Jekk il-Bord tas-Selezzjoni jaċċettak mill-ġdid wara li tkun saret ir-reviżjoni, inti tidħol mill-ġdid fil-proċess fl-istadju fejn tkun ġejt eskluż, irrispettivament minn fejn tkun waslet sadattant il-kompetizzjoni.
X’jiġri jekk niġi aċċettat mill-ġdid wara r-reviżjoni iżda l-kompetizzjoni tkun diġà għaddiet għall-pass li jmiss?
Issottomettejt talba għal reviżjoni u ma rċevejtx tweġiba, jeħtieġli nibgħat tfakkira?
Jekk irċevejt konferma tar-riċevuta wara li tkun bgħatt l-ilment inizjali tiegħek, ma għandekx tibgħat tfakkira sakemm ma jkunx għadda tul ta’ żmien sinifikanti minn mindu ktibt.
It-tweġibiet għal reviżjoni jistgħu jieħdu diversi ġimgħat biex jitħejjew. Il-Bord tas-Selezzjoni għandu jiltaqa’ biex jiddeċiedi, u hu biss wara li jsir dan li t-tweġibiet ikunu ppreparati u mibgħutin.
Jiena għandi diżabbiltà u kelli l-problemi biex naċċessa l-profil tal-EPSO u/jew matul il-proċedura ta’ selezzjoni tiegħi. Lil min għandi nikkuntattja biex naqsam l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħi?
L-aċċessibbiltà hi importanti ħafna għall-EPSO. Aħna naħdmu b’mod kontinwu biex intejbu l-aċċessibbiltà tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni u selezzjoni tagħna.
Madankollu, jekk tiltaqa’ ma’ diffikultajiet marbuta mal-aċċessibbiltà fil-profil tal-EPSO tiegħek jew fis-sit web tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana biex taqsam l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħek.
Il-feedback tiegħek hu essenzjali għalina. Dan jgħinna ntejbu s-servizzi tagħna billi nagħmluhom aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Tista’ ssir taf aktar dwar il-ħidma tal-EPSO biex ittejjeb l-aċċessibbiltà fuq il-paġna web tagħna dwar l-opportunitajiet indaqs.
X’għandi nagħmel jekk inħoss li ġejt ittrattat b’mod inġust matul il-kompetizzjoni minħabba d-differenza/i tiegħi?
L-EPSO jagħti importanza kbira lill-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni, u jagħmel kull sforz sabiex jirrispetta l-opportunitajiet indaqs, it-trattament ugwali u l-aċċess ugwali għall-applikanti kollha tiegħu.
Jekk tħoss li ġejt ittrattat b’mod inġust jew diskriminatorju, minħabba waħda mill-karatteristiċi li ġejjin jew aktar: is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih biex taqsam l-osservazzjonijiet u l-emozzjonijiet tiegħek.
Aħna nagħtu attenzjoni kbira lill-feedback mingħand l-applikanti, li huma fil-qalba tal-politiki u l-prassi tagħna dwar l-immaniġjar tal-ugwaljanza, tad-diversità u tal-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni dwar kif nipprattikaw dawn il-politiki, jekk jogħġbok ara l-paġna web tagħna ddedikata għall-opportunitajiet indaqs.
Nista’ ningħata kummenti aktar iddettaljati fil-passaport tal-kompetenzi tiegħi?
Il-Passaport hu biss biex jagħti idea ġenerali tas-saħħiet u tad-dgħufijiet għal kull kompetenza. Dan hu pprovdut mill-EPSO għar-raġuni ta’ trasparenza. Madankollu, dan mhux obbligu billi l-komunikazzjoni tal-marki akkwistati għal kull kompetenza jikkostitwixxu ġustifikazzjoni xierqa u suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord.
Nista’ nirċievi l-punteġġ tiegħi għal kull test?
Le. Il-marki jingħataw biss abbażi tal-kompetenzi eżaminati f’testijiet differenti, skont il-passaport tal-kompetenzi tiegħek.
Innutatajt punteġġi diverġenti għall-istess kompetenza mogħtija fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet differenti. Bilfors li sar żball fl-evalwazzjoni
Ma tistax tinvoka r-riżultati miksuba f’kompetizzjoni oħra biex tipprova tisfida deċiżjoni meħuda dwar il-prestazzjoni tiegħek f'test.
Innutajt diskrepanza bejn il-valutazzjonijiet differenti fil-passaport tal-kompetenzi tiegħi. Bilfors li hemm żball.
Kun af li l-valutazzjonijiet kwalitattivi mogħtija fil-passaport tal-kompetenzi huma speċifiċi għal kull eżerċizzju u peress li l-prestazzjoni tal-kandidat għal kompetenza speċifika tista’ tvarja minn eżerċizzju għall-ieħor, dawn il-valutazzjonijiet jistgħu jvarjaw ukoll.
Innutajt diskrepanza bejn il-kummenti għall-intervista bbażata fuq l-għarfien tiegħi u l-punteġġ li ksibt fl-istadju tat-talent screener. Jista’ jkun li sar żball?
It-Talent Screening jagħmel parti mill-fażi ta’ ammissjoni fejn is-selezzjoni titwettaq biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta fit-tab tat-“Talent Screener” tal-formola tal-applikazzjoni filwaqt li intervista bbażata fuq l-għarfien hi intervista strutturata bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta fit-tab tat-“Talent Screener” u maħsuba biex tevalwa l-kompetenzi speċifiċi tiegħek. Peress li l-punteġġ tiegħek seta’ jvarja skont il-prestazzjoni tiegħek, punteġġ għoli fit-Talent Screener mhux bilfors iwassal għal punteġġ għoli fl-intervista strutturata.