Paġna ewlenija > Opportunitajiet ta' xogħol > Aħbarijiet > Iċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni fil-bini tal-EPSO fi Brussell - Miżuri ta’ sikurezza minn Settembru 2020

Iċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni fil-bini tal-EPSO fi Brussell - Miżuri ta’ sikurezza minn Settembru 2020

Għażiż/a kandidat/a,

Nittamaw li tinsab tajjeb/tajba u tinsab protett(a). Wara li f’Marzu ssospendejna ċ-Ċentri ta’ Evalwazzjoni tagħna minħabba l-COVID-19, ninsabu ħerqana li nilqgħuk mill-ġdid fil-bini tal-EPSO tagħna minn Settembru 2020. L-għan tagħna huwa li nippermettu l-parteċipazzjoni tiegħek fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni bl-aħjar mod possibbli. Jekk jogħġbok serraħ rasek li l-EPSO wettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-għażliet kollha u li d-deċiżjoni li jerġgħu jibdew iċ-Ċentri ta’ Evalwazzjoni ttieħdet bl-akbar kunsiderazzjoni, filwaqt li żammejna s-sikurezza tiegħek, kif ukoll dik tal-persunal tagħna, fuq quddiem nett. Aħna fiduċjużi li l-proċedura deskritta hawn taħt se tiżgura l-amministrazzjoni bla xkiel tat-testijiet, filwaqt li se tissalvagwardja s-saħħa tiegħek fl-istess ħin.

Sabiex nilħqu r-rekwiżiti kollha għal jum sikur u effiċjenti fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni, stabbilixxejna diversi miżuri speċifiċi, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Kummissjoni Ewropea.

Numru mnaqqas ta’ kandidati fuq il-post

Minflok ma jistieden l-ammont tas-soltu ta’ kandidati kuljum, l-EPSO ddeċieda li dan in-numru jnaqqsu bin-nofs. Dan ifisser li l-faċilitajiet tagħna se joffru biżżejjed spazju biex ikun garantit it-tbegħid fiżiku xieraq.

It-tliet regoli tad-deheb tas-sikurezza

Se jipprevalu tliet regoli matul il-jum tiegħek fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni fl-EPSO: id-distanza fiżika (>1.5 m), l-ilbies tal-maskri u s-sanitizzazzjoni frekwenti tal-idejn.

Miżuri ta’ sikurezza u saħħa

Irid jiġi osservat tbegħid fiżiku ta’ mill-inqas 1.5 m f’kull ħin, inkluż waqt u bejn it-testijiet, matul il-breaks, eċċ. L-EPSO se jipprovdi l-maskri u se jkun hemm id-diżinfettant tal-idejn mal-bini kollu tal-EPSO. L-ilbies tal-maskra se jkun obbligatorju l-ħin kollu matul il-jum fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni tiegħek. Jekk jogħġbok innota li jekk tneħħi l-maskra matul it-testijiet tiegħek, tista’ tintalab tħalli l-bini u tista’ tiġi eskluż(a) mill-kompetizzjoni.

Il-kandidati u l-membri tal-Bord tas-Selezzjoni ta’ kompetizzjoni speċifika se jintalbu jużaw dejjem l-istess kmamar tal-ittestjar u żoni ta’ mistrieħ, u mhux se jkunu jistgħu jiltaqgħu u jitħalltu mal-kandidati u mal-membri tal-Bord tas-Selezzjoni minn kompetizzjonijiet oħra.

Żona ta’ akkoljenza fis-sular t’isfel

Jekk jogħġbok kun żgur li tasal fil-ħin (mhux tard, iżda lanqas kmieni wisq) indikat fuq l-istedina tiegħek. Il-kandidati se jiġu mistiedna f’ħinijiet kemxejn differenti matul il-jum biex jippermettu proċedura ta’ reġistrazzjoni mingħajr xkiel, u biex jiġi evitat li jinġabru gruppi akbar ta’ kandidati fiż-żona ta’ akkoljenza jew barra l-entratura.

Se tkun mistenni li ssegwi l-istruzzjonijiet kollha mogħtija mill-persunal tal-EPSO u li tirrispetta l-marki mal-art. Se jiġu pprovduti maskri fis-sular t’isfel (2 maskri għal kull persuna kuljum, waħda għal filgħodu, u oħra għal wara nofsinhar).

Mad-dħul fil-bini, il-persunal tas-sigurtà se jiċċekkja l-ID tiegħek, u wara dan, membru tal-persunal tal-EPSO se jirreġistrak u jipprovdilek l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-testijiet taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni tiegħek. Se tirċievi wkoll karta tal-ippjanar tal-jum li tindika l-kmamar tal-ittestjar u ż-żona ta’ mistrieħ tiegħek. Huwa essenzjali li tillimita l-movimenti lejn iż-żoni allokati tiegħek matul il-jum kollu fl-EPSO.

Il-kmamar tal-ittestjar fit-2 u t-3 sular

Jekk jogħġbok segwi u rrispetta l-marki mal-art il-ħin kollu.

F’kull żona tal-ittestjar, l-arranġamenti tal-postijiet bilqiegħda kemm għall-kandidati kif ukoll għall-membri tal-Bord tas-Selezzjoni se jkunu ppjanati b’tali mod li jiżguraw mill-inqas ir-regola tat-tbegħid fiżiku ta’ 1.5 m. Mhuwiex permess li tibdel is-sit tiegħek jew li b’xi mod timmodifika l-arranġamenti tas-sits.

Id-dispensers tas-sanitizzaturi tal-idejn se jkunu disponibbli f’kull kamra tal-ittestjar. Se jkollok tużah kull darba li tidħol u toħroġ mill-kamra.

Attent(a) għall-posters li jindikaw il-miżuri ta’ sikurezza fil-bini tal-EPSO u ara li tirrispettahom.

In-numru ta’ siġġijiet fiż-żoni ta’ mistrieħ se jkun limitat u inti meħtieġ li dejjem tuża dak allokat lilek (in-numru tal-kandidat tiegħek se jkun indikat permezz ta’ sticker).

Diżinfezzjoni u sessjonijiet ta’ tindif żejjed

Se tiżdied il-frekwenza tat-tindif u tad-diżinfezzjoni tal-post u tal-kmamar (inklużi l-uċuħ fil-kmamar tal-ittestjar, iż-żoni ta’ mistrieħ u l-infrastruttura b’mod ġenerali).

Catering

Sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ kuntatt bejn in-nies, mhux se jiġu pprovduti fliexken, kikkri u tazzi. Se jkunu disponibbli tazzi tal-ilma u kikkri li jintużaw darba biss fejn il-funtani tal-ilma, u ħdejhom se jkun hemm id-diżinfettant. Inħeġġuk tiddiżinfetta jdejk qabel u wara li tużahom.

Il-magni awtomatiċi tal-kafè (li jagħtu kikkra awtomatikament) u tal-ikel ħafif se jkunu disponibbli fil-kafetterija fit-tieni sular. Madankollu, il-kafetterija mhix żona ta’ mistrieħ u għalhekk trid tmur lura lejn iż-żona ta’ mistrieħ jew il-kamra tal-ittestjar tiegħek immedjatament wara li tixtri xi xorb jew ikel ħafif.

Sintomi

Jekk tħossok ma tiflaħx jew ikollok kwalunkwe sintomu tal-COVID-19, bħal deni jew sogħla qabel ma tilħaq il-bini tal-EPSO, jekk jogħġbok irrinunzja għall-parteċipazzjoni tiegħek fil-jum tiegħek taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni u informa lill-persunal tal-EPSO permezz tat-telefown jew tal-email. Se jingħataw dati alternattivi (soġġett għal ċerti kundizzjonijiet).

Jekk tħossok ma tiflaħx jew għandek xi sintomi, bħad-deni jew sogħla waqt li tkun fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni fil-bini tal-EPSO, jekk jogħġbok ieqaf milli tipparteċipa fit-testijiet mingħajr dewmien, ħalli l-bini u informa lill-persunal tal-EPSO permezz tat-telefown jew il-email. Se jingħataw dati alternattivi (soġġett għal ċerti kundizzjonijiet).

Qabel ma tivvjaġġa lejn iċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni tiegħek

Il-jum ta’ qabel ma tivvjaġġa lejn Brussell, trid tikkonsulta s-sit web tal-awtoritajiet nazzjonali Belġjani, li se jindika jekk il-pajjiż ta’ oriġini tiegħek huwiex soġġett għal restrizzjonijiet fi Brussell. Jekk qed tivvjaġġa minn żona soġġetta għal restrizzjonijiet, ikkanċella l-vjaġġ tiegħek u informa lill-persunal tal-EPSO permezz tat-telefown jew tal-email. Se jingħataw dati alternattivi (soġġett għal ċerti kundizzjonijiet).

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar

Jekk inti eliġibbli, tista’ titlob kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħek. Jekk jogħġbok iċċekkja s-sit web tal-EPSO għal aktar dettalji.

Ġentilment innota li kwalunkwe spiża oħra li tista’ ġġarrab b’rabta mal-attendenza tiegħek fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni (bħal spejjeż mediċi, spejjeż addizzjonali marbuta mal-kwarantina jew żjara estiża fi Brussell, kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet, eċċ.) mhumiex se jitħallsu mill-EPSO u se jkollok tkoprihom int stess.

Aktar informazzjoni dwar il-COVID-19

Hawnhekk tista’ ssib informazzjoni, kuntatti u riżorsi aġġornati li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali Belġjani għal kwistjonijiet relatati mal-COVID: https://www.belgium.be/en

Data tal-post : 22/07/2020 - 15:16
Aġġorna d-data : 24/08/2020 - 18:35