Il-persunal kuntrattwali jiġi reklutat b’żewġ modi:
1) Aġenti Kuntrattwali - CAST Permanenti
L-Aġenti Kuntrattwali jistgħu jiġu reklutati permezz tal-proċedura ta’ selezzjoni CAST Permanenti.
CAST tfisser Għodda għas-Selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali (Contract Agents Selection Tool); Permanenti tfisser li l-proċess jibqa’ miftuħ, mingħajr skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.
Fil-paġna tagħna dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol tista’ ssib is-Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess tal-CAST Permanenti għal profili bħall-finanzi, l-affarijiet politiċi/il-politiki tal-UE, is-segretarji u l-iskrivani, it-teknoloġija tal-informazzjoni, il-liġi, il-komunikazzjoni, biex insemmu biss ftit. L-applikanti għandhom isegwu l-istruzzjonijiet assoċjati magħha.
Il-proċedura tirrikjedi li jinħoloq profil tal-EPSO u li tiddaħħal informazzjoni personali, professjonali u edukattiva fil-bażi tad-data CAST.
Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-proċedura ta’ selezzjoni CAST Permanenti ma tfissirx li l-kandidati jiġu mistiedna awtomatikament għat-testijiet.
Kull meta jinqalgħu ħtiġijiet ta’ reklutaġġ, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu jfittxu fil-bażi tad-data CAST u jelenkaw numru limitat ta’ applikanti li l-ħiliet tagħhom jaqblu mar-rekwiżiti tal-impjieg inkwistjoni.
Dawn l-applikanti preselezzjonati se jiġu mistiedna jagħmlu testijiet organizzati mill-EPSO: testijiet b’għażla multipla (MCQ) ibbażati fuq il-kompjuter li jinkludu raġunament verbali, numeriku u astratt; test tal-kompetenza (għarfien fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni) jew test tal-komprensjoni tal-lingwa (għall-profili lingwistiċi).
Dawk li jirnexxilhom jgħaddu mit-testijiet jistgħu jiġu mistiedna għal intervista u eventwalment jiġu reklutati.
Tgħallem aktar dwar il-proċess fil-paġna tal-CAST Permanenti tagħna li minnha tista’ tapplika direttament.
2) Aġenti Kuntrattwali – Postijiet vakanti ad hoc
L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu wkoll jirreklutaw persunal kuntrattwali biex jimlew pożizzjonijiet speċifiċi kull meta jkun hemm bżonn. F’dan il-każ, l-esperti jistgħu jintalbu jkopru varjetà ta’ rwoli, minn assistent finanzjarju, sa xjentist soċjali, webmaster, inġinier taċ-ċibersigurtà, biex insemmu xi ftit.
Għall-kuntrarju tal-proċess tal-CAST Permanenti, kull post vakanti għandu skadenza għall-applikazzjoni u fih informazzjoni dwar l-applikazzjoni, il-proċedura ta’ reklutaġġ u d-dettalji l-oħra kollha.
L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jippubblikaw postijiet vakanti ta’ persunal kuntrattwali ad hoc u jistabbilixxu l-proċeduri ta’ applikazzjoni u reklutaġġ tagħhom stess.
Tista’ ssib postijiet vakanti ta’ persunal kuntrattwali miftuħa fuq il-paġna tal-opportunitajiet ta’ xogħol tagħna.