Jekk il-Bord tas-Selezzjoni jaċċettak mill-ġdid wara li tkun saret ir-reviżjoni, inti tidħol mill-ġdid fil-proċess fl-istadju fejn tkun ġejt eskluż, irrispettivament minn fejn tkun waslet sadattant il-kompetizzjoni.
X’jiġri jekk niġi aċċettat mill-ġdid wara r-reviżjoni iżda l-kompetizzjoni tkun diġà għaddiet għall-pass li jmiss?
Issottomettejt talba għal reviżjoni u ma rċevejtx tweġiba, jeħtieġli nibgħat tfakkira?
Jekk irċevejt konferma tar-riċevuta wara li tkun bgħatt l-ilment inizjali tiegħek, ma għandekx tibgħat tfakkira sakemm ma jkunx għadda tul ta’ żmien sinifikanti minn mindu ktibt.
It-tweġibiet għal reviżjoni jistgħu jieħdu diversi ġimgħat biex jitħejjew. Il-Bord tas-Selezzjoni għandu jiltaqa’ biex jiddeċiedi, u hu biss wara li jsir dan li t-tweġibiet ikunu ppreparati u mibgħutin.
Jiena għandi diżabbiltà u kelli l-problemi biex naċċessa l-profil tal-EPSO u/jew matul il-proċedura ta’ selezzjoni tiegħi. Lil min għandi nikkuntattja biex naqsam l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħi?
L-aċċessibbiltà hi importanti ħafna għall-EPSO. Aħna naħdmu b’mod kontinwu biex intejbu l-aċċessibbiltà tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni u selezzjoni tagħna.
Madankollu, jekk tiltaqa’ ma’ diffikultajiet marbuta mal-aċċessibbiltà fil-profil tal-EPSO tiegħek jew fis-sit web tagħna, jekk jogħġbok ikkuntattjana biex taqsam l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħek.
Il-feedback tiegħek hu essenzjali għalina. Dan jgħinna ntejbu s-servizzi tagħna billi nagħmluhom aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Tista’ ssir taf aktar dwar il-ħidma tal-EPSO biex ittejjeb l-aċċessibbiltà fuq il-paġna web tagħna dwar l-opportunitajiet indaqs.
X’għandi nagħmel jekk inħoss li ġejt ittrattat b’mod inġust matul il-kompetizzjoni minħabba d-differenza/i tiegħi?
L-EPSO jagħti importanza kbira lill-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni, u jagħmel kull sforz sabiex jirrispetta l-opportunitajiet indaqs, it-trattament ugwali u l-aċċess ugwali għall-applikanti kollha tiegħu.
Jekk tħoss li ġejt ittrattat b’mod inġust jew diskriminatorju, minħabba waħda mill-karatteristiċi li ġejjin jew aktar: is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jekk jogħġbok ikkuntattjana minnufih biex taqsam l-osservazzjonijiet u l-emozzjonijiet tiegħek.
Aħna nagħtu attenzjoni kbira lill-feedback mingħand l-applikanti, li huma fil-qalba tal-politiki u l-prassi tagħna dwar l-immaniġjar tal-ugwaljanza, tad-diversità u tal-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni dwar kif nipprattikaw dawn il-politiki, jekk jogħġbok ara l-paġna web tagħna ddedikata għall-opportunitajiet indaqs.
Liema tip ta’ lment hu rilevanti fil-każ tiegħi?
Jekk int kandidat li għandek applikazzjoni validata għal waħda mill-kompetizzjonijiet miftuħin jew proċeduri ta’ selezzjoni tal-EPSO, għandek id-dritt li tagħmel kwalunkwe wieħed minn dawn it-tipi ta’ lmenti.
Jekk jogħġbok irriferi wkoll għall-avviż tal-kompetizzjoni għal ħarsa ġenerali sħiħa tal-modi differenti li bihom tista’ tissottometti l-ilment.
Nista’ nressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew?
Kull kandidat jista’ jressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew fi żmien sentejn mid-data meta seħħew il-fatti jew l-atti ta’ allegazzjoni ta’ amministrazzjoni ħażina.
Nista’ nressaq każ quddiem il-qorti?
Kull kandidat jista’ jressaq każ quddiem il-Qorti kontra deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Selezzjoni jew l-Awtorità tal-Ħatra li taffettwa negattivament l-istatus legali tiegħu/tagħha bħala kandidat.
L-Appell għandu jintbagħat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fi żmien tliet xhur u għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni li hu/hi j/tixtieq j/tikkontesta.
Deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi annullata iżda mhux emendata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
Nista’ nressaq ilment amministrattiv (artikolu 90) qabel ma nirċievi t-tweġiba dwar rieżami (fuq l-istess suġġett)?
Le, jekk tħoss li jkun neċessarju, tista’ tagħmel dan wara li tirċievi t-tweġiba dwar ir-rieżami. L-ilment amministrattiv skont l-artikolu 90 irid ikun ibbażat fuq deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv l-istatus legali tiegħek bħala kandidat, jiġifieri f’dan il-każ ibbażat fuq it-tweġiba negattiva għal rieżami tal-Bord ta’ Selezzjoni. L-iskadenza biex tissottometti ilment skont l-artikolu 90 hi ta’ 3 xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tixtieq tikkontesta.
X’jiġri jekk kandidat ikun jaf wieħed mill-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni?
Il-kandidat għandu jinforma lill-EPSO immedjatament biex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interessi.
Nista’ nitlob kopja tat-testijiet miktuba/prattiċi mhux ikkoreġuti?
Iva, ħlief f’każijiet meta l-kontenut tat-test hu intiż biex jerġa’ jiġi użat. F’każijiet bħal dawn, tiġi infurmat dwar dan minn qabel permezz tal-avviż ta’ kompetizzjoni u/jew l-ittra ta’ invit għat-testijiet inkwistjoni.
Nista’ nitlob kopja tal-kriterji ta’ evalwazzjoni jew it-tabella tal-marki jew it-testijiet ikkoreġuti jew id-dettalji tal-korrezzjonijiet?
Le. Dawn huma koperti mis-segretezza tal-proċedimenti tal-Bord skont ir-Regolamenti tal-Persunal.
F’liema każ nista’ nibgħat talba għal rieżami?
Tista’ titlob rieżami ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord ta' Selezzjoni jew tal-EPSO li taffettwa l-progress tiegħek fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni, jekk inti tqis li jkun sar żball materjali jew ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
X’informazzjoni għandi nippreżenta fl-ilment tiegħi?
-
In-numru tal-kompetizzjoni
-
In-numru tal-kandidat tiegħek
-
Dettalji tad-deċiżjoni li qed tikkontesta
(eż nuqqas ta' ammissibbiltà għax id-diploma jew l-esperjenza professjonali mhijiex rilevanti, qasira jew mhijiex marbuta mal-qasam tal-kompetizzjoni, esperjenza professjonali mhux biżżejjed, punteġġ baxx ta' Talent Screener għal mistoqsija waħda jew iktar, il-valutazzjoni ta' kompetenza) -
Ir-raġunijiet għall-ilment tiegħek