Skip to main content

Benefiċċji

B’xogħolhom, il-membri tal-istaff tal-UE jbiddlu l-valuri tal-Unjoni Ewropea f’azzjoni, jgħinu fit-tfassil tad-deċiżjonijiet u jwettqu pjanijiet b’impatt wiesa’ fuq miljuni ta’ ċittadini tal-UE.

Fl-istess ħin, l-UE toffri firxa ta’ benefiċċji attraenti biex tissodisfa l-ħtiġijiet professjonali, personali u edukattivi tal-istaff tagħha.

Tgħallem aktar billi tikklikkja fuq it-taqsimiet ta’ hawn taħt.

Li taħdem f’ambjent b’pass mgħaġġel bħall-istituzzjonijiet tal-UE jista’ jkun eżiġenti ħafna. Madankollu, l-UE tappoġġja bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jimmotiva lin-nies biex ikunu l-aqwa verżjoni tagħhom ġewwa u barra l-post tax-xogħol.

Is-sħubija fl-istituzzjonijiet tal-UE se tippermettilek li tissodisfa d-domandi kemm tal-karriera tiegħek kif ukoll tal-ħajja personali tiegħek, biex b'hekk ma jkollokx għalfejn tagħżel waħda fuq l-oħra.

Ħinijiet tax-xogħol flessibbli, arranġamenti ta’ telexogħol, aċċess għal firxa wiesgħa ta’ korsijiet ta’ żvilupp personali u kultura tax-xogħol varjata u inklużiva, benefiċċji talli qed taħdem barra pajjiżek (eż. allowance tal-ivvjaġġar u tal-espatrijazzjoni) u benefiċċji “favorevoli għall-familja” (eż. allowance għat-tfal dipendenti, Skejjel Ewropej, liv tal-ġenituri) huma biss uħud mill-affarijiet addizzjonali offruti biex jappoġġjaw il-benessri tal-persunal.

Kemm jekk tapplika għal pożizzjoni permanenti jew għal kuntratt temporanju, l-istituzzjonijiet tal-UE joffru salarju kompetittiv proporzjonat mal-ħiliet, l-esperjenza, ir-responsabbiltajiet u l-motivazzjoni tiegħek.

Il-pagi jvarjaw skont il-grad u l-funzjoni; għall-uffiċjali, is-salarju tal-bidu jvarja minn €3,000 (AST) għal €5,000 (AD) skont il-grad tad-dħul, filwaqt li s-salarju tad-dħul għall-gruppi ta’ funzjoni differenti tal-aġenti kuntrattwali hu bejn €2,000 u €2,500. Żieda fis-salarji bbażata fuq il-mertu u l-anzjanità waqt li tkun qed tagħmel progress fil-karriera tiegħek.

Ikseb aktar dettalji minn din it-tabella tas-salarji.

Skont is-sitwazzjoni personali tiegħek, tista’ wkoll tkun intitolat għal extras bħal allowance għat-tfal dipendenti, allowance tal-espatrijazzjoni, rimborż tat-trasport jew allowance ta’ residenza barranija.

Sib aktar informazzjoni fir-regolamenti tal-persunal tal-UE.

Jekk għandek jew qed tippjana familja f’xi punt fil-futur tiegħek, se tkun intitolat għal benefiċċji addizzjonali bħall-allowance tal-familja u tat-tfal, il-leave tal-ġenituri, l-allowance għall-edukazzjoni u kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali għall-persuni espatrijati u l-membri tal-familja tagħhom.

Ix-xogħol fi Brussell jew fil-Lussemburgu jagħtik vantaġġ miżjud: it-tnejn li huma bliet prattiċi għall-familja, għandhom skejjel nazzjonali u internazzjonali eċċellenti kif ukoll faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal. Fosthom hemm l-Iskejjel Ewropej li joffru edukazzjoni multilingwi u multikulturali lit-tfal tal-istaff tal-UE.

Skejjel Ewropej

L-Iskejjel Ewropej huma stabbilimenti edukattivi uffiċjali kkontrollati b’mod konġunt mill-Gvernijiet tas-27 Stat Membru tal-UE. Huma mmirati primarjament lejn it-tfal tal-istaff tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-missjoni tal-Iskejjel Ewropej hi li jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità multilingwi u multikulturali għall-istudenti tan-nursery, tal-primarja u tas-sekondarja. L-istruzzjoni bażika tingħata bil-lingwi uffiċjali tal-UE. Dan il-prinċipju jippermetti li tiġi salvagwardjata s-supremazija tal-lingwa nattiva tal-istudent (L1). Konsegwentement, kull skola tinkludi diversi sezzjonijiet lingwistiċi. Biex titrawwem l-unità tal-iskola u titħeġġeġ edukazzjoni multikulturali ġenwina, hemm enfasi qawwija fuq it-tagħlim, il-fehim u l-użu ta’ lingwi barranin.

In-network tal-Iskejjel Ewropej bħalissa hu magħmul minn 13-il skola b’total ta’ madwar 28,300 student irreġistrat. Il-maġġoranza ta’ dawn l-istudenti huma bbażati fi Brussell u fil-Lussemburgu, iżda l-iskejjel jinsabu wkoll fi Stati Membri oħrajn.

Tista’ titgħallem aktar dwar l-objettivi u l-prinċipji tal-Iskejjel Ewropej u ssib il-postijiet kollha tagħhom.

Xogħol mal-istituzzjonijiet tal-UE jfisser opportunità tul il-ħajja għat-tkabbir professjonali u personali.

Bl-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda, il-persunal jista’ jżomm il-motivazzjoni tiegħu għolja, javvanza fl-impjieg tiegħu u jikseb il-potenzjal sħiħ tal-karriera tiegħu.

Hemm korsijiet ta’ taħriġ disponibbli dwar varjetà wiesgħa ta’ suġġetti bħad-diplomazija, l-inklużjoni u d-diversità tal-UE, il-politiki tal-UE, ir-relazzjonijiet interistituzzjonali, is-soluzzjonijiet fuq il-post tax-xogħol u dawk soċjali, l-IT u l-iżvilupp diġitali, biex insemmu biss ftit minnhom.

L-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni (EUSA) - maħluqa apposta biex tipprovdi korsijiet interistituzzjonali ta’ kwalità għolja għall-persunal tal-UE - hi responsabbli għal xi wħud mill-korsijiet ta’ taħriġ.

L-uffiċjali tal-UE huma profiċjenti mill-anqas f’żewġ lingwi tal-UE u qabel ma jiksbu l-ewwel promozzjoni tagħhom iridu jagħtu prova tal-ħiliet tagħhom fit-tielet waħda.

Il-persunal tal-UE jinteraġixxi f’diversi lingwi fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum. L-iżvilupp lingwistiku kontinwu hu parti importanti mill-karriera tal-membri tal-persunal u hu għalhekk li l-UE toffri varjetà ta’ korsijiet tal-lingwi.