Skip to main content

Kapijiet tal-amministrazzjoni fid-Delegazzjonijiet tal-UE

Int professjonist b’talent, interessat li ssegwi karriera internazzjonali bħala Kap tal-amministrazzjoni f’Delegazzjoni tal-UE?

L-UE qed tfittex Kapijiet tal-amministrazzjoni (grad AST 4). Il-professjonisti reklutati se jaħdmu fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Il-Kapijiet tal-amministrazzjoni jassistu lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fit-twettiq tal-mandat tagħhom fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tad-Delegazzjoni - il-ġestjoni ta’ baġit amministrattiv u tar-riżorsi umani, is-sorveljanza tal-loġistika, il-provvisti u s-servizzi, kif ukoll is-sikurezza u s-sigurtà tal-istaff u l-assi, fost l-oħrajn. Flimkien mal-Kap tad-Delegazzjoni, se tkun responsabbli għall-implimentazzjoni amministrattiva u finanzjarja ġenerali tal-baġit tad-Delegazzjoni u se tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tad-Delegazzjoni.

L-istaff kollu tas-SEAE għandu jservi perjodikament fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Matul il-karriera tagħhom, l-uffiċjali tas-SEAE se jalternaw bejn reġjuni ġeografiċi u kwartieri ġenerali u/jew funzjonijiet ta’ impjieg differenti. Xi Delegazzjonijiet jinsabu f’pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ sigurtà jistgħu jkunu diffiċli.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ t-tagħlim, ittejjeb il-ħiliet u tiżviluppa l-karriera tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex iwasslu benefiċċju lill-ħajja ta’ madwar 450 miljun ċittadin tal-UE u lil hinn.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE. L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jagħmel ħiltu biex japplika trattament ta’ opportunitajiet indaqs u aċċess għall-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

Għandek dak li hu meħtieġ?

Jekk int ċittadin tal-UE u taf tal-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE: għarfien profond ta’ waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż, allura int dik il-persuna li qed infittxu.

Barra minn hekk, irid ikollok: jew livell ta’ edukazzjoni postsekondarja ta’ mill-anqas sentejn attestat b’diploma fl-oqsma li ġejjin: il-liġi, l-amministrazzjoni tan-negozju, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-finanzi, il-kontabbiltà, il-loġistika, il-ġestjoni tal-bini, jew l-inġinerija, segwiti minn mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti, jew livell ta’ edukazzjoni sekondarja attestat b’diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, segwita minn mill-anqas disa’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu tal-applikazzjoni jiftaħ fl-14 ta’ Lulju 2022.