Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Frederic

Frederic hu inkarigat mill-aċċessibbiltà għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-OIB (l-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea għall-infrastruttura u l-loġistika). Frederic hu agħma u ilu jaħdem mal-Istituzzjonijiet tal-UE mill-1998.
Aħna staqsejna x’tip ta’ arranġamenti ngħatawlu fl-impjieg tiegħu:

“Kompjuter mgħammar bi speech synthesis software (JAWS), b’tastiera tal-Braille. Meta wasalt, id-DĠ Riċerka u Żvilupp offfrieli aktar minn dak li kelli bżonn, kienet xi ħaġa impressjonanti ħafna u merħba meraviljuża. L-ewwel esperjenza tiegħi kienet tajba ħafna. Wara, matul il-mobibiltà tiegħi kienet anqas ovvja, imma dejjem kont naf kif nakkwista dak li kelli bżonn billi nkun paċenzjuż.”

Frederic jgħidilna wkoll li d-diżabbiltà tiegħu mhix ostaklu fit-tim tiegħu.

“Hawn id-diżabbiltà hija vantaġġ! Nippreżentaha bħala xi ħaġa ta’ ferħ. Ma nagħtix l-impressjoni li qed nġorr il-miżerja kollha tad-dinja fuq spallti. U peress li għandi kelb, dan jgħin, dan hu l-mascot tiegħi.

Maurizio

Maurizio huwa uffiċjal tal-istampa fil-Parlament Ewropew fl-Italja. Huwa nieqes mid-dawl u ilu jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-UE mill-2015.
Staqsejnieh kif sab l-proċedura ta’ selezzjoni u jekk ħassux integrat fit-tim tiegħu.

"It-Tim tal-Aċċessibbiltà tal-EPSO kien tassew mill-aqwa! Kollox mexa ħarir matul il-kompetizzjoni. Kelli t-test bil-Braille u assistent personali; kelli wkoll test b’verżjoni elettronika. Għal dik li hi tas-selezzjoni proprja ta’ impjieg, kienet biss l-intervista u allura ma kelli l-ebda bżonn ta’ akkomodazzjoni. Ma nħoss ebda ostaklu. Qatt ma kelli problemi għax kont diżabbli. Jekk ikollok attitudni pożittiva, anki jekk in-nies ma jafux jew huma xettiċi, jekk inti ħerqan li taqsam l-esperjenza tiegħek, tista’ tkisser il-ħitan.”

Maurizio jagħti parir lil kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE.

Ngħidilhom, li dan hu assolutament possibbli, li jjsir, u m’għandkomx għalfejn tkunu poligloti jew supereroj! Dan huwa xi ħaġa fattibbli ħafna. Jieħu tant ftit minn ħinek, li m’għandek xejn x’titlef, u tista’ tirbaħ karriera tassew interessanti. Għall-prezz li tħallas imqabbel mal-benefiċċji żgur li jaqbillek. L-unika ħaġa iebsa hi l-applikazzjoni… Iżda ladarba tagħmilha, tieħu tassew ftit tal-ħin u potenzjalment opportunità enormi!” Taqtgħux qalbkom mill-applikazzjoni!”

 

Krystle

Krystle taħdem bħala assistenta tal-komunikazzjonijiet fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, hi għandha mobbiltà mnaqqsa u ilha taħdem għall-istituzzjoni Ewropea mill-2002.
Staqsejnieha x’tip ta’ arranġamenti speċjali ġew ipprovduti lilha u jekk tħossx li d-diżabbiltà tagħha kinitx ta’ ostaklu għal xogħolha.

“Il-Kummissjoni pprovdietli wheelchair, footrest, siġġu mediku u spazju riżervat għall-parking. Tpoġġew support bars fil-kamra tal-ħasil. Inħossni totalment integrata fit-tim tiegħi. Meta jkollna laqgħa, il-kollegi jiġu b’mod spontanju joffru l-għajnuna tagħhom biex iwassluni jew jitolbuni x’jistgħu jagħmlu. Hu pjaċir għalija li nħossni apprezzata u rikonoxxuta għal xogħli. M’għandi ebda trattament speċjali, naħdem bħal ħaddieħor, b’dehra benevolenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-mobbiltà.”

Krystle tagħti wkoll il-parir tagħha lil kandidati oħrajn bi bżonnijiet speċjali li japplikaw għal Karriera mal-UE.

“Nirrakkomanda ħafna li wieħed japplika! Ebda żvantaġġ fiżiku ma hu ostakolu, il-kompetizzjonijiet huma bbażati fuq l-għarfien, mhux fuq maratona. Kulħadd hu aċċettat, ċittadinanza, kulur, sess, diżabbiltà fiżika, ... xejn mhu ostaklu. Huma rappreżentati n-nazzjonalitajiet kollha tal-UE mill-orizzonti kollha, id-differenza hi pożittiva. Mhux importanti jekk intix persuna b’mobbiltà mnaqqsa Maltija jew Estonjana b’vista batuta. Multikulturali jfisser ħidma ma’ oħrajn, mingħajr ma jsiru distinzjonijiet. L-istituzzjonijiet stabbilixxew servizzi li jilqgħu t-tipi kollha ta’ nies, l-opportunitajiet indaqs huma dritt reali.”

Fabio

Fabio hu kap ta’ unità fid-Direttorat tar-Riżorsi Umani tal-Parlament Ewropew. Hu għandu sieq maqtugħa u ilu jaħdem għall-istituzzjonijiet Ewropej mill-2001.
Staqsejnieh jekk kellux bżonn ta’ kwalunkwe arranġament speċjali f’xogħlu.

“Meta ma nkunx nista’ nimxi bil-prosteżijiet tiegħi nimxi fuq il-krozzi, iżda ma nistax nuża idejja. Ma nuża xejn speċjali, għandi għodda tal-IT (Ipad, anqas notebooks). Għall-problemi ta’ dahri minħabba l-prosteżi, għandi mejda b’għoli aġġustat. Intitolat għall-parking. Ma kienx diffiċli li wieħed jikseb dawn il-faċilitajiet. Peress li għandi diżabbiltà fil-mixi, dan hu anqas problematiku. Nista’ ninteraġixxi 100 %.”

Fabio jagħti wkoll il-parir tiegħu lil kandidati oħrajn bi bżonnijiet speċjali li japplikaw għal Karriera mal-UE.

“M’għandniex nibżgħu, irridu nagħtu lilna nfusna l-mezzi biex inħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni ġdida. Tqarraqx lilek innifsek, billi tiġi hawn u taħseb li kollox se jkun sew u li l-Parlament se jieħu ħsieb ta’ kollox. Ebda istituzzjoni fid-dinja ma tista’ tieħu ħsieb kollox. It-tħejjija għal ambjent ġdid hi b’mod speċjali applikabbli għall-persuni b’diżabbiltà. Xi ħadd b’diżabbiltà diġà jaf li għandu javviċina l-affarijiet b’mod differenti... iħejji lilu nnifsu b’mod differenti wkoll.”

Konstantinos

Konstantinos ilu jaħdem sena fid-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika fil-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. Fl-2006 kien iddjanjostikat li jbati minn sklerożi multipla u jimxi bl-għajnuna ta’ krozza. Staqsejnieh kif sab l-ambjent tax-xogħol.

"Ix-xogħol f'ambjent mimli appoġġ (kollegi simpatiċi, infrastruttura aċċessibbli) għen fil-kondizzjoni tiegħi biex inħossni stabbli u forsi saħansitra biex immur għall-aħjar. Barra minn hekk, il-proġetti li ngħatawli, ispirawni biex naħdem anki b’mod aktar iebes. Inħossni partikolarment kuntent dwar it-titjib fil-faċilitajiet tal-Parlament Ewropew f'dak li huwa aċċessibbiltà għal nies bi bżonnijiet speċjali. F’dan il-kuntest, inħossni mbierek li ġejt mogħti ċ-ċans li nuri l-aħjar prattiki tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ diżabbiltà.”

Johan

Johan ilu amministratur tas-sistema fil-Parlament Ewropew fi Brussell mill-2014. Iddjanjostikat bl-awtiżmu fl-2004, id-diżabbiltà tiegħu mhix viżibbli mal-ewwel daqqa t’għajn. Staqsejnieh jekk ħassux integrat fit-tim tiegħu u jekk id-diżabbiltà tiegħu qattx kienet ta’ ostakolu għal xogħlu.

“Inħossni integrat fit-tim. Jien tassew estrovert għalhekk inħobb l-interazzjoni mal-kollegi tiegħi. Ta’ spiss ngħidu ċ-ċajt bejnietna u nidħku ħafna. Il-biċċa l-kbira tal-kollegi ma jafux li nbati bl-awtiżmu. Tul is-snin, tgħallimt naħbi d-diżabbiltà tiegħi u fil-fatt, fis-settur li naħdem fih, imġiba awtistika mhux daqstant rari li ssibha. Forsi jien persuna atipika bl-awtiżmu. Il-biċċa l-kbira tan-nies jaħsbu li l-persuni bl-awtiżmu ma jħobbux jissoċjalizzaw, li verament hi idea żbaljata. Vera, il-persuni bl-awtiżmu jaħsbu b’mod differenti, huma aktar iffokati fuq id-dettalji, pereżempju, u spiss għandhom problemi sabiex jittrattaw mal-input sensorju, iżda meta jħossuhom irrilaksjati verament jieħdu gost bil-kumpanija tal-oħrajn.”

Johan jinkoraġġixxi wkoll kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE u jagħti l-parir tiegħu.

“L-istitzzjonijiet Ewropej huma ambjent sabiħ fejn tista’ taħdem fih. In-nies għandhom moħħhom miftuħ għal persuni b'diżabbiltajiet. Barra minn hekk, il-bini ġie adattat biex jakkomoda n-nies li jinsabu fis-siġġijiet tar-roti. Għandek turi lill-kumitat ta’ selezzjoni li għandek valur ugwali jew aħjar bħal kandidati oħra mingħajr diżabbiltà. Għalhekk kun af l-affarijiet tiegħek u pprova.”

Ville

Ville, agħma mit-twelid, ilu uffiċjal legali fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell mill-2013. Staqsejnieh kif sab il-proċess ta’ selezzjoni u xi jħoss dwar ix-xogħol tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea.

Sibt is-servizz tat-tim tal-aċċessibbiltà tassew kompetenti u ferm organizzat. Wara li rċevejt ir-reġistrazzjoni, issuġġerewli arranġamenti biex bħala kandidat agħma jagħmlu l-parteċipazzjoni tiegħi possibbli fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni bl-istess mod bħal ħaddieħor u dawn sibthom tassew xierqa u tajbin għall-iskop tiegħi. Din il-kooperazzjoni tajba min-naħa tagħhom kompliet matul il-kompetizzjoni, inkluża l-fażi taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni. Għalija, sorpriża tassew pożittiva kienet li d-dokumenti kollha huma b’format diġitali billi l-korrispondenza kollha mibgħuta u riċevuta hi reġistrata f’bażijiet tad-data elettroniċi. Għalhekk, bħala utent ta’ skrin reader, prattikament ma naħli ebda ħin niskenja dokumenti fuq karta lill-kompjuter kif kont nagħmel fl-impjiegi preċedenti.” Inħossni integrat bis-sħiħ grazzi għall-attitudni meraviljuża tal-kollegi u s-superjuri tiegħi.”

Ville jagħti wkoll il-parir lil kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE.

“Uri l-motivazzjoni tiegħek. Jekk għandek xi diżabbiltà, ipprova ħares lejha mill-perspettiva tal-impjegatur. Kun ippreparat għal mistoqsijiet dwar dan is-suġġett u aħseb minn qabel dwar soluzzjonijiet raġonevoli għal kwalunkwe ħtieġa speċjali li dan jista’ jikkawża fil-kuntest speċifiku tal-impjieg. Ibqa’ paċenzjuż. Ħu kull applikazzjoni u intervista bħala opportunità ta’ tagħlim anki jekk ma ttintgħażilx. Ikkonċentra aktar fuq il-kompetenzi milli fuq il-bżonnijiet speċjali proprji.”