jingħata għarfien prattiku/feedback dwar il-ħidma tal-KtR lil-livelli lokali u reġjonali. Il-parteċipanti jieħdu idea ġenerali tal-għanijiet tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea permezz tal-ħidma tal-KtR u jkollhom l-opportunità jaħdmu f’ambjent multikulturali u multilingwi.
Min jista’ japplika: uffiċjali minn awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE jew minn pajjiż li hu kandidat uffiċjali għall-adeżjoni. Il-kandidati għandhom ikunu professjonisti li jaħdmu b’impjieg bi dmirijiet li jikkorispondu mal-livell ta’ Amministratur tal-UE.
Tul: minn xahar sa 4 xhur (jista’ jiġi estiż għal 6 xhur)
Bi ħlas: le. Ir-remunerazzjoni tingħata mill-istituzzjoni li tkun qed tibgħat.
Dati tal-Bidu: il-ħin kollu
Il-perjodi ta’ studju mal-KtR jippermettu lill-benefiċjarji jlestu proġett konkret filwaqt li jipprovdu esperjenza unika ta’ xogħol fuq il-post tal-ħidmiet tal-KtR. It-trainees jiksbu esperjenza prattika u għarfien tal-ħidma ta’ kuljum tad-dipartimenti tal-Kumitat u għandhom iċ-ċans li jaħdmu f’ambjent multikulturali u multilingwi.
Min jista’ japplika: ċittadini tal-UE jew ta’ Stat li hu kandidat uffiċjali għall-adeżjoni, li jkunu kisbu tal-inqas lawrja tal-Baċċellerat.
Tul: minn xahar sa 4 xhur (tista’ tiġi estiża sa 6 xhur skont ir-riżorsi disponibbli)
Bi ħlas: le