Il-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni tal-aġenti kuntrattwali (CAST/P) ma jistgħux jillinkjaw dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni(jiet) CAST/P tagħhom. Il-kandidati se jintalbu jipprovdu d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom lis-servizzi ta’ reklutaġġ, b’mod ġenerali fl-istadju tal-intervista.
Għaliex ma nistax napplowdja d-dokumenti ta’ sostenn tal-applikazzjoni CAST/P tiegħi?
Fejn nista’ nsir naf aktar dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-aġenti kuntrattwali?
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fir-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-aktar informazzjoni reċenti dwar is-salarji għall-uffiċjali u l-istaff kuntrattwali (l-aġġornament annwali japplika minn Lulju 2020).
Aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg fil-Kummissjoni Ewropea hi disponibbli wkoll fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.
Għandi diżabbiltà jew kundizzjoni medika li teħtieġ aġġustamenti tat-testijiet tas-selezzjoni għall-proċedura CAST Permanenti. Xi rrid nagħmel?
Int tista’ titlob aġġustamenti speċjali tat-testijiet tas-selezzjoni għall-proċedura tal-CAST Permanenti fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek billi timmarka l-kaxxa “rekwiżiti speċjali”. Se jkollok bżonn ukoll timla formola ta’ informazzjoni dettaljata dwar il-ħtiġijiet speċjali tiegħek u tibgħatilna d-dokumenti ta’ prova rilevanti.
Jekk tingħata akkomodazzjonijiet raġonevoli għat-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter, int se tiġi infurmat dwar id-dettalji qabel id-data tat-test tiegħek. F’xi każijiet, id-definizzjoni u l-organizzazzjoni tal-aġġustamenti neċessarji jistgħu jieħdu xi ftit taż-żmien u għalhekk għandu mnejn tiġi mistieden tagħmel dawn it-testijiet matul il-perjodu tal-ittestjar li jmiss. Jekk dan ikun il-każ ninfurmawk kemm jista’ jkun malajr.
L-EPSO se jiżgura li l-kandidati preselezzjonati (fuq il-lista ristretta) kollha jiġu mistiedna u ttestjati fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.
Jekk jogħġbok innota li testijiet oħra bħal intervisti huma organizzati direttament mis-servizzi tar-reklutaġġ. Jekk ikollok bżonn aġġustamenti speċjali fl-istadju tat-testijiet tar-reklutaġġ, jekk jogħġbok informa lil min hu inkarigat mir-reklutaġġ hekk kif tirċievi stedina għat-testijiet ta’ reklutaġġ. Jekk jogħġbok innota li l-EPSO mhu se jaqsam ebda informazzjoni rigward il-kundizzjoni u l-ħtiġijiet speċjali tiegħek ma’ min hu inkarigat mir-reklutaġġ.
Nista’ noħloq aktar minn applikazzjoni waħda għall-profil tat-tradutturi “CAST Permanenti”?
Le. Il-ħolqien ta’ aktar minn applikazzjoni waħda għall-istess profil, inkluż b’lingwi mira differenti mhux permess.
Tista’ tiddikjara l-lingwi kollha tiegħek taħt “Ħiliet lingwistiċi” fil-formola tal-applikazzjoni jekk għandek għarfien ta’ aktar minn żewġ lingwi uffiċjali. Dan se jippermetti lis-servizzi ta’ reklutaġġ biex isibu l-applikazzjoni tiegħek skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Kif se jiġi ttestjat l-għarfien tal-lingwi tiegħi għall-profil ta’ tradutturi “CAST Permanenti”?
It-testijiet tal-EPSO jivvalutaw biss l-għarfien tal-lingwi tiegħek kif ġej:
- Il-lingwa 1 tiegħek (L1), li tista’ tkun kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE, se tiġi ttestjata permezz ta’ testijiet ta’ raġunament verbali, numeriku u astratt f’forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla. L-għarfien tiegħek tal-L1 għandu jkun mill-inqas fil-livell C1 (utent profiċjenti).
- Il-lingwa 2 tiegħek (L2), li tista’ tintgħażel minn fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, iżda trid tkun differenti mill-L1, tiġi ttestjata permezz ta’ test ta’ komprensjoni tal-lingwa f’forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla. L-għarfien tiegħek tal-L2 għandu jkun mill-inqas fil-livell B2 (utent indipendenti).
Aktar informazzjoni dwar it-testijiet ta’ hawn fuq hija ppubblikata fil-paġna tat-testijiet kampjuni tagħna.
Is-servizzi ta’ reklutaġġ jistgħu jorganizzaw testijiet addizzjonali, bħal testijiet ta’ traduzzjoni.
Kif nista’ niskeda mill-ġdid it-testijiet tiegħi tal-CAST/Permanenti bbażati fuq il-kompjuter?
Matul il-perjodi tal-ibbukkjar u tal-ittestjar inti tista’ tbiddel l-appuntament tiegħek għat-test b’mistoqsijiet b'għażla multipla, skont id-disponibbiltà u l-kundizzjonijiet li ġejjin:
- l-ewwel trid tistenna sakemm il-konferma tal-ibbukkjar oriġinali tiġi applowdjata fil-kont tal-EPSO tiegħek (normalment fi żmien 24 siegħa wara l-ibbukkjar) peress li li jkun fiha l-link, in-numru ta’ konferma u l-kodiċi li trid tuża biex tiskeda l-appuntament mill-ġdid;
- inti tista’ tbiddel l-appuntament tat-test tiegħek sa ġurnata qabel;
- tista’ tagħżel biss appuntament ġdid fl-istess perjodu tal-ittestjar u mill-appuntamenti li jidhru fis-sistema;
- għandek il-possibbiltà li tbiddel il-post taċ-ċentru tat-testijiet (skont id-disponibbiltà);
- trid timla l-proċedura tal-ibbukkjar mill-ġdid tal-ħin sal-aħħar skrin u fin-nuqqas ta’ dan jibqa' validu l-appuntament oriġinali tiegħek;
- trid tistampa u tieħu miegħek il-konferma tal-ibbukkjar aġġornata fiċ-ċentru tal-ittestjar.
Jekk jogħġbok ikkonsulta l-link li ġejja għall-istampi tal-iskrin li juruk il-proċedura tal-iskedar mil-ġdid.
Ċirkostanzi eċċezzjonali
F’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal fil-każ ta’ mard serju, twelid ta’ tarbija, mewt ta’ konjuġi, tifel/tifla, ġenitur jew aħwa, l-EPSO jista’ jawtorizza skedar mill-ġdid, skont id-disponibbiltà.
Għandek tikkuntattja lill-EPSO mingħajr dewmien, u tindika n-numru tal-kandidat tiegħek u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti kollha, pereżempju ċertifikat mediku, li għandu jkopri b’mod obbligatorju d-data tal-appuntament.
Ma tistax titlob skedar mill-ġdid (inkluż f’ċirkostanzi eċċezzjonali) minn perjodu tal-ittestjar għal ieħor. Inti tkun tista’ tiġi mistieden mill-ġdid biex tibbukkja f’perjodu ieħor tal-ittestjar jekk terġa’ tiġi preselezzjonat minn xi servizz ta’ reklutaġġ.
Ninfurmawk minnufih hekk kif tkun ittieħdet deċiżjoni; madankollu, jekk jogħġbok innota li se jkunu biss ċirkostanzi eċċezzjonali sostanzjati kif dettaljat hawn fuq li se jiġu kkunsidrati.
Kien hemm problema b’waħda mill-mistoqsijiet b'għażla multipla tiegħi f’test tal-CAST Permanenti, x’nista’ nagħmel?
Jekk ikollok dubju serju dwar il-kontenut ta’ mistoqsija ta’ test jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Servizz ta’ Kuntatt tal-Kandidati tal-EPSO mhux aktar tard minn tlett ijiem kalendarji mit-test tiegħek fejn tispjega b’mod ċar iċ-ċirkostanzi u n-numru tal-kandidat tiegħek (ara l-proċedura fis-Sejħa għal Espressjoni ta' Interess).
Jekk element identifikat ma jkunx konformi mal-kriterji ta’ kwalità tal-EPSO, jiġu applikati dawn il-miżuri korrettivi:
- L-element se jiġi kkoreġġut jew se jitneħħa mill-bażi ta’ data;
- Jistgħu jittieħdu miżuri korrettivi fil-każijiet fejn l-EPSO jsib li kien hemm impatt negattiv fuq il-kandidat.
X’għandi nagħmel jekk ma għadnix interessat li nkun reklutat?
Jekk ma għadekx aktar interessat li tkun ittestjat u/jew reklutat għal profil/grupp ta’ funzjoni speċifiku, tista’ sempliċement tieqaf tikkonferma mill-ġdid l-interess tiegħek permezz tal-kont tal-EPSO tiegħek. Sitt xhur wara l-aħħar konferma ta’ interess jew aġġornament tal-applikazzjoni tiegħek għal dak il-grupp ta’ profil/funzjoni, l-applikazzjoni ssir inviżibbli għal min jirrekluta.
Tkun tista’ terġa’ tattiva l-applikazzjoni tiegħek fi kwalunkwe ħin fil-futur.
X’għandi nagħmel jekk niġi mistieden, iżda ma għadnix aktar interessat li nagħmel it-testijiet?
Jekk ma għadekx interessat li toqgħod għat-testijiet, tista’ sempliċement tagħżel li ma tibbukkjax test.
Jekk diġà bbukkjajt test, għandek tikkanċella l-appuntament online sa 48 siegħa qabel id-data tat-test (permezz tal-link fil-konferma tal-ibbukkjar fil-kont tal-EPSO tiegħek).
Jekk tiddeċiedi li ma tagħmilx it-testijiet, dan ma jaffettwax l-eliġibbiltà tiegħek u l-applikazzjoni tiegħek ma tiġix imblukkata.
Tista’ tkun preselezzjonat għal test mill-ġdid minn servizzi ta’ reklutaġġ oħrajn fil-futur.
Nista’ nkun preselezzjonat (fil-lista preliminari) għal aktar minn profil u/jew grupp ta’ funzjoni wieħed?
Iva, tista’ tkun preselezzjonat (fil-lista preliminari) għal aktar minn profil u/jew grupp ta’ funzjoni wieħed.
Jekk tkun preselezzjonat aktar minn darba (minn aktar minn min jirrekluta wieħed) għall-istess profil fl-istess grupp ta’ funzjoni, tagħmel it-testijiet darba biss.
Jekk tiġi preselezzjonat għal gruppi differenti ta’ profili/funzjoni, tkun mistieden sabiex tagħmel it-testijiet għal dawn il-gruppi ta’ profili/funzjoni skont l-ordni kif intbagħtu r-rikjesti lill-EPSO mis-servizzi ta’ reklutaġġ.
La min jirrekluta u lanqas il-kandidati jew l-EPSO ma jistgħu jinfluwenzaw l-ordni tar-rikjesti tat-test li jkunu qed jiġu pproċessati.
F’każ li tkun diġà għaddejt mit-testijiet ta’ raġunament, tista’ tiġi mistieden biex tagħmel testijiet ta’ kompetenza* għal profili differenti matul l-istess perjodu tal-ittestjar.
* Il-kandidati għall-profili lingwistiċi (qarrejja tal-provi u tradutturi) jagħmlu test ta’ komprensjoni tal-lingwa minflok test ta’ kompetenza.
Jekk għaddejt mit-test tar-raġunament u ma għaddejtx mit-test tal-kompetenza fl-EPSO/CAST/P1–4/2015, nista’ niġi mistieden biex nagħmel biss it-test tal-kompetenza fil-CAST Permanenti?
Le, jekk għaddejt biss mit-testijiet tar-raġunament fl-EPSO/CAST/P1–4/2015, tiġi mistieden (jekk terġa’ tiġi preselezzjonat) biex tagħmel is-sett sħiħ ta’ testijiet tas-selezzjoni (it-testijiet tar-raġunament u tal-kompetenza) fil-CAST Permanenti (ara aktar informazzjoni dwar din il-proċedura ta’ selezzjoni).
X’tip ta’ kuntratt se niġi offrut?
It-tip ta’ kuntratt jiddependi minn ħafna elementi fosthom mis-servizz ta’ reklutaġġ.
Għal aktar informazzjoni dwar l-arranġamenti kuntrattwali, jekk jogħġbok irreferi għall-Anness III, il-punt 4 tas-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess.
Meta u fejn se nagħmel it-testijiet ta’ selezzjoni għall-CAST Permanenti?
Il-kandidati preselezzjonati (f’lista ta’ riżerva) mis-servizzi ta’ reklutaġġ biss se jiġu mistiedna jagħmlu t-testijiet ta’ selezzjoni.
Jekk tiġi preselezzjonat, tirċievi stedina biex tibbukkja test fil-profil tal-EPSO tiegħek. Din l-istedina normalement tiġi ppubblikata fl-ewwel jum tal-perjodu ta’ bbukkjar fil-kont tal-EPSO tiegħek. Jekk jogħġbok iċċekkja l-profil tal-EPSO tiegħek tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa. Trid tibbukkja u tagħmel it-test tiegħek f'perjodu ta' żmien partikolari.
It-testijiet huma testijiet b’għażla multipla bbażati fuq il-kompjuter. Isiru f’ċentri tat-testijiet fid-dinja kollha.
Lista ta’ ċentri tat-testijiet disponibbli se tkun aċċessibbli fl-istedina tiegħek għall-ibbukkjar u fis-sit web Prometric.
Jekk jogħġbok innota li ma jiġix provdut rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-EPSO.
X’inhu s-salarju tal-bidu għall-aġenti kuntrattwali?
Hawn taħt issib is-salarju bażiku fix-xahar (f’€) għal ġimgħa xogħol ta’ 40 siegħa (applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2020), l-ewwel skala:
Grupp ta’ Funzjoni IV (grad 13-18): 3 555,98 - 6 593,66
Grupp ta’ Funzjoni III (grad 8-12): 2 777,78 - 4 552,18
Grupp ta’ Funzjoni II (grad 4-7): 2 169,66 - 3 142,81
Grupp ta’ Funzjoni I (grad 1-3): 2 088,92 - 2 672,85
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fir-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-aktar informazzjoni reċenti dwar is-salarji għall-uffiċjali u l-persunal bil-kuntratt (aġġornament annwali applikabbli minn Lulju 2020).
Meta se nsir naf min hu interessat fil-profil tiegħi?
Jekk tkun preselezzjonat u tgħaddi mit-testijiet, is-servizzi tar-reklutaġġ interessati fil-profil tiegħek se jikkuntattjawk (permezz tal-indirizz tal-email fil-Kont tal-EPSO tiegħek) u jistednuk għal testijiet tar-reklutaġġ li jinkludu intervista u testijiet opzjonali oħrajn.
L-EPSO ma jipprovdix informazzjoni lill-kandidati dwar liema servizz tar-reklutaġġ huwa interessat fihom fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni.
X’jiġri jekk ngħaddi mit-testijiet ta’ selezzjoni, iżda mhux mit-testijiet tar-reklutaġġ?
Is-servizzi ta’ reklutaġġ jistgħu jistiednu lil diversi kandidati għal intervista (u possibbilment għal testijiet oħrajn) għal kull pożizzjoni battala. Hu f’idejn is-servizzi ta’ reklutaġġ li jipprovdu l-feedback dwar l-eżitu tal-intervista (u testijiet oħrajn jekk applikabbli).
Madankollu, jekk f’dik l-okkażjoni ma tgħaddix, ir-riżultati tat-test ta’ selezzjoni tiegħek se jibqgħu validi (*), mid-data meta jiġu ppubblikati fil-Profil tal-EPSO tiegħek, għal:
- 10 snin (testijiet ta’ raġunament)
- 5 snin (testijiet ta’ kompetenza)
- 5 snin (testijiet tal-komprensjoni tal-lingwa)
Is-servizzi ta’ reklutaġġ jistgħu jerġgħu jippreselezzjonawk (f’lista preliminari) u jistednuk għal intervista (u għal testijiet oħrajn).
Tinsiex taġġorna l-applikazzjoni(jiet) tiegħek tal-inqas kull sitt xhur jekk tixtieq tibqa’ viżibbli għas-servizzi ta’ reklutaġġ.
(*) Dan japplika biss għall-proċeduri CAST/P. Innota li r-riżultati tat-testijiet tiegħek fil-proċedura ta’ selezzjoni CAST/P mhumiex validi għal proċedura ta’ selezzjoni oħrajn.
X’jiġri jekk ma ngħaddix mit-testijiet ta’ selezzjoni?
Jekk ma tgħaddix mit-testijiet ta’ raġunament, it-test ta’ kompetenza* li tkun għamilt fl-istess ħin ma jiġix ikkoreġut.
Jekk tgħaddi mit-testijiet ta’ raġunament, iżda ma tgħaddix mit-test ta’ kompetenza*, ir-riżultati tat-testijiet ta’ raġunament tiegħek se jibqgħu validi.
Barra minn hekk, jekk ma tgħaddix minn test, japplikaw ir-regoli li ġejjin:
- Jekk ma tgħaddix mit-test ta’ raġunament, ma tistax tiġi mistieden għal test ta’ raġunament ieħor għall-istess grupp ta’ funzjoni jew għal wieħed ogħla għas-6 xhur ta’ wara. Madankollu, xorta tista’ tiġi mistieden għal testijiet ta’ raġunament għal gruppi ta’ funzjoni iktar baxxi.
- Jekk ma tgħaddix mit-test ta’ kompetenza*, ma tistax tiġi mistieden għal test ta’ kompetenza* ieħor għas-6 xhur ta’ wara fl-istess profil fl-istess grupp ta’ funzjoni jew f’wieħed ogħla. Madankollu, tista’ tagħmel testijiet ta’ kompetenza* għall-istess profil għal grupp ta’ funzjoni iktar baxx jew għal profil differenti.
Il-perjodu ta’ 6 xhur jibda’ mill-jum meta jiġu ppubblikati r-riżultati fil-Profil tal-EPSO tiegħek.
Jekk jogħġbok innota li s-servizzi ta’ reklutaġġ mhumiex obbligati jistednuk għal test ieħor, wara li jkun għadda l-perjodu ta’ 6 xhur.
*Il-kandidati għal profili lingwistiċi (qarrejja tal-provi u tradutturi) jagħmlu test tal-komprensjoni tal-lingwa minflok test ta’ kompetneza.
X’jiġri jekk ngħaddi mit-testijiet ta’ selezzjoni?
Jekk tgħaddi mit-testijiet ta’ selezzjoni (trid iġġib il-marka minima biex tgħaddi f'kull test kif speċifikat fis-sejħa), tiġi mistieden għal intervista mis-servizz tar-reklutaġġ.
Il-validità tar-riżultati (mid-data meta r-riżultati kienu ppubblikati fil-profil tal-EPSO tiegħek) hija kif ġej:
- testijiet tar-raġunament għal 10 snin
- testijiet tal-kompetenza għal 5 snin
Ir-riżultati huma dejjem validi għall-profil u l-qasam ta’ kompetenza li ġejt ittestjat għalihom kif ukoll għal kwalunkwe grupp ta’ funzjoni inferjuri.
Eżempju: Tgħaddi mit-testijiet ta’ raġunament u tal-kompetenza għall-Profil tal-Liġi FGIV.
Dawn ir-riżultati se jkunu validi għall-Profil tal-Liġi FGIV kif ukoll għal kwalunkwe grupp ta’ funzjoni inferjuri fi ħdan il-profil tal-Liġi, f’dan il-każ FGIII.
Dan ifisser li tista’ tirċievi stediniet għal intervista għal postijiet battala fiż-żewġ gruppi ta’ Funzjoni, III u IV.
Madankollu, jekk tgħaddi mit-testijiet għall-Profil tal-Liġi FGIII, dawn mhux se jkunu validi għal kwalunkwe Grupp ta’ Funzjoni ogħla, f’dan il-każ għal FGIV.
Riżultat aħjar fit-testijiet iżid iċ-ċansijiet li niġi reklutat?
Le. Is-servizzi tar-reklutaġġ jistgħu jaraw biss jekk kandidat ikunx għadda jew le mit-testijiet.
Il-punteġġ tiegħek se jkun viżibbli għalik biss (permezz tal-Profil tal-EPSO tiegħek).
Is-servizzi tar-reklutaġġ m’għandhomx jirrikjedu li tagħtihom prova li għaddejt mit-testijiet tal-EPSO peress li l-informazzjoni neċessarja dwar l-istatus tiegħek hija aċċessibbli għalihom fil-bażi tad-data tal-kandidati.
Għaliex ma ġejtx preselezzjonat (imqiegħed f’lista preliminari) biex nagħmel it-testijiet ta’ selezzjoni?
Il-proċedura ta’ selezzjoni tal-CAST Permanenti tattira numru kbir ta’ applikazzjonijiet. Madankollu, is-servizzi tar-reklutaġġ jippreselezzjonaw u jqiegħdu f’lista preliminari l-kandidati li l-profili tagħhom jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom.
Meta se nirċievi r-riżultati tat-testijiet ta’ selezzjoni tal-EPSO tiegħi?
Se tirċievi r-riżultati tiegħek tat-testijiet ta’ selezzjoni permezz tal-Profil tal-EPSO tiegħek bejn wieħed u ieħor ġimagħtejn wara t-tmiem tal-perjodu tal-ittestjar li matulu tkun għamilt it-test.
Il-perjodi tal-ittestjar jiġu organizzati b’mod regolari matul is-sena. Jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda ta’ żmien disponibbli fuq kull paġna ddedikata tal-profil.
X’tipi ta’ testijiet se jkolli nagħmel wara li niġi preselezzjonat?
Jekk ġejt preselezzjonat minn servizz ta’ reklutaġġ, se tiġi mistieden biex tagħmel żewġ tipi ta’ testijiet ta’ selezzjoni.
L-ewwel nett, se tgħaddi minn sensiela ta’ testijiet b’għażla multipla biex jiġu vvalutati l-aptitudnijiet ġenerali tiegħek fir-raġunament verbali, numeriku u astratt (bil-Lingwa 1 tiegħek).
Imbagħad, se tagħmel test ta’ kompetenza speċifika* għal profil u grupp ta’ funzjoni li tkun applikajt għalih (bil-Lingwa 2 tiegħek).
Jekk diġà għaddejt mit-testijiet ta’ raġunament għall-istess grupp ta’ funzjoni jew għal grupp ta’ funzjonijiet ogħla, iżda mhux it-test tal-kompetenza*, se tiġi mistieden biss biex tagħmel it-test tal-kompetenza*.
L-EPSO ma jorganizzax testijiet ta’ kompetenza għal profili fil-grupp ta’ funzjoni I. Jekk tgħaddi minn testijiet ta’ raġunament għal grupp ta’ funzjoni I, tista’ tiġi mistieden għal test ta’ kompetenza organizzat mis-servizz ta’ reklutaġġ.
Għall-gruppi ta’ funzjonijiet kollha, is-servizz ta’ reklutaġġ jista’ jitolbok tagħmel testijiet li tqis li huma rilevanti għax-xogħol, bħal test ta’ abbozzar, test tas-sewqan, eċċ. L-informazzjoni kollha dwar dawn it-testijiet se tiġi pprovduta mis-servizzi ta’ reklutaġġ.
Jekk jogħġbok agħti wkoll ħarsa lejn it-testijiet kampjun tagħna (“Aġenti Kuntrattwali” – “Test abbażi tal-kompetenza”) għal aktar tagħrif.
*Il-kandidati għal profili lingwistiċi (qarrejja tal-provi u tradutturi) jagħmlu test ta’ komprensjoni tal-lingwa minflok test ta’ kompetenza.
X’jiġri wara li nissottometti l-applikazzjoni tiegħi?
Is-servizzi tar-reklutaġġ ifittxu fil-bażi tad-data tal-kandidati kollha rreġistrati u jqiegħdu f’lista preliminari lil dawk li jissodisfaw bl-aħjar mod il-bżonnijiet speċifiċi tas-servizz. Ara li taġġorna l-applikazzjoni tiegħek kull sitt xhur biex tibqa’ viżibbli u tkun għadek tista’ tinsab fil-bażi tad-data.
Il-kandidati fil-lista preliminari biss se jiġu mistiedna, permezz tal-Profil tal-EPSO tagħhom, biex jibbukkjaw u jagħmlu test ta’ selezzjoni organizzat mill-EPSO.
Iċċekkja l-Profil tal-EPSO tiegħek regolarment. Jekk tinsab fil-lista preliminari, fil-jum tal-ftuħ tal-perjodu tal-ibbukkjar, se tirċievi stedina biex tibbukkja data għat-test. B’mod ġenerali, il-link għall-paġna tal-ibbukkjar tkun attiva biss għal ftit ġranet. Tkun tista’ tagħżel data għat-test minn firxa ta’ dati ssuġġeriti immedjatament wara l-perjodu tal-ibbukkjar.
Id-dati indikattivi tal-perjodi tal-ibbukkjar u tat-testijiet huma ppubblikati fuq il-paġni tal-profili fis-sit web tagħna.
Jekk ma tibbukkjax l-appuntament għat-test, jekk tikkanċella l-ibbukkjar jew ma tmurx għat-test fiċ-ċentru tat-testijiet, m’intix se terġa’ tiġi mistieden awtomatikament biex terġa’ tagħmel l-istess test. Jista’ jagħti l-każ li terġa’ tiġi preselezzjonat fi stadju ulterjuri għal opportunità oħra.
Is-servizzi tar-reklutaġġ jieħdu ħsieb li jfittxu u jagħżlu l-kandidati. L-EPSO huwa responsabbli biss biex jistieden il-kandidati biex jibbukkjaw għat-testijiet u biex jorganizza t-testijiet ta’ selezzjoni.
Kif se jintgħażlu l-kandidati fil-proċedura tal-CAST Permanenti?
Is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal proċedura ta’ selezzjoni tal-CAST Permanenti fiha nfisha ma tfissirx li se tiġi mistieden tagħmel it-testijiet. Dawk il-kandidati mqiegħda fil-lista preliminari mis-servizzi tar-reklutaġġ biss se jiġu mistiedna jagħmlu t-testijiet ta’ selezzjoni meta u jekk ikun hemm bżonn.
Il-proċess ta’ selezzjoni jikkonsisti minn dawn il-passi li ġejjin:
- Il-kandidati jimlew u jivvalidaw l-applikazzjoni(jiet) tagħhom u jaġġornawhom mill-inqas kull sitt xhur biex jikkonfermaw l-interess tagħhom u jibqgħu viżibbli fil-bażi tad-data.
- Meta jkun hemm bżonn, is-servizzi tar-reklutaġġ jagħżlu minn qabel (lista preliminari) mill-bażi tad-data tal-applikazzjonijiet kollha vvalidati u viżibbli numru ta’ kandidati li l-profili tagħhom jissodisfaw bl-aħjar mod ir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni tas-servizzi.
- Il-kandidati magħżula minn qabel (lista preliminari) huma mistiedna għat-testijiet ta’ selezzjoni organizzati mill-EPSO. Dawn huma fil-forma ta’ testijiet b'mistoqsijiet b’għażla multipla fuq il-kompjuter organizzati f'ċentri tat-testijiet fid-dinja kollha.
- Il-kandidati li jgħaddu mit-testijiet ta’ selezzjoni, jiġu mistiedna għal testijiet ta’ reklutaġġ organizzati mis-servizzi tar-reklutaġġ. Dawn it-testijiet jistgħu jinkludu intervista u forom oħra ta’ evalwazzjoni.
- Il-kandidati li jgħaddu mit-testijiet tar-reklutaġġ, jistgħu jirċievu offerta ta’ impjieg.
Nista’ nimmodifika l-kontenut tal-applikazzjoni tiegħi ladarba tkun ġiet ivvalidata?
Bl-eċċezzjoni tal-CAST Permanenti (ara aktar informazzjoni dwar din il-proċedura ta’ selezzjoni), ladarba l-applikazzjoni tiġi vvalidata, ma tistax tbiddel il-kontenut tagħha, peress li l-EPSO jipproċessa d-data tiegħek immedjatament.
Għall-CAST Permanenti:
Tista’ timmodifika l-kontenut tal-applikazzjoni(jiet) tiegħek għall-proċedura ta’ selezzjoni tal-CAST Permanenti u tapplowdja jew taġġorna s-CV tiegħek fi kwalunkwe ħin fil-Profil tal-EPSO tiegħek.
Tinsiex taġġorna l-applikazzjoni(jiet) tiegħek tal-inqas kull sitt xhur jekk tixtieq tibqa’ viżibbli għas-servizzi ta’ reklutaġġ. Dan japplika irrispettivament minn jekk għaddejtx jew le mit-testijiet.
Nista’ nerġa’ nuża l-applikazzjoni/jiet ta’ EPSO preċedenti?
L-applikazzjoni/jiet kollha għall-EPSO/CAST/P/1-4/2015 (CAST għall-Aġenziji Eżekuttivi) validati sal-25.11.2016 (f’nofsinhar ħin ta’ Brussell) ġew migrati awtomatikament għall-CAST Permanenti (EPSO/CAST/P/1-4/2017).
Jekk diġà għaddejt mit-testijiet ta’ selezzjoni organizzati mill-EPSO għall-EPSO/CAST/P/1-4/2015, ir-riżultati tiegħek se jibqgħu validi (10 snin għat-testijiet tar-raġunament, 5 snin għat-testijiet tal-kompetenza).
X’inhuma d-dmirijiet tal-Aġenti Kuntrattwali fl-Istituzzjonijiet tal-UE?
Id-dmirijiet speċifiċi jiddependu mill-profil li jinteressak. Ara l-Anness I għas-Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess għal eżempji ddettaljati ta’ dmirijiet għal kull profil.
L-aġenti kuntrattwali huma impjegati għal perjodu limitat, b’kuntratt inizjali ta’ 6-12-il xahar.
F’xi korpi tal-UE, jista’ jkun possibbli li l-kuntratt jiġġedded għal perjodu ta’ żmien indefinit.
Xi jfissru l-gruppi ta’ funzjoni differenti?
Il-pożizzjonijiet għal persunal b'kuntratt huma disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ impjiegi, li jeħtieġu livelli differenti ta’ kwalifiki. Huma jinqasmu f’erba’ gruppi funzjonali:
- I. xogħol manwali jew ħidma ta’ servizz ta’ appoġġ amministrattiv
- II. ħidma klerikali jew segretarjali, tmexxija tal-uffiċċju u xogħol ieħor ekwivalenti
- III. xogħol eżekuttiv, abbozzar, kontabilità u xogħol ieħor tekniku ekwivalenti
- IV. xogħol amministrattiv, konsultattiv, lingwistiku u xogħol tekniku ekwivalenti.
Jekk jogħġbok ikkonsulta r-regoli speċifiċi tal-Kummissjoni Ewropea għall-impjegar ta' aġenti kuntrattwali bl-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż.