Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Applikajt għal kompetizzjoni wara l-01/01/2023: Liema dokumenti ta’ sostenn għandi nipprovdi?

Il-Bord ta’ Selezzjoni jikkunsidra biss id-dokumenti li tkun applowdjajt u llinkjajt mal-entrati rilevanti tal-applikazzjoni tiegħek għall-kompetizzjoni fil-Profil tal-EPSO tiegħek. Dawn id-dokumenti jridu jiġġustifikaw l-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, u li abbażi tagħha inti ammess għall-kompetizzjoni.

Kull entrata tal-formola tal-applikazzjoni online tiegħek (edukazzjoni, esperjenza professjonali) trid tkun sostnuta u kkonfermata mid-dokumenti rilevanti. Kull dokument applowdjat għandu jkun illinkjat mal-entrata li jirreferi għaliha fl-applikazzjoni online tiegħek. L-istruzzjonijiet dwar kif tapplowdja d-dokumenti tiegħek jinsabu taħt Kif għandi napplowdja / nillinkja d-dokumenti ta’ sostenn tiegħi?

1. Identità: kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport validu tiegħek

2. Edukazzjoni:

  • Diploma li tagħtik aċċess għall-kompetizzjoni kif meħtieġ fl-Avviż ta’ Kompetizzjoni, Kundizzjonijiet speċifiċi — kwalifiki u esperjenza ta’ xogħol:
    • Għall-kompetizzjonijiet AST: diplomi sekondarji u postsekondarji;
    • Għall-kompetizzjonijiet AD: diplomi postsekondarji.
  • Rikonoxximent uffiċjali tad-diploma tiegħek, jekk meħtieġ: id-diplomi, kemm jekk maħruġin f’pajjiżi tal-UE kif ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali tal-Istat, eż. ministeru tal-edukazzjoni ta’ Stat Membru tal-UE; Ara wkoll Taċċettaw il-kwalifika/id-diploma tiegħi maħruġa f’pajjiżi mhux tal-UE?
  • Dokumentazzjoni dwar it-taħriġ segwit, dment li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni (jekk jogħġbok irreferi għall-Avviż tal-kompetizzjoni).

3. Esperjenza professjonali:

Perjodi ta’ esperjenza professjonali li mhumiex ikkorroborati minn deskrizzjoni tal-impjieg ma jitqisux mill-Bord tas-Selezzjoni. Kun ċert li tipprovdi dokumenti li juru n-natura tad-dmirijiet tiegħek u t-tul ta’ żmien tal-esperjenza tiegħek:

3.1. Għal xogħol b’salarju:

  • Dokumenti mill-impjegatur(i) attwali u preċedenti li jiddikjaraw in-natura u l-livell tad-dmirijiet imwettqin (ittri mis-superjur ġerarkiku, rapporti ta’ evalwazzjoni li jiddeskrivu l-kompiti tiegħek, deskrizzjonijiet tax-xogħol ipprovduti mill-impjegatur tiegħek, kuntratti inklużi deskrizzjonijiet dettaljati tad-dmirijiet imwettqin,...)
  • Kuntratt(i) ta’ impjieg bid-data tal-bidu u tat-tmiem, jew l-ewwel u l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-paga.

Id-dokumenti jridu jkunu ddatati, ikollhom l-intestatura u/jew it-timbru tal-kumpanija uffiċjali, it-timbru, kif ukoll l-isem u l-firma tal-persuna responsabbli.  

3.2. Għal dawk li jaħdmu għal rashom - professjonijiet liberi:

  • Fatturi, kuntratti, formoli tal-ordni;
  • Korrispondenza bl-email;
  • Minuti tal-laqgħat;
  • Kontijiet tat-taxxa;
  • Sħubija f’assoċjazzjoni professjonali.

Dikjarazzjonijiet fuq l-unur jew dokumenti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ hawn fuq ma jiġux ikkunsidrati. Jekk tonqos milli tipprovdi biżżejjed evidenza dokumentarja sal-iskadenza meħtieġa, tista’ titqies bħala mhux eliġibbli u eskluż mill-kompetizzjoni abbażi tan-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn.

Il-kandidati jistgħu jiġu kkuntattjati permezz ta’ email biex jipprovdu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali dwar diploma jew esperjenza professjonali partikolari.