Skip to main content

Amministraturi u esperti fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju

Għandek esperjenza fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju? Tixtieq tibda karriera internazzjonali fi ħdan tim multikulturali u varjat? Jekk iva, kompli aqra.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex amministraturi (AD 7) u esperti (AD 9) fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju. Il-professjonisti reklutati se jaħdmu prinċipalment fid-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DĠ DEFIS) tal-Kummissjoni Ewropea.

Aħna noffru opportunitajiet lill-kandidati li huma adattati għal kwalunkwe wieħed mill-profili ta’ hawn taħt. Jekk jogħġbok innota li tista’ tapplika biss għal qasam wieħed u għal grad wieħed fil-qasam magħżul.

  • Qasam 1 – Industrija tad-difiża

Amministraturi (AD 7): Il-kompiti ewlenin tiegħek se jinkludu l-abbozzar u l-monitoraġġ tal-politika tas-suq intern tad-difiża u tal-industrija tad-difiża tal-UE, il-ħidma fuq l-istabbiliment ta’ prijoritajiet ta’ finanzjament għall-programmi Ewropej tad-difiża, il-monitoraġġ u l-analiżi tat-teknoloġija u x-xejriet tas-suq għad-difiża, id-disinn u l-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ appoġġ għall-intraprenditorija u l-industrija tal-UE relatati mad-difiża.

Esperti (AD 9): Minbarra l-kompiti msemmija hawn fuq, l-esperti se jinnegozjaw u jimmonitorjaw ukoll ftehimiet legali u amministrattivi kumplessi, jikkoordinaw u jissorveljaw it-timijiet u jirrappreżentaw lill-Kummissjoni f’diskussjonijiet u negozjati mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fis-settur tad-difiża.

  • Qasam 2 - Spazju

Amministraturi (AD 7): Il-kompiti ewlenin tiegħek se jinkludu l-kontribut għall-iżvilupp tal-politika spazjali tal-UE u għall-implimentazzjoni tal-Programm Spazjali tal-UE u programmi futuri relatati mal-ispazju, is-superviżjoni tal-attivitajiet tal-Programm Spazjali, id-disinn u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet ta’ appoġġ għall-intraprenditorija u l-industrija tal-UE relatati mal-ispazju, l-iżvilupp u l-monitoraġġ ta’ azzjonijiet biex jissaħħu s-sinerġiji tal-politika u tal-Programm spazjali tal-UE ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

Esperti (AD 9): Minbarra l-kompiti msemmija hawn fuq, se tinnegozja u timmonitorja wkoll ftehimiet legali u amministrattivi kumplessi fil-qasam tal-ispazju u tikkoordina u tissorvelja t-timijiet.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex iwasslu benefiċċju lill-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal jagħmel minn kollox biex japplika opportunitajiet, trattament u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

 

Għandek dak li hu meħtieġ?

Biex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE, ikollok għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UEu għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż. Se jkollok bżonn tissodisfa wkoll il-kriterji li ġejjin li jvarjaw skont l-oqsma differenti:

  • Amministraturi (AD7): Qasam 1/Qasam 2: Irid ikollok lawrja universitarja ta’ mill-inqas 4 snin segwita minn tal-inqas 6 snin esperjenza professjonali rilevanti - jew lawrja universitarja ta’ mill-inqas 3 snin segwita minn minimu ta’ 7 snin esperjenza professjonali rilevanti.
  • Esperti (AD 9): Qasam 1/Qasam 2: Irid ikollok lawrja universitarja ta’ mill-inqas 4 snin segwita minn tal-inqas 10 snin esperjenza professjonali rilevanti - jew lawrja universitarja ta’ mill-inqas 3 snin segwita minn minimu ta’ 11-il sena esperjenza professjonali rilevanti.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġni tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fis-16 ta’ Ġunju 2022.