Għalfejn karriera mal-UE?

.

Opportunità biex tagħmel differenza għall-Ewropa

Qed tfittex karriera eċċitanti u ġdida f’ambjent dinamiku u li għaddej b’pass mgħaġġel? Mela tfittix iktar. Itfa’ ħarstek fuq l-UE. Sew jekk taħdem ma’ istituzzjoni tal-UE jew ma’ aġenzija tal-UE, l-UE toffri post tax-xogħol stimolanti u ta’ sfida għal kulħadd. L-UE tilqa’ applikanti minn kull qasam tal-ħajja. Għalhekk, karriera mal-UE tfisser li taħdem ma’ grupp ta’ kollegi varjat u multikulturali. Se jkollok ukoll l-opportunità li tisfrutta bis-sħiħ il-ħiliet lingwistiċi tiegħek. Ħafna mill-postijiet fil-livell tal-UE jeħtiġulek li tkun taf titkellem mill-inqas żewġ lingwi tal-UE. Ibda karriera mal-UE u se tkun tista’ ttejjeb iktar il-ħiliet lingwistiċi tiegħek billi tattendi korsijiet tal-lingwa. L-appoġġ se jiġi offrut ukoll lill-membri tal-persunal ġodda kollha biex ikun żgurat li huma jsarrfu l-potenzjal sħiħ tagħhom fil-karriera magħżula minnhom. Jiġi offrut salarju kompetittiv lill-applikanti kollha li jgħaddu mill-proċess sħiħ ta’ selezzjoni.

L-UE mhux biss toffri ħafna opportunitajiet ta’ karriera fl-ibliet vibranti u b’ġid kulturali qawwi ta’ Brussell u l-Lussemburgu u anki fi Strasburgu, iżda toffri wkoll bosta karigi f’aġenziji bbażati fl-Ewropa kollha kif ukoll fid-
delegazzjonijiet tal-UE mad-dinja kollha.

 

Xogħol interessanti u li joffri sfida

Fl-istituzzjonijiet tal-UE tista’ taħdem fuq il-kwistjonijiet ewlenin li taqra dwarhom fl-aħbarijiet ta’ kuljum: it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà, il-kummerċ, il-komunikazzjoni mobbli, biex insemmu biss xi ftit minnhom.

Mobilità tax-xogħol

Aħna ma nistgħux noffru “impjieg għal matul il-ħajja kollha” iżda “ħajja ta’ impjiegi differenti”. Permezz tal-iskema ta’ mobilità tal-impjiegi interni tagħna, tista’ timxi minn servizz għal ieħor u minn Istituzzjoni għal oħra.

Karriera bbażata Brussell jew il-Lussemburgu

Normalment tibda l-karriera tiegħek mal-UE fi Brussell jew il-Lussemburgu. Iż-żewġt ibliet huma postijiet li jilqgħuk ħafna, mimlija siġar, internazzjonali u kosmopolitani u jinsabu fil-qalba tal-Ewropa.

Ikkontribwixxi għall-futur tal-Ewropa

Int ma taħdimx biex iżżid il-profitt ta’ kumpanija iżda biex ittejjeb il-ħajja ta’ aktar minn ħames mitt miljun ċittadin Ewropew. Kuljum, dan joffri sfida u privileġġ.

Ambjent tax-xogħol internazzjonali

Kuljum se tiltaqa’ ma’ kollegi mit-28 Stat Membri kollha. Dan l-ambjent ta’ xogħol multinazzjonali u multilingwi hu ta’ benefiċċju kbir u stimolanti. Tista’ wkoll tfittex opportunitajiet biex taħdem fl-aġenziji tal-UE bbażati madwar l-Ewropa u fid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja.

Diversità u ugwaljanza

Tista’ tieħu gost taħdem ma’ kollegi varjati li għandhom talent. Bħala impjegatur, l-UE ma tiddiskrimina fuq ebda bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatterisitiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali. Se tingħata opportunità ndaqs biex turi l-kapaċitajiet tiegħek matul il-proċedura ta’ selezzjoni.