It-traineeships

Institution/Agency: 
Type of contract: 

Il-programm ta’ traineeship tal-Kummissjoni Ewropea huwa miftuħ għall-gradwati tal-università mid-dinja kollha.

It-traineeships huma disponibbli f’firxa wiesgħa ta’ oqsma u joffru ħafna tagħrif dwar il-ħidma tal-UE. Il-kontenut tal-impjieg fil-biċċa l-kbira jiddependi fuq is-servizz fejn tiġi assenjat. Ikunu disponibbli opportunitajiet fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni, ir-riżorsi umani, il-politika ambjentali, il-komunikazzjoni u ħafna aktar.

It-trainees jingħataw l-istess tip ta’ kompiti bħall-gradwati li għadhom kif ġew reklutati. Fil-prattika, dan jista’ jfisser li tkun qed torganizza gruppi ta’ ħidma u laqgħat, tiġbor l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, tipprepara rapporti u twieġeb mistoqsijiet, kif ukoll tipparteċipa f’laqgħat tal-unità u avvenimenti oħra. Se jkun hemm ukoll kompiti aktar speċifiċi għal dipartiment partikolari – l-avukati fil-Kummissjoni se jkunu qed jagħmlu affarijiet differenti mill-ekonomisti fil-Qorti tal-Awdituri jew il-ġeneralisti fil-Parlament.

Min jista’ japplika: jistgħu japplikaw gradwati ta’ kwalunkwe dixxiplina sakemm il-lawrja tkun diġà ngħatat (normalment jista’ jingħata transkritt jekk iċ-ċertifikat ikun għadu ma ngħatax). Iċ-ċittadinanza tal-UE mhix obbligatorja (hu riżervat għadd żgħir ta’ postijiet għal ċittadini li mhumiex tal-UE), iżda ġeneralment trid tkun taf żewġ lingwi tal-UE. L-esperjenza ta’ xogħol u l-edukazzjoni postuniversitarja huma ta’ vantaġġ, iżda normalment mhumiex neċessarji.

Tul: 5 xhur

Bi ħlas: iva. €1,176.83 mill-1 ta’ Marzu 2018 u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

Dati tal-bidu: l-1 ta’ Marzu u l-1 ta’ Ottubru