Skip to main content

Il-passi li jmiss

Il-kandidati li jgħaddu mill-proċedura ta' selezzjoni jitqiegħdu fuq "lista ta' riżerva", minn fejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jkunu jistgħu jimpjegaw direttament. Sib hawn taħt aktar informazzjoni dwar x’jiġri wara.

  • L-għadd ta’ persunal impjegat mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa proporzjonali għad-daqs u l-funzjonijiet tagħhom.
  • Kif ikun hemm opportunitajiet ta’ xogħol, l-istituzzjonijiet jivverifikaw il-profili tal-kandidati li għaddew biex jidentifikaw lil dawk li jaqblu l-aktar mal-ħtiġijiet tagħhom (pereżempju, f’termini ta’ edukazzjoni, esperjenza professjonali u ħiliet lingwistiċi).
  • Tista’ tkun mistieden minn diversi istituzzjonijiet jew servizzi għal intervista (għal listi ta’ riżerva miftuħin għal diversi istituzzjonijiet).
  • Għal raġunijiet prattiċi, il-kandidati jistgħu wkoll joqogħdu għal eżami mediku qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ħatra.
  • Inti għandek id-dritt li tirrifjuta kull offerta, iżda m’hemm l-ebda garanzija ta’ offerta oħra qabel ma tiskadi l-lista ta’ riżerva. 
  • Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali li diġà jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu qabel il-kandidati fuq lista ta’ riżerva.
  • Jekk jogħġbok żomm l-informazzjoni personali kollha fil-profil tal-EPSO tiegħek aġġornata.
  • Għandek tapplowdja u taġġorna s-CV tiegħek regolarment, preferibbilment fil-format Europass (permezz tat-tab “applowdja CV”).
  • M’hemmx bżonn li tibgħat is-CV tiegħek direttament lill-istituzzjonijiet. Is-CV tiegħek, il-passaport tal-kompetenza u l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tiegħek huma viżibbli għall-istituzzjonijiet permezz tal-bażi tad-data tal-kandidati li għaddew.
  • Inti tista’ titlob lill-EPSO (permezz tal-formola ta’ kuntatt) biex tiġi mmarkat bħala mhux disponibbli għal perjodu speċifiku. Żomm f’moħħok li l-validità tal-lista ta’ riżerva mhux se tiġi estiża skont dan.
  • Jekk trid tarkivja kopja sħiħa tal-file tal-applikazzjoni tiegħek (inkluża l-korrispondenza mill-EPSO) għandek tissejvjaha u/jew tipprintjaha mill-aktar fis possibbli, peress li l-korrispondenza tibqa’ tidher fil-profil tiegħek għal żmien limitat biss.
  • Il-"lista ta' riżerva" hija bażi tad-data b'informazzjoni dwar il-profil, il-kompetenzi u d-disponibbiltà tal-kandidati kollha li għaddew minn proċedura ta' selezzjoni partikolari.
  • Li tkun fuq il-lista ta' riżerva mhuwiex garanzija ta' reklutaġġ, iżda madwar 50% tal-kandidati jiġu reklutati fi żmien 7 xhur.
  • Il-listi ta’ riżerva ġeneralment huma validi għal sena waħda (jew tliet snin għall-ispeċjalisti). Il-validità tista' tittawwal (mill-EPSO) skont il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet. Normalment tittieħed deċiżjoni ftit qabel ma tiskadi l-lista u din tiġi ppubblikata fis-sit web Karrieri mal-UE.
  • Il-validità inizjali ta’ lista tibda mill-mument li l-kandidati li jgħaddu jkunu notifikati li tqiegħdu fil-lista ta’ riżerva. Il-validità inizjali hija ppubblikata fil-paġna tal-Listi ta’ riżerva.
  • Kwalunkwe dewmien fil-pubblikazzjoni tal-lista fil-paġna tal-Listi ta’ riżerva ma għandu l-ebda impatt fuq il-proċess ta’ reklutaġġ innifsu.
  • Jekk diġà rċevejt ittra ta’ offerta uffiċjali mir-Riżorsi Umani Korporattivi sa meta tiskadi l-lista, ir-reklutaġġ xorta jista’ jsir.
  • Fi tmiem il-perjodu ta’ prova, uffiċjal reklutat ġdid jew jiġi stabbilit bħala uffiċjal jew imkeċċi. L-EPSO ma jistax iqiegħed lil xi ħadd lura fil-lista ta’ riżerva.
  • L-istituzzjonijiet huma mogħtija ċertu kwota ta’ kandidati li jistgħu jirreklutaw mil-lista ta’ riżerva. Din l-informazzjoni hija disponibbli biss għall-EPSO u l-istituzzjonijiet tal-UE.
  • Il-kwoti jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ reklutaġġ tal-istituzzjoni(jiet) partikolari matul perjodu partikolari.
  • Ir-reklutaġġ minn istituzzjoni oħra matul il-perijodu li fih il-kwota/i tiġi/jiġu applikata/i huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i.
  • Il-kwota normalment titneħħa tliet jew sitt xhur - għal xi kompetizzjonijiet għall-ispeċjalisti - wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ riżerva, jew tista’ tiġi estiża, fuq approvazzjoni tal-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i.
  • Is-sistema tal-postijiet vakanti tippermettilek tara postijiet vakanti relatati mal-kompetizzjoni(jiet) li tkun għaddejt minnha/hom. Tista’ tapplika għal dawn il-postijiet vakanti sakemm tiskadi l-lista ta’ riżerva.
  • Il-pubblikazzjoni ta’ postijiet vakanti fil-profil tal-EPSO tiegħek hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE. Huma jiddeċiedu liema postijiet vakanti jiftħu għal liema lista/i ta’ riżerva.
  • L-istituzzjonijiet mhumiex obbligati li jiftħu l-postijiet vakanti kollha tagħhom għall-kandidati li għaddew kollha jew għal parti minnhom.
  • Jekk il-kwoti jiġu applikati għal-lista ta’ riżerva tiegħek, jaf ma jkollokx aċċess għal postijiet vakanti sakemm jitneħħew il-kwoti.
  • Meta l-istituzzjonijiet jippubblikaw postijiet vakanti, il-buttuna “Uri postijiet vakanti” se tidher fuq il-paġna ġenerali tal-Applikazzjonijiet taħt il-kompetizzjoni rilevanti fil-kont tal-EPSO tiegħek. 
  • Din tagħti lista ta’ postijiet vakanti, kull wieħed b’kodiċi ta’ post vakanti, it-titlu tal-impjieg u l-istituzzjoni li toffri l-post vakanti.
  • Meta tikklikkja fuq post vakanti tiġi pprovdut b’informazzjoni dettaljata dwar il-lokalità, id-dmirijiet, il-kompiti u d-dettalji ta’ kuntatt.
  • Għandek tiċċekkja l-profil tal-EPSO tiegħek b’mod regolari, peress li l-istituzzjonijiet jistgħu jtellgħu postijiet vakanti f’kull ħin u jista’ jkun hemm biss perjodu limitat biex tapplika. M’intix se tkun notifikat awtomatikament meta postijiet vakanti ġodda jiġu ppubblikati. 
  • Jekk qed tapplika għal post vakanti jekk jogħġbok żgura li inti eliġibbli, li s-CV tiegħek hija aġġornata u li ssemmi l-kompetizzjoni rilevanti fl-ittra ta’ akkumpanjament tiegħek.
  • Jekk jogħġbok innota li għal xi postijiet vakanti tal-Kummissjoni jaf tkun tista’ tara avviżi li huma rilevanti għall-kategorija tiegħek tal-lista ta’ riżerva (eż., AST-SC, AST jew AD), iżda li m’intix eliġibbli biex tapplika għalihom. Pereżempju, jekk il-post ikun għal-livell ta’ AST3, iżda inti tinsab fil-lista ta’ riżerva għall-AST1, m’intix eliġibbli.
  • Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar l-eliġibbiltà tiegħek, jew kwalunkwe dettalji oħra relatati mal-post vakanti jew mal-proċedura ta’ reklutaġġ, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-servizz ta’ reklutaġġ billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt fl-avviż tal-post vakanti.
  • Jekk jogħġbok ibgħat l-applikazzjoni tiegħek lill-istituzzjoni li timpjega biss u mhux lill-EPSO peress li r-reklutaġġ kollu hu trattat mill-istituzzjonijiet direttament.
  • Tista’ ssib ħarsa ġenerali tal-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE fuq is-sit web Europa.
  • Tista’ tiċċekkja l-lista tal-istituzzjonijiet tal-UE li għalihom l-EPSO jagħżel il-persunal u l-links għall-paġni tar-reklutaġġ tagħhom għal aktar informazzjoni.
  • Jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar post vakanti speċifiku, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-servizz ta’ reklutaġġ billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt imsemmi fl-avviż tal-post vakanti.
  • Tista’ wkoll tikkuntattjana jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar x’għandek tistenna li jkun il-pass li jmiss jew id-disponibbiltà tiegħek għar-reklutaġġ.

Jekk jogħġbok innota li l-Avviż tal-Kompetizzjoni u r-Regoli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa jistabbilixxu l-qafas ġuridiku għal kull proċedura ta’ selezzjoni. Din il-paġna hija maħsuba biss biex tipprovdi gwida addizzjonali.