Regolamenti taċ-Ċentru tat-Testijiet Prometric

Home > Regolamenti taċ-Ċentru tat-Testijiet Prometric

prometric.jpg.png

Media Folder: 

Il-kandidati huma mitluba jkunu professjonali, ċivili u rispettużi f’kull ħin waqt li jkunu fil-bini taċ-ċentru tat-testijiet. L-eżamijiet kollha huma monitorjati kontinwament permezz tal-vidjow u l-awdjo, monitoraġġ fiżiku, u permezz tat-tieqa tal-osservazzjoni. L-Amministratur taċ-Ċentru tat-Testijiet (TCA) hu awtorizzat li jkeċċik mis-sessjoni tat-test għal kull ksur tar-Regolamenti taċ-Ċentru tat-Testijiet, fosthom billi jkollok imġiba abbużiva lejn it-TCA jew lejn kandidati oħra. Jekk tinstab li ksirt xi regolament matul l-eżami tiegħek, it-TCA hu meħtieġ jinnotifika lil Prometric u lill-isponsor tat-test tiegħek. Prometric, waħdu jew flimkien mal-isponsor tat-test tiegħek, għandu mbagħad jieħu kull azzjoni oħra meħtieġa li tissanzjona l-imġiba tiegħek, sa u inkluż l-invalidazzjoni tal-punteġġ tat-test tiegħek u/jew it-twettiq ta’ akkużi ċivili jew kriminali.

 

IL-KUNFIDENZJALITÀ TAL-KONTENUT/SISTEMI TAL-EŻAMI

  • Is-sistema ta’ test bil-kompjuter, it-taħriġ, il-kontenut tal-eżami, u l-istħarriġ huma l-materjali mhux ippubblikati, kunfidenzjali, u proprjetà ta’ Prometric u / jew l-isponsor tat-test tiegħek.
  • Il-komunikazzjoni, il-pubblikazzjoni, ir-riproduzzjoni jew it-trasmissjoni ta’ kull parti ta’ eżami, fi kwalunkwe forma jew bi kwalunkwe mezz (pereżempju verbali, elettroniku, bil-miktub, eċċ.) għal kwalunkwe skop huma strettament ipprojbiti.
  • KULL riproduzzjoni jew żvelar tirriżulta immedjatament fil-preżentazzjoni ta’ akkużi ċivili u/jew kriminali kontrik u kull min hu kompliċi miegħek.

 

IĊĊEKKJAR GĦAD-DĦUL FIĊ-ĊENTRU TAT-TESTIJIET U L-WAQFIET

  • Biex tagħmel it-testijiet hi meħtieġa identifikazzjoni oriġinali, valida (li ma skadietx), maħruġa mill-gvern li jkollha ritratt u firma. Il-validità u l-għadd tal-IDs aċċettabbli huma predeterminati mill-isponsor tat-test tiegħek.
  • Inti tiġi skannjat b’detector tal-metall qabel kull dħul fil-kamra tat-test.
  • Ikun meħtieġ tgħolli l-qliezet tiegħek 'l fuq mill-għaksa, tiżvojta l-bwiet kollha u tgħolli l-kmiem tal-qmis 'l fuq mill-polzi qabel kull dħul fil-kamra tat-testijiet.
  • Jekk ikollok nuċċali se tkun meħtieġ li tneħħih għal spezzjoni viżwali biex jiġi żgurat li ma jkunx fih tagħmir ta’ rekordjar. Oġġetti ta’ ġojjellerija kbar għandhom jitqiegħdu fil-locker tiegħek minħabba l-possibbiltajiet ta’ tagħmir ta’ rekordjar moħbi.
  • It-testijiet jista’ jkollhom waqfiet skedati jew mhux skedati, kif determinat mill-isponsor tat-test tiegħek. Kull darba li toħroġ mill-kamra tat-test, int trid tiffirma li ħriġt.
  • It-TCA jinformak x’inhu permess matul il-waqfiet, u speċifikament dwar jekk l-aċċess għal-locker tiegħek, u l-aċċess għall-mowbajls u noti ġo fihom, hux permess jew le. Il-kandidati kollha għandhom jinfurmaw lit-TCA qabel ma jaċċessaw oġġett maħżun matul waqfa, inkluża mediċina. Tluq ripetut jew twil mill-kamra tat-test jiġi rrapportat lill-isponsor tat-test.
  • Meta tirritorna minn waqfa, mingħajr eċċezzjoni, trid tgħaddi mill-kontrolli kollha tas-sigurtà, tippreżenta ID valida, tiffirma li dħalt u, jekk mitlub mill-isponsor tat-test, tipprovdi marka tas-swaba' biex tiġi mdaħħal mill-ġdid fil-kamra tat-testijiet.

 

Oġġetti Pprojbiti u l-Imġiba tal-Kandidat fiċ-Ċentru tat-Testijiet

  • L-armi huma pprojbiti f'kull Ċentru tat-Testijiet Prometric.
  • Oġġetti personali mhux awtorizzati ma jistgħux jiddaħħlu fil-kamra tat-testijiet. Oġġetti bħal dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għal: ġkieket, kpiepel, ikel, xorb, portmonijiet, briefcases, notebooks, mowbajls, tagħmir elettroniku, jew teknoloġija li tintlibes.
  • Noti miktuba, materjal ippublikat u għajnuniet oħra huma strettament ipprojbiti fil-kamra tat-testijiet, minbarra f’każijiet fejn ikunu permessi mill-isponsor tat-test tiegħek. Il-persunal taċ-ċentru tat-testijiet jirreferu għall-Prattiki tal-Klijenti applikabbli għall-oġġetti permessi.
  • Noti miktubin jew tagħmir elettroniku misjub fil-kamra tat-testijiet jiġu kkonfiskati mill-Amministratur taċ-Ċentru tat-Testijiet.
  • Plaggs għall-widnejn rotob (mingħajr wajers / ħbula mehmuża) u tissues ipprovduti miċ-ċentru biss huma permessi fil-kamra tat-testijiet.
  • Il-materjali kollha maħruġa mit-TCA jridu jiġu rritornati fi tmiem it-test. Karti ħżiena użati għandhom ikunu rritornati qabel ma jingħataw karti ħżiena ġodda mit-TCA matul it-test.
  • Oġġetti tal-ilbies ħfief li jitneħħew biex wieħed iħossu komdu bħal sweaters, ġlekkijiet, xalel, eċċ., għandhom jiddendlu mas-siġġu tal-kandidat, u ma jitqegħdux f’ħoġru jew fuq id-desktop tal-kompjuter. Ġkieket bħal kowtijiet tqal, parkas, inċirati, eċċ., ma jitħallewx fil-kamra tat-testijiet.
  • It-taħdid ma’ kandidati oħra fil-kamra tat-testijiet, referenza għall-iskrins, materjali tat-test jew noti tagħhom huma strettament ipprojbiti.

 

Nota: Il-politiki tal-prattika tal-klijent/sponsor tat-test jieħdu post dawn ir-regolamenti jekk jeżisti kunflitt.

 

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dawn ir-regoli huma determinati minn Prometric. Dan il-kontenut ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-EPSO u jista’ jkun soġġett għal tibdil.