- Qabel tibda l-applikazzjoni tiegħek, ara li d-dettalji kollha fil-profil tal-EPSO tiegħek huma aġġornati.
- Trid taqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni/ is-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess u r-Regoli ġenerali li jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Miftuħa/ ir-Regoli Ġenerali li jirregolaw is-Selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali biex tiżgura li tissodisfa r-rekwiżit kollha tal-eliġibbiltà
- Issib il-link biex tapplika fis-sit web EU Careers ladarba jiftaħ il-perjodu ta’ reġistrazzjoni.
- Ħu l-ħin tiegħek biex timla l-applikazzjoni tiegħek, peress li teħtieġ xogħol konsiderevoli. Ir-responsabbiltà biex tivvalida l-applikazzjoni qabel l-iskadenza hija tiegħek biss.
- Qabel tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, iċċekkja l-kontenut tal-applikazzjoni tab tab peress li ladarba tivvalidaha l-applikazzjoni ma tkunx tista’ tiġi modifikata aktar.
- Trid timla l-applikazzjoni tiegħek bil-lingwa speċifikata fl-Avviż / fis-Sejħa.
- Xi formoli ta’ applikazzjoni bħalissa huma disponibbli biss bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Irreferi għal din it-tabella biex issib il-labels/komponenti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
- Indika kwalunkwe arranġament speċjali meħtieġ biex tkun tista’ tagħmel it-testijiet. L-informazzjoni hija disponibbli wkoll fis-sit web tal-EPSO. Ikkuntattjana minnufih jekk ikollok bżonn l-għajnuna bl-applikazzjoni online tiegħek.
- Għandek biss tikkopja/tippejstja minn text file (.txt) pur, billi tuża proċessur sempliċi tal-kliem (eż. NotePad fuq il-Windows, TextEdit fuq il-Mac OS X) sabiex tevita li tinserixxi spazji mhux neċessarji jew karattri inkompatibbli.
- Evita li tuża l-buttuni “forward” jew “back” tal-browser int u timla l-formola ta’ applikazzjoni u meta tiċċaqlaq bejn forom ta’ applikazzjoni differenti fil-profil tal-EPSO tiegħek (pereżempju biex taċċessa d-data mill-applikazzjonijiet preċedenti tiegħek) iżda minflok uża l-buttuni fuq l-iskrin.
- Is-sistemi tal-EPSO jappoġġjaw il-browsers tal-Internet l-aktar komuni. Jekk tiltaqa’ ma’ xi problema, jekk jogħġbok ikkunsidra li l-ewwel tibdel il-browser qabel ma tikkuntattjana. L-użu tat-tagħmir mobbli biex timla l-formola ta’ applikazzjoni mhux rakkomandat.
- Hekk kif tibda l-applikazzjoni tiegħek, se tirċievi numru tal-applikazzjoni. Dejjem semmi dan in-numru fil-korrispondenza tiegħek mal-EPSO.
- Il-kandidati se jiġu mistiedna fi stadju aktar tard tal-proċedura ta’ selezzjoni (normalment flimkien mal-istedina għaċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni) biex japplowdjaw dokumenti li jappoġġjaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom fil-formola tal-applikazzjoni.
- Il-mistoqsijiet mibgħuta lis-Servizz ta’ Kuntatt tal-Kandidati tal-EPSO matul l-aħħar jiem tal-perjodu tal-applikazzjoni għandu mnejn ma jitweġbux qabel l-iskadenza għall-applikazzjonijiet.
X’inhuma l-istruzzjonijiet ewlenin biex napplika għal proċedura ta’ selezzjoni tal-EPSO?
Kif se tiġi ttrattata d-<i>data</i> personali tiegħi?
L-istqarrija tal-privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.
Meta joħolqu profil tal-EPSO, il-kandidati jaqblu li jirrispettaw ir-regola dwar il-profili tal-EPSO (ħolqien ta’ profil tal-EPSO wieħed).
Għandi nindika l-kwalifiki/id-diplomi kollha tiegħi fil-formola tal-applikazzjoni tiegħi?
Iva, huwa obbligatorju li int isemmi d-diplomi/il-kwalifiki kollha tiegħek.
Il-punt 1 tad-“dikjarazzjoni” fl-applikazzjoni tiegħek jistqarr: “Niddikjara fuq l-unur tiegħi li l-informazzjoni mogħtija f’din l-applikazzjoni hi vera u kompleta.” Nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni jista’ jeskludik mill-proċedura tal-għażla.
Kif nista’ nagħti l-permess tiegħi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tiegħi biex joffruli l-assistenza fit-tħejjija tal-proċess tal-għażla u tar-reklutaġġ?
Il-kandidati fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO jistgħu jagħżlu li d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jiġu żvelati lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom, biex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkuntattjawhom b’offerti ta’ appoġġ u assistenza għall-proċess tal-għażla u tar-reklutaġġ (bħal taħriġ, sessjonijiet ta’ informazzjoni, pubblikazzjonijiet, eċċ.).
Il-kandidati jagħmlu din l-għażla meta japplikaw għal kompetizzjoni, billi jindikaw il-qbil jew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom fit-taqsima rilevanti tal-formola tal-applikazzjoni elettronika tagħhom. Dan il-qbil jew in-nuqqas ta’ qbil huwa validu biss għall-kompetizzjoni li jkun ġie mmarkat għaliha, u għalhekk jeħtieġ li jiġi indikat kull darba li tiġi introdotta applikazzjoni ġdida.
Meta twieġeb “Iva” għall-mistoqsija rilevanti fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, inti tagħti l-kunsens bla ekwivoku tiegħek lill-EPSO biex jittrażmetti ismek u kunjomok, l-indirizz tal-email, u r-referenza tal-kompetizzjoni li qed tapplika għaliha, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE li int ċittadin tiegħu. L-għan ta’ din it-trażmissjoni tad-data huwa li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek jikkuntattjawk bil-għan li joffru assistenza fil-proċess tal-għażla u r-reklutaġġ fil-kuntest tal-kompetizzjoni li qed tapplika għaliha.
It-trażmissjoni tad-data personali tiegħek hi regolata bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 9.
Meta twieġeb “Iva” għall-mistoqsija rilevanti fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, inti tagħti kunsens ċar ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-UE li int ċittadin tiegħu jipproċessaw id-data personali msemmija hawn fuq, bil-għan li joffrulek l-assistenza fil-proċess tal-għażla u r-reklutaġġ fil-kuntest tal-kompetizzjoni li qed tapplika għaliha. L-awtoritajiet nazzjonali tiegħek huma awtorizzati jipproċessaw id-data tiegħek sakemm int parteċipant fil-kompetizzjoni kkonċernata, jew sakemm tagħlaq il-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni jekk ismek ikun inkluż fiha, jew sakemm tirtira l-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data tiegħek.
L-ipproċessar ta-data personali tiegħek hu regolat bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).
Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin, billi tagħmel talba bil-miktub għal dan lill-Istat Membru tiegħek. Madankollu, jekk jogħġbok innota li jekk tiddeċiedi li tirtira l-kunsens tiegħek wara li d-data tiegħek tkun diġà ntbagħtet mill-EPSO lill-Istat Membru tiegħek, dan jipprevjeni biss lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek milli jipproċessaw aktar id-data tiegħek, iżda ma jaffettwax il-legalità tal-ipproċessar tad-data tal-passat abbażi tal-kunsens tiegħek li seħħ qabel l-irtirar tiegħu.
Il-kunsens tiegħek għall-EPSO biex jittrażmetti d-data personali tiegħek lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek ma jimplika l-ebda obbligu għalik biex taċċetta kwalunkwe offerta ta’ assistenza li dawk l-awtoritajiet jistgħu joffrulek.
Il-kunsens tiegħek għall-EPSO biex jittrasmetti d-data personali tiegħek lill-awtoritajiet nazzjonali tiegħek ma jimplika l-ebda obbligu għal dawk l-awtoritajiet li jikkuntattjawk, jew li joffru assistenza; dan huwa kompletament fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru tal-UE li int ċittadin tiegħu.
Kif nimla l-mistoqsijiet tal-evalwatur tal-kapaċitajiet?
Għal kull mistoqsija, trid twieġeb billi tikklikkja “iva” jew “le”.
Jekk twieġeb iva, għandek twieġeb sottomistoqsija.
Jekk twieġeb le, jekk jogħġbok mur għall-mistoqsija li jmiss.
X’tip ta’ mistoqsijiet nista’ nistenna li nsib fl-evalwatur tal-kapaċitajiet?
Issir enfasi fuq l-elementi differenti tal-esperjenza u l-kwalifiki professjonali, li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali tar-reklutaġġ tal-istituzzjonijiet.
B’mod ġenerali, se tintalab tiddeskrivi l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenza professjonali tiegħek rilevanti għall-mistoqsija. Tista’ tintalab informazzjoni bħall-isem tal-impjegaturi, id-deskrizzjoni tal-impjiegi, id-dati tal-bidu u tat-tmiem, il-persentaġġ tal-ħin li qattajt fuq kompitu partikulari, eċċ.
Kemm kandidati se jgħaddu mill-Evalwatur tal-Kapaċitajiet għall-istadju li jmiss?
Jekk jogħġbok ikkonsulta l-Avviż tal-Kompetizzjoni sabiex tara kemm kandidati se jiġu mistiedna għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjoni. Madankollu l-massimu hu spiss 3 darbiet in-numru tal-kandidati li rnexxew.
Kemm hu importanti l-punteġġ tiegħi?
Biex tikkwalifika għall-istadju li jmiss jeħtieġlek takkwista punteġġ għoli biżżejjed biex tkun fost il-kandidati fil-quċċata tal-klassifika.
Kif jiddeċiedi l-bord ta’ selezzjoni dwar kemm il-punt jagħti lil kull tweġiba fl-evalwatur tal-kapaċitajiet?
Il-bord ta’ selezzjoni adotta kriterji ta’ evalwazzjoni oġġettivi qabel is-selezzjoni u skont l-avviż tal-kompetizzjoni.
Għalhekk il-punteġġ jirrifletti l-ġudizzju tal-bord ta’ selezzjoni dwar kemm l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tiegħek issodisfat b’mod tajjeb il-kriterji fil-karta ta’ evalwazzjoni.
Il-bord tas-selezzjoni se jara l-applikazzjoni sħiħa tiegħi waqt li jirreġistra l-punteġġ tal-Evalwatur tal-Kapaċitajiet?
Le, is-selezzjoni abbażi ta’ kwalifiki hi bbażata BISS fuq it-tweġibiet li int ipprovdejt fit-tab tal-Evalwatur tal-Kapaċitajiet.
Il-bord tas-selezzjoni mhux se jirreferi għal informazzjoni pprovduta xi mkien ieħor fl-applikazzjoni tiegħek.
Kif inhu garantit trattament ugwali?
Kriterji ta’ evalwazzjoni oġġettivi huma adottati qabel is-selezzjoni, skont l-avviż tal-kompetizzjoni, u huma applikati b’mod rigoruż għall-kandidati kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali.
Min jiġi mistieden għall-istadju li jmiss?
Billi sett ta’ numru ta’ kandidati biss jistgħu jgħaddu għall-istadju li jmiss, huma mistednin biss dawk bl-ogħla punteġġi. Dawn il-kandidati għandhom punteġġ ugwali jew ogħla mil-livell limitu.
Lista ta’ kandidati li kellhom suċċess tiġi ppreżentata mill-Bord tas-Selezzjoni f’ordni dixxendenti tal-punteġġ totali miksub.
Kif inhu definit “il-livell limitu”?
Sabiex jiġi definit il-livell minimu, il-punteġġi tal-kandidati huma klassifikati f’ordni dixxendenti. Imbagħad il-bord jagħżel il-kandidati fil-kategorija għolja li jistgħu jiġu mistednin għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjoni (ara l-mistoqsija: “kemm se jmorru kandidati mill-Evalwatur tal-Kapaċitajiet għall-istadju li jmiss”). Il-livell minimu hu l-punteġġ tal-aħħar kandidat fil-lista.
Liema dettall jeħtieġli nipprovdi fl-evalwatur tal-kapaċitajiet u kemm ħin hu meħtieġ biex jimtela?
Warrab ftit tal-ħin biex tiżgura li fl-Evalwatur tal-Kapaċitajiet tipprovdi lill-bord tas-selezzjoni bl-informazzjoni kollha li se jeħtieġ biex jivvaluta t-tweġibiet tiegħek. Agħmilha ċara għall-bord tas-selezzjoni sabiex ikun jista’ jivvaluta jekk int tissodisfax il-kriterji speċifikati għall-profil mixtieq. Bis-saħħa tal-istrutturar tat-tweġibiet tiegħek madwar dawn il-kriterji, se tagħmel l-Evalwatur tal-Kapaċitajiet tiegħek aktar rilevanti u eħfef għall-evalwazzjoni.
Agħti attenzjoni partikulari lil dak li hu mitlub u wieġeb b’mod xieraq. Ġeneralment se tkun mitlub li tiddeskrivi l-aspetti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenza professjonali tiegħek pertinenti għall-mistoqsija. Tista’ tintalab informazzjoni ta’ din ix-xorta bħall-isem ta’ impjegaturi, id-deskrizzjonijiet tal-impjiegi, id-dati tal-bidu u tat-tmiem, il-perċentwali ta’ ħin mgħoddi fuq kompitu partikulari, eċċ.
Il-Bord se jagħti punti abbażi tar-rilevanza, it-tul ta’ żmien, il-livell ta’ kompiti u ta’ responsabbiltajiet speċifikati fit-tab tal-Evalwatur tal-Kapaċitajiet tal-applikazzjoni online tiegħek.
Kif inhuma ssettjati l-kriterji tal-Evalwatur tal-Kapaċitajiet?
L-għażla tal-kriterji ta’ selezzjoni hi definita abbażi tal-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi li jridu jimtlew u l-interessi tas-servizz li qed jirrekluta.
Imbagħad il-kriterji ta’ selezzjoni jiġu ppreżentati fl-Evalwatur tal-Kapaċitajiet bħala sensiela ta’ mistoqsijiet.
Xi jfisser il-“piż” tal-kriterji tal-evalwatur tal-kapaċitajiet?
Il-bord tas-selezzjoni se jassenja lil kull kriterju jew mistoqsija tas-selezzjoni piż li jirrifletti l-importanza tagħhom, minn 1 sa 3.
Kif jaħdem il-punteġġ tal-evalwatur tal-kapaċitajiet?
Kull waħda mit-tweġibiet tal-kandidat se tingħata bejn 0 u 4 punti.
Il-punti huma multiplikati bil-“piż” u jingħaddu biex jingħata punteġġ. Il-punteġġ jiġi kklassifikat skont il-punteġġi tal-kandidati l-oħrajn biex jiġu identifikati l-profili tal-kandidati li jissodisfaw bl-aħjar mod id-doveri li għandhom jitwettqu.
X’inhu l-“Evalwatur tal-Kapaċitajiet” u kif jaħdem?
L-Evalwatur tal-Kapaċitajiet hu ddisinjat biex jgħin lill-bordijiet tas-selezzjoni ta’ kompetizzjonijiet għall-profili ta’ speċjalisti jidentifikaw il-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aktar mad-doveri u l-kriterji tas-selezzjoni stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni.
Se jkollok twieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet fit-taqsima tal-evalwatur tal-kapaċitajiet tal-formola ta’ applikazzjoni online. Il-mistoqsijiet huma bbażati fuq il-kriterji tas-selezzjoni fl-avviż tal-kompetizzjoni u t-tweġibiet tiegħek se jiġu evalwati mill-bord tas-selezzjoni.
Il-kandidati kollha f’kompetizzjoni jwieġbu l-istess sett ta’ mistoqsijiet. B’dan il-mod, il-bord tas-selezzjoni hu ppreżentat bit-tweġibiet ta’ kull kandidat fl-istess qafas strutturat li jgħinu jwettaq evalwazzjoni oġġettiva bir-reqqa tal-meriti komparattivi tal-kandidati kollha.
Il-bord tas-selezzjoni jiżgura din l-evalwazzjoni oġġettiva billi jintużaw kriterji ta’ evalwazzjoni prestabbiliti għall-kandidati kollha fl-istess qasam tal-kompetizzjoni.
Ma nistax noħloq, naċċessa u/jew ninnaviga fil-profil tal-EPSO tiegħi bl-għodda ta’ assistenza teknika li nuża minħabba d-diżabilità tiegħi. X’għandi nagħmel?
L-aċċessibilità hi importanti ħafna għall-EPSO. Aħna naħdmu b’mod kontinwu biex intejbu l-aċċessibilità tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni u selezzjoni tagħna.
Madankollu, jekk tiltaqa’ ma’ diffikultajiet marbuta mal-aċċessibilità fil-profil tal-EPSO tiegħek jew fis-sit web tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih biex taqsam l-osservazzjonijiet, il-problemi u r-rakkomandazzjonijiet tiegħek.
Għal aktar informazzjoni dwar il-ħidma tal-EPSO biex titjieb l-aċċessibilità, jekk jogħġbok żur is-sit web tagħna iddedikat għall-opportunitajiet indaqs.
Qed niltaqa’ ma’ problemi fil-formola ta’ applikazzjoni tiegħi. X’għandi nagħmel?
Is-sistemi tal-EPSO jappoġġjaw il-browsers tal-Internet bl-aktar użu komuni. Jekk tiltaqa’ ma’ kwistjonijiet, jekk jogħġbok ikkunsidra li l-ewwel tibdel il-browser qabel ma tikkuntattjana. L-użu tat-tagħmir mobbli biex timla l-formola ta’ applikazzjoni mhux rakkomandat.
Evita li tuża l-buttuni “forward” jew “back” tal-browser int u timla l-formola ta’ applikazzjoni u meta tiċċaqlaq bejn forom ta’ applikazzjoni differenti fil-kont tal-EPSO tiegħek (pereżempju biex taċċessa d-dejta mill-applikazzjonijiet preċedenti tiegħek) iżda minflok uża l-buttuni fuq l-iskrin (Lura għall-kont).
Għandek biss tikkopja/tippejstja minn text fajl (.txt) pur, billi tuża proċessur sempliċi tal-kliem (p.e. NotePad on Windows, TextEdit on Mac OS X) sabiex tevita li tinserixxi spazji mhux neċessarji jew karattri inkompatibbli.
Jekk ma tistax tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja t-tab “Ħarsa Ġenerali” tal-applikazzjoni tiegħek. L-informazzjoni li tidher bl-aħmar hija nieqsa jew inkella żbaljata.
F’każ ta’ problemi persistenti, għandek tikkuntattja lis-Servizz ta’ Kuntatt tal-Kandidati tal-EPSO immedjatament u fi kwalunkwe każ ferm qabel l-iskadenza peress li ma nistgħux niggarantixxu tweġiba jekk il-mistoqsija tiegħek tintbagħat anqas minn 5 ijiem qabel l-iskadenza. Jekk jogħġbok innota li l-applikazzjonijiet li ma jintbagħtux sad-data ta’ skadenza ma jistgħux jitqiesu.
Fejn nista’ nsib il-formola ta’ applikazzjoni?
Trid tapplika permezz tas-sit web dwar il-Karrieri tal-UE.
Jekk jogħġbok oħroġ mill-Profil tal-EPSO tiegħek qabel ma tikklikkja “Applika”. Se tintalab terġa’ tilloggja fil-paġna li jmiss.
Nista’ nuża l-applikazzjoni tiegħi mill-bażi ta' dejta tas-CV onlajn tal-UE jew applikazzjonijiet tal-EPSO preċedenti tiegħi?
Le. Trid toħloq u tibgħat applikazzjoni ġdida permezz tal-profil tiegħek tal-EPSO għal kull proċedura ta' selezzjoni li tixtieq tapplika għaliha.
Nista’ napplika għal diversi proċessi ta' selezzjoni, profili u/jew gruppi ta’ funzjoni?
Iva, tista’ tapplika għal kwalunkwe proċess ta' selezzjoni li int eliġibbli għalih, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-Avviż/fis-Sejħa. Jekk jogħġbok innota li tista’ tissottometti applikazzjoni waħda għal kull profil u/jew grupp ta’ funzjoni.
Meta hija l-iskadenza għar-reġistrazzjoni?
L-iskadenza għar-reġistrazzjoni se tkun iddikjarata b’mod ċar fuq kull Avviż/Sejħa u fis-sit web tal-EPSO.
Għandi nibgħat id-diplomi tiegħi u dokumenti oħrajn relatati mal-esperjenza professjonali tiegħi?
M’hemm bżonn tibgħat ebda dokument ta’ sostenn meta tissottometti l-applikazzjoni tiegħek.
Int se tintalab tipprovdi kopji tad-dokumenti, id-diplomi u ċ-ċertifikati ta' sostenn tiegħek li jikkonfermaw l-eliġibbiltà tiegħek fi stadju aktar tard tal-proċedura ta' selezzjoni.
Kif nista’ napplika?
Applika online għal waħda mill-proċeduri ta’ selezzjoni ppubblikati fis-sit web tal-EPSO. Irid ikollok profil tal-EPSO biex tkun tista’ tapplika. L-applikazzjonijiet spontanji ma jistgħux jitqiesu.