Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Bidu tal-Proċess ta’ Trasformazzjoni tal-EPSO

Approvat il-Qafas ta’ Kompetenzi Ġdid

L-EPSO ta bidu għall-proċess tat-trasformazzjoni tiegħu. L-ewwel pass fuq l-aġenda - Nimmodernizzaw il-Qafas ta’ Kompetenzi.

L-issodisfar tal-għanijiet tal-Istituzzjonijiet Ewropej jibda mill-istaff tagħhom. Din hi r-raġuni għaliex il-kompetenzi tal-istaff iridu jkunu allineati bl-aħjar mod mal-missjonijiet u l-valuri tagħhom. Għalhekk, hu essenzjali li l-istaff fil-livelli kollha u fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, irrispettivament mill-isfond, il-ġeneru, ir-reliġjon, il-kultura jew il-funzjoni tiegħu, juri kwalitajiet komuni.

F’dan ir-rigward, mill-2010, l-EPSO ilu juża Qafas ta’ Kompetenzi li jikkonsisti minn 8 kompetenzi ġenerali, li jiġu ttestjati fil-fażi taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni. Madankollu, il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE evolvew maż-żmien. Ir-rieżami tal-Qafas ta’ Kompetenzi kien prerekwiżit għall-bini ta’ ġabra varjata ta’ talent li tista’ tissodisfa b’mod effettiv il-ħtiġijiet tagħhom u tirrifletti avvanzi ġodda fis-suq tax-xogħol tal-lum.

Il-Qafas ta’ Kompetenzi ġdid jiddefinixxi l-kompetenzi li huma essenzjali għal prestazzjoni effettiva f’impjieg partikolari u jipprovdi informazzjoni trasparenti għall-proċedura ta’ selezzjoni, billi jiċċara l-kwalitajiet mistennija li l-kandidati jridu juru matul it-testijiet tal-kompetizzjoni rilevanti.

Il-kompetenzi jiffurmaw parti integrali mill-proċess ta’ selezzjoni, peress li huma l-bażi tal-valutazzjoni tal-kandidati biex tiġi determinata l-adegwatezza tagħhom għal profil ta’ impjieg partikolari. Dawn jippermettu reklutaġġ immirat. Huma jistabbilixxu wkoll aspettattivi ċari għal kandidati potenzjali.

Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li, minbarra l-kompetenzi ġenerali, għall-profili aktar speċjalizzati, l-Istituzzjonijiet tal-UE qed ifittxu kandidati li huma kwalifikati ħafna fil-qasam tal-għarfien espert tagħhom. Tista’ ssib l-informazzjoni dwar il-kompetenzi relatati mal-qasam, kif ukoll it-testijiet li jevalwaw kemm il-kompetenzi ġenerali u dawk relatati mal-qasam fl-Avviż ta’ Kompetizzjoni.

Dan il-qafas ta’ kompetenzi ġdid se jibda jintuża biss mill-EPSO fil-kompetizzjonijiet tiegħu mill-2023.

Iċċekkja l-kompetenzi ġenerali l-ġodda u l-ankri meqjusin biex tevalwa kompetenza għall-ittestjar futur fiċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni u żomm għajnejk fuq is-sit web tagħna għal aġġornamenti dwar il-kompetizzjonijiet fl-2023.