Kandidati li rnexxew

Il-kandidati li jirnexxu fil-proċedura ta' selezzjoni jitqiegħdu fuq "lista ta' riserva", minn fejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jirreklutaw direttament għalihom infushom. Il-"lista ta' riserva" hija bażi tad-dejta b'tagħrif dwar il-profil, il-kompetenzi u d-disponibbiltà tal-kandidati kollha li rnexxew f'xi proċedura ta' selezzjoni partikolari.

Li tkun fuq il-lista ta' riserva mhuwiex garanzija ta' reklutaġġ, iżda madwar 50% tal-kandidati jiġu reklutati fi żmien 7 xhur. Il-listi ta' riserva normalment idumu validi għal sena (jew tliet snin għall-ispeċjalisti) u jistgħu jiġu estiżi skont il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet.

Kif ikun hemm opportunitajiet ta’ xogħol, l-istituzzjonijiet jivverifikaw il-profili tal-kandidati li għaddew biex jidentifikaw lil dawk li jaqblu l-aktar mal-ħtiġijiet tagħhom (pereżempju, f’termini ta’ edukazzjoni, l-esperjenza professjonali u l-ħiliet lingwistiċi). L-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jagħżlu li jippubblikaw il-postijiet vakanti disponibbli għal kandidati li għaddew minn proċeduri ta’ selezzjoni rilevanti.

L-istituzzjonijiet jiġu assennjati kwota ta' kandidati li jistgħu jirreklutaw minn fuq il-lista skont ħtiġijiethom. Din il-kwota normalment titneħħa tlieta jew sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta' riserva, u l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jirreklutaw liberament. Il-kwoti jistgħu jiġu estiżi sa sitt xhur għall-profili ġenerali u minn sena għal diversi snin għal dawk speċjalisti, skont il-ħtiġijiet ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet.

L-istituzzjonijiet jistgħu jikkuntattjaw lill-kandidati li rnexxew għal intervista direttament u, skont ir-riżultat, jagħmlu offerta formali ta’ impjieg. Għal raġunijiet prattiċi, il-kandidati jistgħu wkoll joqogħdu għal eżami mediku qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ħatra.

Hawn se ssib links għal xi paġni ta' reklutaġġ relevanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE kollha.